search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'id-drittijiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index id-drittijiet:


whereas id-drittijiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1143

 

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 12

Aġġornament tal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att delegat adottat skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal:

(a)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss għal ċerti servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għal servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma elenkati fl-Artikolu 2, punt (2);

(b)

l-estensjoni ta’ obbligu li jkun ta’ benefiċċju għal ċerti utenti kummerċjali jew utenti finali sabiex ikun ta’ benefiċċju għal utenti kummerċjali jew utenti finali oħra;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-mod li bih għandhom jitwettqu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6 mill-gwardjani sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi;

(d)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss b’rabta ma’ ċerti servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, għal servizzi oħra pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom;

(e)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ data li għandu japplika fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ data;

(f)

iż-żieda ta’ aktar kondizzjonijiet fejn obbligu jimponi ċerti kondizzjonijiet fuq l-imġiba ta’ gwardjan; jew

(g)

l-applikazzjoni ta’ obbligu li jirregola r-relazzjoni bejn diversi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan u r-relazzjoni bejn servizz ewlieni ta’ pjattaforma u servizzi oħra tal-gwardjan.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament fir-rigward tal-lista ta’ funzjonalitajiet bażiċi identifikati fl-Artikolu 7(2), billi żżid jew tneħħi l-funzjonalitajiet tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi fl-Artikolu 7 billi tispeċifika l-mod li bih dawk l-obbligi għandhom jitwettqu sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

5.   Prattika kif imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 għandha titqies bħala li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tkun inġusta meta:

(a)

dik il-prattika jkunu involuti fiha l-gwardjani u tkun kapaċi timpedixxi l-innovazzjoni u tillimita l-għażla għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali minħabba li:

(i)

taffettwa jew tirriskja li taffettwa l-kontestabbiltà ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali fuq bażi dejjiema minħabba li toħloq jew issaħħaħ ostakli għad-dħul għal impriżi oħra jew biex jespandu bħala fornituri ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali; jew

(ii)

tipprevjeni lil operaturi oħra milli jkollhom l-istess aċċess għal input ewlieni bħall-gwardjan; jew

(b)

ikun hemm żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali u l-gwardjan jikseb vantaġġ mill-utenti kummerċjali li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut minn dak il-gwardjan lil dawk l-utenti kummerċjali.

Artikolu 13

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.

3.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.

4.   Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.

5.   Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.

6.   Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

7.   Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.

8.   Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mit-2 ta' Mejju 2023.

Madankollu, l-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikoli 40, 46, 47, 48, 49 u 50 għandhom japplikaw mill-1 ta' Novembru 2022 u l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Ġunju 2023.

Madankollu, jekk id-data tal-25 ta’ Ġunju 2023 tippreċedi d-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandha tiġi posposta sad-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Settembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64.

(2)  ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(7)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(8)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(19)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(22)  ĠU C 147, 26.4.2021, p. 4.

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).


ANNESS

A.   “Ġenerali”

1.

Dan l-Anness għandu l-għan li jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fl-Artikolu 2, punt (2). Huwa jipprovdi referenza biex impriża tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħha jissodisfawx il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2), punt (b) u għalhekk ikun preżunt li jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikolu 3(1), punt (b). Tali referenza għalhekk ser tkun ugwalment rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni usa’ skont l-Artikolu 3(8). Hija r-responsabbiltà tal-impriża li tasal għall-aħjar approssimazzjoni possibbli skont il-prinċipji komuni u l-metodoloġija speċifika stabbiliti f’dan l-Anness. Xejn f’dan l-Anness ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, milli tirrikjedi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkalkulati l-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi”. Jenħtieġ li xejn f’dan l-Anness ma jikkostitwixxi bażi legali għat-traċċar tal-utenti. Il-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu stipulat f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) u (8) u l-Artikolu 13(3). B’mod partikolari, il-konformità meħtieġa mal-Artikolu 13(3) tfisser ukoll l-identifikazzjoni u l-ikkalkular tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” abbażi ta’ kejl preċiż jew tal-aħjar approssimazzjoni disponibbli, f’konformità mal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u kalkolu attwali li l-impriża li tipprovdi s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha fil-mument rilevanti. Dak il-kejl jew l-aħjar approssimazzjoni disponibbli għandhom ikunu konsistenti ma’, u jinkludu, dawk irrappurtati skont l-Artikolu 15.

2.

L-Artikolu 2, punti (20) u (21) jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ “utent finali” u “utent kummerċjali”, li huma komuni għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kollha.

