keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 6 Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8
- 3 Artikolu 35 Rappurtar annwali
- 1 Artikolu 40 Il-grupp ta’ livell għoli
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 73
- għandu 22
- tas-software 19
- finali 18
- il-gwardjan 14
- livell 13
- kummerċjali 13
- il-gwardjan 13
- pjattaforma 13
- ewlenin 12
- għoli 12
- applikazzjonijiet 12
- data 12
- minn 12
- ma’ 11
- servizzi 11
- rilevanti 11
- għandha 10
- b’mod 10
- inkluż 10
- tagħhom 10
- jkunu 10
- jipprovdi 9
- għandux 9
- mingħajr 9
- tiegħu 9
- operattiva 9
- ir-regolament 9
- dwar 8
- biex 8
- tal-gwardjan 8
- mill-gwardjan 8
- pprovduti 8
- lill-utenti 8
- ħlas 8
- jippermetti 7
- terzi 7
- online 7
- tas-servizzi 7
- ġenerali 7
- l-utenti 7
- partijiet 7
- fir-rigward 7
- jiġu 7
- għal 7
- kwalunkwe 7
- miżuri 6
- il-grupp 6
- mill-utenti 6
- ewropew 6
Artikolu 6
Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8
1. Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbilti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
2. Il-gwardjan ma għandux juża, f’kompetizzjoni mal-utenti kummerċjali, kwalunkwe data li ma tkunx disponibbli għall-pubbliku li tiġi ġġenerata jew ipprovduta minn dawk l-utenti kummerċjali fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew b’appoġġ għalihom, inkluż data ġġenerata jew ipprovduta mill-konsumaturi ta’ dawk l-utenti kummerċjali.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, id-data li mhijiex disponibbli pubblikament għandha tinkludi kwalunkwe data aggregata u mhux aggregata ġġenerata mill-utenti kummerċjali li tista’ tiġi dedotta mill-attivitajiet kummerċjali tal-utenti kummerċjali jew tal-konsumaturi tagħhom jew miġbura permezz tagħhom, inkluż data dwar il-klikks, it-tiftix, il-viżjonijiet u l-vuċi, dwar is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew dwar servizzi pprovduti flimkien ma’, jew b’appoġġ għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan.
3. Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jneħħu faċilment kwalunkwe applikazzjoni tas-software fis-sistema operattiva tal-gwardjan, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dak il-gwardjan jillimita din id-diżinstallazzjoni b’rabta ma’ applikazzjonijiet tas-software li huma essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operattiva jew tal-apparat u li ma jistgħux teknikament jiġu offruti waħedhom minn partijiet terzi.
Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jibdlu faċilment is-settings prestabbiliti fis-sistema operattiva, l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan li jidderieġu jew imexxu lill-utenti finali lejn prodotti jew servizzi pprovduti mill-gwardjan. Dan jinkludi t-tħeġġiġ tal-utenti finali, fil-mument tal-ewwel użu mill-utenti finali ta’ magna tat-tiftix online, assistent virtwali jew web browser tal-gwardjan elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), biex jagħżlu, minn lista tal-fornituri tas-servizzi ewlenin disponibbli, il-magna tat-tiftix online, l-assistent virtwali jew il-web browser li s-sistema operattiva tal-gwardjan tidderieġi jew tmexxi lill-utenti b’mod awtomatiku, u l-magna tat-tiftix online li l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan jidderieġu jew imexxu lill-utenti b’mod prestabbilit.
4. Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku l-installazzjoni u l-użu effettiv ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi li jużaw, jew li joperaw ma’, sistemi operattivi tiegħu, u jippermetti li dawk l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software jiġu aċċessati b’mezzi oħra għajr is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti ta’ dak il-gwardjan. Fejn applikabbli, il-gwardjan ma għandux iwaqqaf l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ parti terza li jkunu niżżlu milli jħeġġu lill-utenti finali jiddeċiedu jekk iridux jissettjawhom bħala prestabbiliti. Il-gwardjan għandu jagħmilha possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali li jiddeċiedu li jissettjaw dik l-applikazzjoni tas-software jew il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software li jkunu niżżlu bħala prestabbiliti biex iwettqu dik il-bidla faċilment.
Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri biex jiżgura li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva pprovduta mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
Barra minn hekk, il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli japplika, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri u settings għajr settings prestabbiliti, li jippermettu lill-utenti finali jipproteġu b’mod effettiv is-sigurtà fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi, dment li tali miżuri u settings għajr settings prestabbiliti jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
5. Il-gwardjan ma għandux jittratta b’mod aktar favorevoli, fil-klassifikazzjoni u fl-indiċjar u l-crawling relatati, servizzi u prodotti offruti mill-gwardjan innifsu meta mqabbla ma’ servizzi jew prodotti simili ta’ parti terza. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji għal tali klassifikazzjoni.
