keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 4 Rieżami tal-istatus tal-gwardjan
- 11 Artikolu 5 Obbligi għall-gwardjani
- 7 Artikolu 6 Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8
- 3 Artikolu 7 Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri
- 1 Artikolu 8 Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
- 4 Artikolu 10 Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika
- 1 Artikolu 11 Rappurtar
- 2 Artikolu 14 Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet
- 2 Artikolu 18 Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
- 1 Artikolu 19 Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda
- 1 Artikolu 35 Rappurtar annwali
- 1 Artikolu 41 Talba għal investigazzjoni tas-suq
- 3 Artikolu 44 pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet
- 1 Artikolu 46 Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
- 1 Artikolu 49 Eżerċizzju tad-delega
- 1 Artikolu 50 Proċedura ta’ Kumitat
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 413
- finali 84
- skont 82
- pjattaforma 82
- għandha 67
- servizzi 66
- kummerċjali 65
- għandu 64
- dwar 57
- ewlenin 57
- għal 53
- minn 50
- l-artikolu 50
- biex 47
- kwalunkwe 45
- utenti 41
- il-kummissjoni 38
- rilevanti 37
- l-għadd 36
- il-gwardjan 33
- fl-artikolu 32
- ewropew 32
- jekk 32
- inkluż 31
- kull 30
- ma’ 30
- data 29
- il-gwardjan 28
- tagħhom 28
- online 28
- tiegħu 27
- tista’ 27
- tagħha 27
- matul 27
- b’mod 27
- mill-inqas 26
- żmien 25
- lill-utenti 25
- uniċi 25
- tkun 25
- servizz 25
- ewlieni 24
- tas-servizzi 24
- permezz 23
- jiġu 23
- ir-regolament 23
- jipprovdi 23
- tal-kunsill 23
- jkunu 23
- il-paragrafu 23
Artikolu 4
Rieżami tal-istatus tal-gwardjan
1. Meta tintalab, jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a) | tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni; |
(b) | id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa. |
2. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment, u mill-inqas kull 3 snin, jekk il-gwardjani għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Dak ir-rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan li huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), punt (b), teħtieġx li tiġi emendata. Dawk ir-rieżamijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq l-obbligi tal-gwardjan.
Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll mill-inqas kull sena jekk impriżi ġodda li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti.
Meta l-Kummissjoni, abbażi tar-rieżamijiet skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bħala gwardjani, hija għandha tadotta deċiżjoni li tikkonferma, temenda jew tħassar id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu III.
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
Artikolu 5
Obbligi għall-gwardjani
1. Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
2. Il-gwardjan ma għandux jagħmel dan li ġej:
(a) | jipproċessa, għall-fini tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online, data personali tal-utenti finali li jużaw servizzi ta’ partijiet terzi li jagħmlu użu minn servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan; |
(b) | jikkombina data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ewleni ulterjuri ta’ pjattaforma jew minn kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-gwardjan jew ma’ data personali minn servizzi ta’ partijiet terzi; |
(c) | juża b’mod inkroċjat data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti f’servizzi oħra pprovduti separatament mill-gwardjan, inkluż servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma, u viċi versa; u |
(d) | jikkonnettja utenti finali għal servizzi oħra tal-gwardjan sabiex jikkombina data personali, |
sakemm l-utent finali ma jkunx ġie ppreżentat bl-għażla speċifika u ma jkunx ta l-kunsens fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (11), u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.
Meta l-kunsens mogħti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jkun ġie rrifjutat jew irtirat mill-utent finali, il-gwardjan ma għandux jirrepeti t-talba tiegħu għal kunsens għall-istess fini aktar minn darba f’perjodu ta’ sena.
Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-gwardjan jiddependi fuq l-Artikolu 6(1), punti (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn applikabbli.
3. Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi jew permezz tal-kanal ta’ bejgħ dirett online tagħhom bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjan.
4. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali, mingħajr ħlas, jikkomunikaw u jippromwovu offerti, inkluż b’kondizzjonijiet differenti, lill-utenti finali akkwistati permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tiegħu jew b’mezzi oħra, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawk l-utenti finali, irrispettivament minn jekk jużawx is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan għal dak l-iskop.
5. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti finali jaċċessaw u jużaw, permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu, il-kontenut, l-abbonamenti, il-karatteristiċi jew oġġetti oħra billi jużaw l-applikazzjoni tas-software ta’ utent kummerċjali, inkluż meta dawk l-utenti finali jkunu akkwistaw tali oġġetti mingħand l-utent kummerċjali rilevanti mingħajr ma jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan.
6. Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni jew jirrestrinġi direttament jew indirettament lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali milli jqajmu kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali mill-gwardjan ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti, inkluż il-qrati nazzjonali, b’rabta ma’ kwalunkwe prattika tal-gwardjan. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistabbilixxu fil-ftehimiet tagħhom it-termini tal-użu tal-mekkaniżmi legali għat-trattament tal-ilmenti.
7. Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti finali jużaw, jew lill-utenti kummerċjali jużaw, joffru, jew jinteroperaw ma’ servizz ta’ identifikazzjoni, web browsers jew servizz ta’ pagament, jew servizzi tekniċi li jappoġġjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, bħal sistemi ta’ pagament għal xiri in-app, ta’ dak il-gwardjan fil-kuntest ta’ servizzi pprovduti mill-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan.
8. Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali jabbonaw ma’, jew jirreġistraw ma’, kwalunkwe servizz ewlieni ulterjuri ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), bħala kondizzjoni biex ikunu jistgħu jużaw, jaċċessaw, jirreġistraw għal jew jirreġistraw ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan elenkati skont dak l-Artikolu.
9. Il-gwardjan għandu, fuq talba tar-reklamatur, jipprovdi lil kull reklamatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mir-reklamaturi, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam li jsir mir-reklamatur:
(a) | il-prezz u t-tariffi mħallsa minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan, |
(b) | ir-remunerazzjoni li jirċievi l-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tal-pubblikatur; u |
(c) | il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet, it-tariffi u r-remunerazzjonijiet. |
F’każ li pubblikatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni riċevuta, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull reklamatur mingħajr ħlas informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kuljum riċevuta minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.
10. Il-gwardjan għandu, fuq talba tal-pubblikatur, jipprovdi lil kull pubblikatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mill-pubblikatur, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam muri fuq l-inventarju tal-pubblikatur:
(a) | ir-remunerazzjoni riċevuta u t-tariffi mħallsa minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan; |
(b) | il-prezz imħallas mir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tar-reklamatur; u |
(c) | il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet u r-remunerazzjonijiet. |
F’każ li reklamatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull pubblikatur informazzjoni mingħajr ħlas dwar il-prezz medju ta’ kuljum imħallas minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.
Artikolu 6
Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8
1. Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbilti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
2. Il-gwardjan ma għandux juża, f’kompetizzjoni mal-utenti kummerċjali, kwalunkwe data li ma tkunx disponibbli għall-pubbliku li tiġi ġġenerata jew ipprovduta minn dawk l-utenti kummerċjali fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew b’appoġġ għalihom, inkluż data ġġenerata jew ipprovduta mill-konsumaturi ta’ dawk l-utenti kummerċjali.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, id-data li mhijiex disponibbli pubblikament għandha tinkludi kwalunkwe data aggregata u mhux aggregata ġġenerata mill-utenti kummerċjali li tista’ tiġi dedotta mill-attivitajiet kummerċjali tal-utenti kummerċjali jew tal-konsumaturi tagħhom jew miġbura permezz tagħhom, inkluż data dwar il-klikks, it-tiftix, il-viżjonijiet u l-vuċi, dwar is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew dwar servizzi pprovduti flimkien ma’, jew b’appoġġ għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan.
3. Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jneħħu faċilment kwalunkwe applikazzjoni tas-software fis-sistema operattiva tal-gwardjan, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dak il-gwardjan jillimita din id-diżinstallazzjoni b’rabta ma’ applikazzjonijiet tas-software li huma essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operattiva jew tal-apparat u li ma jistgħux teknikament jiġu offruti waħedhom minn partijiet terzi.
Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jibdlu faċilment is-settings prestabbiliti fis-sistema operattiva, l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan li jidderieġu jew imexxu lill-utenti finali lejn prodotti jew servizzi pprovduti mill-gwardjan. Dan jinkludi t-tħeġġiġ tal-utenti finali, fil-mument tal-ewwel użu mill-utenti finali ta’ magna tat-tiftix online, assistent virtwali jew web browser tal-gwardjan elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), biex jagħżlu, minn lista tal-fornituri tas-servizzi ewlenin disponibbli, il-magna tat-tiftix online, l-assistent virtwali jew il-web browser li s-sistema operattiva tal-gwardjan tidderieġi jew tmexxi lill-utenti b’mod awtomatiku, u l-magna tat-tiftix online li l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan jidderieġu jew imexxu lill-utenti b’mod prestabbilit.
4. Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku l-installazzjoni u l-użu effettiv ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi li jużaw, jew li joperaw ma’, sistemi operattivi tiegħu, u jippermetti li dawk l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software jiġu aċċessati b’mezzi oħra għajr is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti ta’ dak il-gwardjan. Fejn applikabbli, il-gwardjan ma għandux iwaqqaf l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ parti terza li jkunu niżżlu milli jħeġġu lill-utenti finali jiddeċiedu jekk iridux jissettjawhom bħala prestabbiliti. Il-gwardjan għandu jagħmilha possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali li jiddeċiedu li jissettjaw dik l-applikazzjoni tas-software jew il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software li jkunu niżżlu bħala prestabbiliti biex iwettqu dik il-bidla faċilment.
Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri biex jiżgura li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva pprovduta mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
Barra minn hekk, il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli japplika, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri u settings għajr settings prestabbiliti, li jippermettu lill-utenti finali jipproteġu b’mod effettiv is-sigurtà fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi, dment li tali miżuri u settings għajr settings prestabbiliti jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
5. Il-gwardjan ma għandux jittratta b’mod aktar favorevoli, fil-klassifikazzjoni u fl-indiċjar u l-crawling relatati, servizzi u prodotti offruti mill-gwardjan innifsu meta mqabbla ma’ servizzi jew prodotti simili ta’ parti terza. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji għal tali klassifikazzjoni.
6. Il-gwardjan ma għandux jillimita teknikament jew b’xi mod ieħor l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu bejn, u jabbonaw ma’, applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti li jiġu aċċessati bl-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan, inkluż fir-rigward tal-għażla ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għall-utenti finali.
7. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ hardware, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tal-hardware u tas-software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva jew l-assistent virtwali elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) li jkunu disponibbli għas-servizzi jew il-hardware ipprovduti mill-gwardjan. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali u lill-fornituri alternattivi ta’ servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess sistema operattiva, tal-hardware jew tal-karatteristiċi tas-software, irrispettivament minn jekk dawk il-karatteristiċi jkunux parti mis-sistema operattiva, kif ikunu disponibbli jew użati minn dak il-gwardjan meta jipprovdi tali servizzi.
Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operattiva, tal-assistent virtwali, tal-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software pprovduti mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
8. Il-gwardjan għandu jipprovdi lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, kif ukoll lil partijiet terzi awtorizzati minn reklamaturi u pubblikaturi, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, aċċess għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u għad-data meħtieġa biex ir-reklamaturi u l-pubblikaturi jwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-inventarju tar-reklami, inkluż data aggregata u mhux aggregata. Tali data għandha tiġi pprovduta b’mod li jippermetti lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi jħaddmu l-għodod ta’ verifika u ta’ kejl tagħhom stess biex jivvalutaw il-prestazzjoni tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani.
9. Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti finali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent finali, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, portabbiltà effettiva tad-data pprovduta mill-utent finali jew iġġenerata permezz tal-attività tal-utent finali fil-kuntest tal-użu tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, inkluż billi jipprovdi, mingħajr ħlas, għodod biex jiffaċilita l-eżerċizzju effettiv ta’ tali portabbiltà tad-data, u inkluż bil-forniment ta’ aċċess kontinwu u f’ħin reali għal tali data.
10. Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti kummerċjali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent kummerċjali, fuq talba tagħhom, mingħajr ħlas, b’aċċess u użu effettiv, ta’ kwalità għolja, kontinwu u f’ħin reali, tad-data aggregata u mhux aggregata, inkluż data personali, li tkun ipprovduta jew iġġenerata fil-kuntest tal-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti, jew b’appoġġ għalihom, mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali li jinteraġixxu mal-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn dawk l-utenti kummerċjali. Fir-rigward tad-data personali, il-gwardjan għandu jipprovdi għal tali aċċess għal data personali u użu tagħha biss meta d-data tkun konnessa direttament mal-użu li jkun sar mill-utenti finali fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi offruti mill-utent kummerċjali rilevanti permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, u meta l-utenti finali jaċċettaw din il-kondiviżjoni billi jagħtu l-kunsens tagħhom.
11. Il-gwardjan għandu jipprovdi lil kwalunkwe impriża terza li tipprovdi magni tat-tiftix online, fuq talba tagħha, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, b’aċċess għal data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet fir-rigward ta’ tiftix mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-utenti finali fuq il-magni tat-tiftix online tiegħu. Kwalunkwe data bħal din dwar il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet li tikkostitwixxi data personali għandha tiġi anonimizzata.
12. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-utenti kummerċjali għall-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, għall-magni tat-tiftix online u għas-servizzi ta’ networking soċjali online tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
Għal dak il-għan, il-gwardjan għandu jippubblika l-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess, inkluż mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ippubblikati jikkonformawx ma’ dan il-paragrafu.
13. Il-gwardjan ma għandux ikollu kondizzjonijiet ġenerali għat-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li jkunu sproporzjonati. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet ta’ terminazzjoni jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr diffikultà żejda.
Artikolu 7
Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri
1. Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-Unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.
2. Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:
(a) | wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):
|
(b) | fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:
|
(c) | fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:
|
3. Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.
4. Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.
5. Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-Unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.
6. Il-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.
7. L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.
8. Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.
9. Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
Artikolu 8
Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
1. Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.
2. Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.
3. Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.
Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.
4. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.
5. Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
6. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
7. Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.
8. Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.
9. Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:
(a) | tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew |
(b) | id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew |
(c) | il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi. |
Artikolu 10
Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika
1. Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.
3. Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.
4. F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
5. Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 11
Rappurtar
1. Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, u skont l-Artikolu 3(10), il-gwardjan għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport li jiddeskrivi b’mod dettaljat u trasparenti l-miżuri li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7.
2. Sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, il-gwardjan għandu jippubblika u jipprovdi lill-Kummissjoni sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport.
Il-gwardjan għandu jaġġorna dak ir-rapport u dak is-sommarju mhux kunfidenzjali mill-inqas darba fis-sena.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel link għal dak is-sommarju mhux kunfidenzjali disponibbli fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 14
Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet
1. Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi jew il-mira ta’ konċentrazzjoni jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew xi servizz ieħor fis-settur diġitali jew jippermettu l-ġbir ta’ data, irrispettivament minn jekk tkunx notifikabbli lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.
Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.
2. L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi l-impriżi milquta mill-konċentrazzjoni, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni u madwar id-dinja, l-oqsma ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni u l-valur tat-tranżazzjoni tal-ftehim jew stima tagħha flimkien ma’ sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha u lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-konċentrazzjoni.
L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan għandha tiddeskrivi wkoll, għal kwalunkwe servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd tagħhom ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar, rispettivament.
3. Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, servizzi ewlenin addizzjonali ta’ pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u tippubblika kull sena l-lista tal-akkwiżizzjonijiet li dwarhom tkun ġiet infurmata mill-gwardjani skont dak il-paragrafu.