3.

Sabiex jidentifika u jikkalkula l-għadd ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”, dan l-Anness jirreferi għall-kunċett ta’ “utenti uniċi”. Il-kunċett ta’ “utenti uniċi” jinkludi “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” magħduda darba biss, għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, matul perjodu ta’ żmien speċifikat (jiġifieri għal kull xahar fil-każ ta’ “utenti finali attivi” u għal kull sena fil-każ ta’ “utenti kummerċjali attivi”), irrispettivament minn kemm-il darba interaġew mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti matul dak il-perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-istess persuna fiżika jew ġuridika tista’ simultanjament tkun “utent finali attiv” jew “utent kummerċjali attiv” għal servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma.

B.   “Utenti finali attivi”

1.

L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti finali attivi” għandhom jiġu identifikati skont l-aktar metrika preċiża rrappurtata mill-impriża li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, speċifikament:

a.

Huwa meqjus li l-ġbir ta’ data dwar l-użu ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni prima facie jippreżentaw l-aktar riskju baxx ta’ duplikazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-imġiba tal-utent fuq l-apparati jew il-pjattaformi. Għalhekk, l-impriża għandha tippreżenta data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv ibbażat fuq ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, jekk teżisti tali data.

b.

Fil-każ ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li huma aċċessati wkoll minn utenti finali barra ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, l-impriża għandha tippreżenta addizzjonalment data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma abbażi ta’ metrika alternattiva li taqbad ukoll utenti finali barra mill-ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, bħal indirizzi tal-protokoll tal-internet, identifikaturi tal-cookies jew identifikaturi oħra bħal tags ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju, dment li dawk l-indirizzi jew identifikaturi huma oġġettivament neċessarji biex jiġu pprovduti s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

2.

L-għadd ta’ “utenti finali attivi ta’ kull xahar” huwa bbażat fuq l-għadd medju ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja. Il-kunċett tal-“akbar parti tas-sena finanzjarja” huwa maħsub biex impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun tista’ tnaqqas ċifri outlier f’sena partikolari. Ċifri outlier minnhom infushom ifissru ċifri li jaqgħu b’mod sinifikanti barra ċ-ċifri normali u prevedibbli. Livelli għoljin ħafna jew tnaqqis mhux previst fl-involviment tal-utenti li seħħ matul xahar wieħed tas-sena finanzjarja huwa eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi tali ċifri outlier. Iċ-ċifri relatati ma’ okkorrenzi rikorrenti kull sena, bħall-promozzjonijiet tal-bejgħ annwali, mhumiex ċifri outlier

C.   “Utenti kummerċjali attivi”

L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali attivi” għandu jiġi determinat, fejn applikabbli, fil-livell tal-kont b’kull kont kummerċjali distint assoċjat mal-użu ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut mill-impriża li tikkostitwixxi utent kummerċjali uniku wieħed ta’ dak is-servizz ewlieni rispettiv ta’ pjattaforma. Jekk il-kunċett ta’ “kont kummerċjali” ma japplikax għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma partikolari, l-impriża rilevanti li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha tiddetermina l-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi billi tirreferi għall-impriża rilevanti.

D.   “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”

1.

L-impriża li tippreżenta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) informazzjoni dwar l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni ta’ dik l-informazzjoni. F’dan ir-rigward:

a.

L-impriża għandha tkun responsabbli għall-preżentazzjoni tad-data għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv li jevita l-għadd nieqes u l-għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi (pereżempju, fejn l-utenti jaċċessaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn pjattaformi jew apparati differenti).

b.

L-impriża għandha tkun responsabbli biex tipprovdi spjegazzjonijiet preċiżi u konċiżi dwar il-metodoloġija użata biex tasal għall-informazzjoni u għal kwalunkwe riskju ta’ għadd nieqes jew għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv u għas-soluzzjonijiet adottati biex jiġi indirizzat dak ir-riskju.

c.

L-impriża għandha tipprovdi data li tkun ibbażata fuq metrika alternattiva meta l-Kummissjoni jkollha tħassib dwar il-preċiżjoni tad-data pprovduta mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

2.

Għall-fini tal-kalkolu tan-numru ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”:

a.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tidentifika servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) bħala distinti prinċipalment fuq il-bażi li jiġu pprovduti bl-użu ta’ ismijiet ta’ dominji differenti, kemm jekk dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (country code top-level domains - ccTLDs) jew dominji tal-ogħla livell ġeneriċi (generic top-level domains - gTLDs), jew kwalunkwe attribut ġeografiku.

b.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, li jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali jew l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2).

c.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi li l-impriża rilevanti toffri b’mod integrat, iżda li:

(i)

ma jagħmlux parti mill-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) jew

(ii)

jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali u l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2).