6. Il-gwardjan ma għandux jillimita teknikament jew b’xi mod ieħor l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu bejn, u jabbonaw ma’, applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti li jiġu aċċessati bl-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan, inkluż fir-rigward tal-għażla ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għall-utenti finali.
7. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ hardware, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tal-hardware u tas-software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva jew l-assistent virtwali elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) li jkunu disponibbli għas-servizzi jew il-hardware ipprovduti mill-gwardjan. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali u lill-fornituri alternattivi ta’ servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess sistema operattiva, tal-hardware jew tal-karatteristiċi tas-software, irrispettivament minn jekk dawk il-karatteristiċi jkunux parti mis-sistema operattiva, kif ikunu disponibbli jew użati minn dak il-gwardjan meta jipprovdi tali servizzi.
Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operattiva, tal-assistent virtwali, tal-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software pprovduti mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
8. Il-gwardjan għandu jipprovdi lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, kif ukoll lil partijiet terzi awtorizzati minn reklamaturi u pubblikaturi, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, aċċess għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u għad-data meħtieġa biex ir-reklamaturi u l-pubblikaturi jwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-inventarju tar-reklami, inkluż data aggregata u mhux aggregata. Tali data għandha tiġi pprovduta b’mod li jippermetti lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi jħaddmu l-għodod ta’ verifika u ta’ kejl tagħhom stess biex jivvalutaw il-prestazzjoni tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani.
9. Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti finali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent finali, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, portabbiltà effettiva tad-data pprovduta mill-utent finali jew iġġenerata permezz tal-attività tal-utent finali fil-kuntest tal-użu tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, inkluż billi jipprovdi, mingħajr ħlas, għodod biex jiffaċilita l-eżerċizzju effettiv ta’ tali portabbiltà tad-data, u inkluż bil-forniment ta’ aċċess kontinwu u f’ħin reali għal tali data.
10. Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti kummerċjali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent kummerċjali, fuq talba tagħhom, mingħajr ħlas, b’aċċess u użu effettiv, ta’ kwalità għolja, kontinwu u f’ħin reali, tad-data aggregata u mhux aggregata, inkluż data personali, li tkun ipprovduta jew iġġenerata fil-kuntest tal-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti, jew b’appoġġ għalihom, mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali li jinteraġixxu mal-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn dawk l-utenti kummerċjali. Fir-rigward tad-data personali, il-gwardjan għandu jipprovdi għal tali aċċess għal data personali u użu tagħha biss meta d-data tkun konnessa direttament mal-użu li jkun sar mill-utenti finali fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi offruti mill-utent kummerċjali rilevanti permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, u meta l-utenti finali jaċċettaw din il-kondiviżjoni billi jagħtu l-kunsens tagħhom.
11. Il-gwardjan għandu jipprovdi lil kwalunkwe impriża terza li tipprovdi magni tat-tiftix online, fuq talba tagħha, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, b’aċċess għal data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet fir-rigward ta’ tiftix mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-utenti finali fuq il-magni tat-tiftix online tiegħu. Kwalunkwe data bħal din dwar il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet li tikkostitwixxi data personali għandha tiġi anonimizzata.
12. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-utenti kummerċjali għall-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, għall-magni tat-tiftix online u għas-servizzi ta’ networking soċjali online tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
Għal dak il-għan, il-gwardjan għandu jippubblika l-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess, inkluż mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ippubblikati jikkonformawx ma’ dan il-paragrafu.
13. Il-gwardjan ma għandux ikollu kondizzjonijiet ġenerali għat-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li jkunu sproporzjonati. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet ta’ terminazzjoni jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr diffikultà żejda.
Artikolu 35
Rappurtar annwali
1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:
(a) | sommarju tal-attivitajiet tal-Kummissjoni inkluż kwalunkwe miżura jew deċiżjoni adottata u investigazzjonijiet tas-suq li jkunu għaddejjin b’rabta ma’ dan ir-Regolament; |
(b) | is-sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-gwardjani tal-obbligi skont dan ir-Regolament; |
(c) | valutazzjoni tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fl-Artikolu 15; |
(d) | ħarsa ġenerali lejn il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta ma’ dan ir-Regolament; |
(e) | ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kompiti mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli tar-Regolaturi Diġitali, inkluż kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. |
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 40
Il-grupp ta’ livell għoli
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).
2. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:
(a) | il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, |
(b) | il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, |
(c) | in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni, |
(d) | in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u |
(e) | il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva. |
3. Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.
4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.
5. Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:
(a) | pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew |
(b) | pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti. |
6. Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
7. Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.
whereas