Il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti.
5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.
Artikolu 18
Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.
3. Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.
5. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
6. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.
7. Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.
8. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.
Artikolu 19
Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulati fl-Artikolu 2, punt (2) jew bil-għan li tidentifika prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe sejba rilevanti ta’ proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar is-swieq diġitali kif ukoll kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor.
2. Il-Kummissjoni tista’, meta twettaq investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, tikkonsulta lil partijiet terzi, inkluż l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi fis-settur diġitali li jkunu qed jiġu investigati u lill-utenti kummerċjali u lill-utenti finali li jkunu soġġetti għal prattiki li jkunu qed jiġu investigati.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha f’rapport fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn:
(a) | proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jiġu inklużi obbligi ġodda fil-Kapitolu III; jew |
(b) | abbozz ta’ att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew abbozz ta’ att delegat li jemenda jew jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7, kif previst fl-Artikolu 12. |
Fejn xieraq, il-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tista’ wkoll tipproponi li jitneħħew is-servizzi eżistenti mil-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jitneħħew obbligi eżistenti mill-Artikolu 5, 6 jew 7.
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
Artikolu 35
Rappurtar annwali
1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:
(a) | sommarju tal-attivitajiet tal-Kummissjoni inkluż kwalunkwe miżura jew deċiżjoni adottata u investigazzjonijiet tas-suq li jkunu għaddejjin b’rabta ma’ dan ir-Regolament; |
(b) | is-sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-gwardjani tal-obbligi skont dan ir-Regolament; |
(c) | valutazzjoni tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fl-Artikolu 15; |
(d) | ħarsa ġenerali lejn il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta ma’ dan ir-Regolament; |
(e) | ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kompiti mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli tar-Regolaturi Diġitali, inkluż kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. |
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 41
Talba għal investigazzjoni tas-suq
1. Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan.
2. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 18 għax iqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1).
3. Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li:
(a) | servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2, punt (2), jew |
(b) | prattika waħda jew aktar mhumiex indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament u jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew ikunu inġusti. |
4. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talbiet tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3. Għal talbiet skont il-paragrafu 3, tali evidenza tista’ tinkludi informazzjoni dwar offerti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar kontestabbiltà jew korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor.
5. Fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, 2 jew 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha.
Artikolu 44
pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 8(2), l-Artikoli 9, 10, 16 sa 20 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikoli 29, 30 u 31. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.
2. Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.
Artikolu 46
Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:
(a) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3; |
(b) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7; |
(c) | arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7; |
(d) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3); |
(e) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10; |
(f) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11; |
(g) | il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra |
(h) | il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15; |
(i) | l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29; |
(j) | l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34; |
(k) | l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34; |
(l) | l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u |
(m) | l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi. |
2. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).
3. Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.
Artikolu 49
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 50
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat hekk jiddeċiedi, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob li jsir hekk.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-kumitat lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.
Artikolu 54
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mit-2 ta' Mejju 2023.
Madankollu, l-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikoli 40, 46, 47, 48, 49 u 50 għandhom japplikaw mill-1 ta' Novembru 2022 u l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Ġunju 2023.
Madankollu, jekk id-data tal-25 ta’ Ġunju 2023 tippreċedi d-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandha tiġi posposta sad-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Settembru 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64.
(2) ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
(6) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(7) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(8) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(9) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(10) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).
(11) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).
(13) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(14) Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).
(15) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(17) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(19) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(20) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(21) Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
(22) ĠU C 147, 26.4.2021, p. 4.