E.   “Definizzjonijiet speċifiċi”

It-tabella hawn taħt tagħti definizzjonijiet speċifiċi ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma.

Servizzi ewlenin ta’ pjattaforma

Utenti finali attivi

Utenti kummerċjali attivi

Servizzi ta’ intermedjazzjoni online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar pereżempju billi aċċessaw attivament permezz ta’ konnessjoni, billi għamlu tfittxija, ikklikkjaw jew skrolljaw jew billi kkonkludew tranżazzjoni permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li kellhom mill-inqas oġġett wieħed elenkat fis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena kollha jew li kkonkludew tranżazzjoni attivata mis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena.

Magni tat-tiftix online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mal-magna tat-tiftix online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi b’siti web tan-negozju (jiġifieri sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) indiċjati mill-magna tat-tiftix online jew parti mill-indiċi tagħha matul is-sena.

Servizzi ta’ networking soċjali online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ networking soċjali online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, reazzjoni, mistoqsija, kitba ta’ post jew kummenti.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li għandhom inklużjoni f’lista tan-negozju jew kont tan-negozju fis-servizz tan-networking soċjali online u li kellhom kuntatt b’xi mod mas-servizz tal-inqas darba matul is-sena, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, like, mistoqsija, kitba ta’ post, kummenti jew użu tal-għodod tiegħu għan-negozji.

Servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi raw parti minn kontenut awdjoviżiv, fittxew jew tellgħu kontenut awdjoviżiv, b’mod partikolari inkluż filmati maħluqa mill-utenti.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew mill-inqas silta waħda ta’ kontenut awdjoviżiv imtella’ jew viżwalizzat fuq is-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing matul is-sena.

Servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li użaw kont tan-negozju jew inkella bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri biex jikkomunikaw direttament ma’ utent aħħari mill-inqas darba matul is-sena.

Sistemi operattivi

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw apparat bis-sistema operattiva, li ġie attivat, aġġornat jew intuża mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ developers uniċi li ppubblikaw, aġġornaw jew offrew mill-inqas applikazzjoni waħda ta’ software jew programm ta’ software bl-użu tal-lingwa tal-ipprogrammar jew kwalunkwe għodda għall-iżvilupp ta’ software tas-sistema operattiva, jew li jużaha b’xi mod, matul is-sena.

Assistent virtwali

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-assistent virtwali bi kwalunkwe mod mill-inqas darba fix-xahar, bħal pereżempju billi jattivawh, jistaqsu mistoqsija, jaċċessaw servizz permezz ta’ kmand jew jikkontrollaw apparat tad-dar intelliġenti.

L-għadd ta’ żviluppaturi uniċi li offrew mill-inqas applikazzjoni ta’ software ta’ assistent virtwali waħda jew funzjonalità biex jagħmlu applikazzjoni tas-software eżistenti aċċessibbli permezz tal-assistent virtwali matul is-sena.

Web browsers

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-web browser mill-inqas darba fix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija jew indirizz tas-sit web fil-linja URL tal-web browser.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li s-siti web kummerċjali tagħhom (jiġifieri s-sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) ġew aċċessati permezz tal-web browser mill-inqas darba matul is-sena jew li offrew plug-in, estensjoni jew add-ons użati fuq il-web browser matul is-sena.

Servizzi tal-cloud computing

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw xi servizz tal-cloud computing mill-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ cloud computing mill-inqas darba matul ix-xahar, għal kwalunkwe tip ta’ remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk din ir-remunerazzjoni sseħħx fl-istess xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew kwalunkwe servizz ta’ cloud computing ospitat fl-infrastruttura tal-cloud tal-fornitur rilevanti tas-servizzi ta’ cloud computing matul is-sena.

Servizzi ta’ reklamar online

Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar:

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam mill-inqas darba matul ix-xahar.

Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar):

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam li skattat is-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar mill-inqas darba matul ix-xahar.

Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar:

L-għadd ta’ reklamaturi uniċi li kellhom mill-inqas impressjoni ta’ reklam waħda murija matul is-sena.

Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar):

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi (inkluż reklamaturi, pubblikaturi jew intermedjarji oħra) li interaġixxew permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar jew kienu moqdija minnu matul is-sena.



whereas









keyboard_arrow_down