keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 8 Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
- 2 Artikolu 18 Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
- 1 Artikolu 24 Miżuri interim
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 44
- skont 19
- il-kummissjoni 18
- għandu 15
- għandha 14
- żmien 11
- jkun 10
- biex 9
- tista’ 9
- tagħha 9
- il-paragrafu 9
- preliminari 8
- tkun 8
- l-miżuri 7
- l-artikolu 7
- implimentazzjoni 7
- l-artikolu 7
- tas-suq 7
- b’mod 7
- jekk 6
- meta 6
- gwardjan 6
- fl-artikolu 6
- jiġi 6
- tqis 6
- tiegħu 5
- msemmija 5
- lill-gwardjan 5
- mal-obbligi 5
- il-gwardjan 5
- mhux 5
- f’konformità 5
- sistematika 5
- il-miżuri 5
- effettivi 5
- effettiv 5
- jista’ 5
- stess 4
- xhur 4
- l-att 4
- perjodu 4
- stabbiliti 4
- ikkonċernat 4
- proċedimenti 4
- l-gwardjan 4
- tadotta 4
- s-sejbiet 4
- adottat 4
- ma’ 4
- tikkomunika 4
Artikolu 8
Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
1. Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.
2. Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.
3. Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.
Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.
4. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.
5. Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
6. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
7. Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.
8. Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.
9. Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:
(a) | tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew |
(b) | id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew |
(c) | il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi. |
Artikolu 18
Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.
3. Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.
5. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
6. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.
7. Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.
8. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.
Artikolu 24
Miżuri interim
F’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 5, 6 jew 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29(1). Dan għandu japplika biss għal perjodu ta’ żmien speċifikat u jista’ jiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
whereas