(23) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(24) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
ANNESS
A. “Ġenerali”
1. | Dan l-Anness għandu l-għan li jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fl-Artikolu 2, punt (2). Huwa jipprovdi referenza biex impriża tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħha jissodisfawx il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2), punt (b) u għalhekk ikun preżunt li jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikolu 3(1), punt (b). Tali referenza għalhekk ser tkun ugwalment rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni usa’ skont l-Artikolu 3(8). Hija r-responsabbiltà tal-impriża li tasal għall-aħjar approssimazzjoni possibbli skont il-prinċipji komuni u l-metodoloġija speċifika stabbiliti f’dan l-Anness. Xejn f’dan l-Anness ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, milli tirrikjedi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkalkulati l-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi”. Jenħtieġ li xejn f’dan l-Anness ma jikkostitwixxi bażi legali għat-traċċar tal-utenti. Il-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu stipulat f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) u (8) u l-Artikolu 13(3). B’mod partikolari, il-konformità meħtieġa mal-Artikolu 13(3) tfisser ukoll l-identifikazzjoni u l-ikkalkular tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” abbażi ta’ kejl preċiż jew tal-aħjar approssimazzjoni disponibbli, f’konformità mal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u kalkolu attwali li l-impriża li tipprovdi s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha fil-mument rilevanti. Dak il-kejl jew l-aħjar approssimazzjoni disponibbli għandhom ikunu konsistenti ma’, u jinkludu, dawk irrappurtati skont l-Artikolu 15. |
2. | L-Artikolu 2, punti (20) u (21) jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ “utent finali” u “utent kummerċjali”, li huma komuni għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kollha. |
3. | Sabiex jidentifika u jikkalkula l-għadd ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”, dan l-Anness jirreferi għall-kunċett ta’ “utenti uniċi”. Il-kunċett ta’ “utenti uniċi” jinkludi “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” magħduda darba biss, għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, matul perjodu ta’ żmien speċifikat (jiġifieri għal kull xahar fil-każ ta’ “utenti finali attivi” u għal kull sena fil-każ ta’ “utenti kummerċjali attivi”), irrispettivament minn kemm-il darba interaġew mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti matul dak il-perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-istess persuna fiżika jew ġuridika tista’ simultanjament tkun “utent finali attiv” jew “utent kummerċjali attiv” għal servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma. |
B. “Utenti finali attivi”
1. | L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti finali attivi” għandhom jiġu identifikati skont l-aktar metrika preċiża rrappurtata mill-impriża li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, speċifikament:
|
2. | L-għadd ta’ “utenti finali attivi ta’ kull xahar” huwa bbażat fuq l-għadd medju ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja. Il-kunċett tal-“akbar parti tas-sena finanzjarja” huwa maħsub biex impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun tista’ tnaqqas ċifri outlier f’sena partikolari. Ċifri outlier minnhom infushom ifissru ċifri li jaqgħu b’mod sinifikanti barra ċ-ċifri normali u prevedibbli. Livelli għoljin ħafna jew tnaqqis mhux previst fl-involviment tal-utenti li seħħ matul xahar wieħed tas-sena finanzjarja huwa eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi tali ċifri outlier. Iċ-ċifri relatati ma’ okkorrenzi rikorrenti kull sena, bħall-promozzjonijiet tal-bejgħ annwali, mhumiex ċifri outlier |
C. “Utenti kummerċjali attivi”
L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali attivi” għandu jiġi determinat, fejn applikabbli, fil-livell tal-kont b’kull kont kummerċjali distint assoċjat mal-użu ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut mill-impriża li tikkostitwixxi utent kummerċjali uniku wieħed ta’ dak is-servizz ewlieni rispettiv ta’ pjattaforma. Jekk il-kunċett ta’ “kont kummerċjali” ma japplikax għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma partikolari, l-impriża rilevanti li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha tiddetermina l-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi billi tirreferi għall-impriża rilevanti.
D. “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”
1. | L-impriża li tippreżenta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) informazzjoni dwar l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni ta’ dik l-informazzjoni. F’dan ir-rigward:
|
2. | Għall-fini tal-kalkolu tan-numru ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”:
|
E. “Definizzjonijiet speċifiċi”
It-tabella hawn taħt tagħti definizzjonijiet speċifiċi ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma.
