search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tad-deċiżjonijiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tad-deċiżjonijiet:


whereas tad-deċiżjonijiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 394

 

Artikolu 13

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.

3.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.

4.   Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.

5.   Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.

6.   Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

7.   Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.

8.   Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

Artikolu 30

Multi

1.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;

(b)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14;

(d)

jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15;

(e)

jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3);

(f)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22;

(g)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23;

(h)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23;

(i)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26;

(j)

jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew

(k)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(4).

4.   Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.

5.   Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.

Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Artikolu 44

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 8(2), l-Artikoli 9, 10, 16 sa 20 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikoli 29, 30 u 31. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

2.   Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.


whereas









keyboard_arrow_down