Servizzi ewlenin ta’ pjattaforma | Utenti finali attivi | Utenti kummerċjali attivi |
Servizzi ta’ intermedjazzjoni online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar pereżempju billi aċċessaw attivament permezz ta’ konnessjoni, billi għamlu tfittxija, ikklikkjaw jew skrolljaw jew billi kkonkludew tranżazzjoni permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li kellhom mill-inqas oġġett wieħed elenkat fis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena kollha jew li kkonkludew tranżazzjoni attivata mis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena. |
Magni tat-tiftix online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mal-magna tat-tiftix online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi b’siti web tan-negozju (jiġifieri sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) indiċjati mill-magna tat-tiftix online jew parti mill-indiċi tagħha matul is-sena. |
Servizzi ta’ networking soċjali online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ networking soċjali online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, reazzjoni, mistoqsija, kitba ta’ post jew kummenti. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li għandhom inklużjoni f’lista tan-negozju jew kont tan-negozju fis-servizz tan-networking soċjali online u li kellhom kuntatt b’xi mod mas-servizz tal-inqas darba matul is-sena, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, like, mistoqsija, kitba ta’ post, kummenti jew użu tal-għodod tiegħu għan-negozji. |
Servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi raw parti minn kontenut awdjoviżiv, fittxew jew tellgħu kontenut awdjoviżiv, b’mod partikolari inkluż filmati maħluqa mill-utenti. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew mill-inqas silta waħda ta’ kontenut awdjoviżiv imtella’ jew viżwalizzat fuq is-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing matul is-sena. |
Servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li użaw kont tan-negozju jew inkella bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri biex jikkomunikaw direttament ma’ utent aħħari mill-inqas darba matul is-sena. |
Sistemi operattivi | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw apparat bis-sistema operattiva, li ġie attivat, aġġornat jew intuża mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ developers uniċi li ppubblikaw, aġġornaw jew offrew mill-inqas applikazzjoni waħda ta’ software jew programm ta’ software bl-użu tal-lingwa tal-ipprogrammar jew kwalunkwe għodda għall-iżvilupp ta’ software tas-sistema operattiva, jew li jużaha b’xi mod, matul is-sena. |
Assistent virtwali | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-assistent virtwali bi kwalunkwe mod mill-inqas darba fix-xahar, bħal pereżempju billi jattivawh, jistaqsu mistoqsija, jaċċessaw servizz permezz ta’ kmand jew jikkontrollaw apparat tad-dar intelliġenti. | L-għadd ta’ żviluppaturi uniċi li offrew mill-inqas applikazzjoni ta’ software ta’ assistent virtwali waħda jew funzjonalità biex jagħmlu applikazzjoni tas-software eżistenti aċċessibbli permezz tal-assistent virtwali matul is-sena. |
Web browsers | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-web browser mill-inqas darba fix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija jew indirizz tas-sit web fil-linja URL tal-web browser. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li s-siti web kummerċjali tagħhom (jiġifieri s-sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) ġew aċċessati permezz tal-web browser mill-inqas darba matul is-sena jew li offrew plug-in, estensjoni jew add-ons użati fuq il-web browser matul is-sena. |
Servizzi tal-cloud computing | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw xi servizz tal-cloud computing mill-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ cloud computing mill-inqas darba matul ix-xahar, għal kwalunkwe tip ta’ remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk din ir-remunerazzjoni sseħħx fl-istess xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew kwalunkwe servizz ta’ cloud computing ospitat fl-infrastruttura tal-cloud tal-fornitur rilevanti tas-servizzi ta’ cloud computing matul is-sena. |
Servizzi ta’ reklamar online | Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar: L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam mill-inqas darba matul ix-xahar. Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar): L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam li skattat is-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar mill-inqas darba matul ix-xahar. | Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar: L-għadd ta’ reklamaturi uniċi li kellhom mill-inqas impressjoni ta’ reklam waħda murija matul is-sena. Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar): L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi (inkluż reklamaturi, pubblikaturi jew intermedjarji oħra) li interaġixxew permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar jew kienu moqdija minnu matul is-sena. |