keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 2 Definizzjonijiet
- 2 Artikolu 5 Obbligi għall-gwardjani
- 1 Artikolu 7 Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri
- 1 Artikolu 8 Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
- 2 Artikolu 9 Sospensjoni
- 2 Artikolu 10 Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika
- 2 Artikolu 17 Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani
- 3 Artikolu 18 Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
- 3 Artikolu 19 Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda
- 2 Artikolu 24 Miżuri interim
- 1 Artikolu 25 Impenji
- 1 Artikolu 29 Nonkonformità
- 1 Artikolu 31 Pagamenti perjodiċi ta’ penali
- 3 Artikolu 32 Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali
- 2 Artikolu 33 Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali
- 2 Artikolu 34 Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl
- 2 Artikolu 40 Il-grupp ta’ livell għoli
- 1 Artikolu 49 Eżerċizzju tad-delega
- 2 Artikolu 53 Rieżami
- Artikolu 54 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 522
- skont 91
- pjattaforma 80
- għandha 78
- servizzi 76
- finali 71
- għandu 66
- l-artikolu 64
- għal 62
- il-kummissjoni 60
- biex 56
- kummerċjali 55
- kwalunkwe 54
- dwar 52
- fl-artikolu 50
- minn 50
- ewlenin 49
- utenti 40
- tagħha 37
- ewropew 37
- jiġi 36
- tista’ 36
- online 35
- tfisser 34
- servizz 34
- l-għadd 34
- żmien 32
- ma’ 32
- tkun 31
- rilevanti 31
- jekk 30
- inkluż 29
- kull 28
- permezz 27
- matul 27
- b’mod 26
- implimentazzjoni 26
- uniċi 25
- ir-regolament 25
- msemmija 25
- tiegħu 25
- mill-inqas 24
- meta 24
- tadotta 24
- wieħed 24
- tal-kunsill 23
- punt 23
- jiġu 23
- preliminari 22
- jkun 22
Artikolu 29
Nonkonformità
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità (“id-deċiżjoni ta’ nonkonformità”) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) | kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5, 6 jew 7; |
(b) | il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2); |
(c) | ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1); |
(d) | il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew |
(e) | l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25. |
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità tagħha fi żmien 12-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20.
3. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. F’dawk is-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
4. Fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ partijiet terzi.
5. Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.
6. Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-verifika tal-konformità mad-deċiżjoni ta’ nonkonformità.
7. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni ta’ nonkonformità, hija għandha tagħlaq il-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) | “gwardjan” tfisser impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, ddeżinjata skont l-Artikolu 3; |
(2) | “servizz ewlieni ta’ pjattaforma” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(3) | “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535; |
(4) | “settur diġitali” tfisser is-settur tal-prodotti u s-servizzi pprovduti permezz ta’, jew permezz ta’, servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; |
(5) | “servizzi ta’ intermedjazzjoni online” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni online kif definit fl-Artikolu 2, punt (2), tar-Regolament (UE) 2019/1150; |
(6) | “magna tat-tiftix online” tfisser magna tat-tiftix online kif definit fl-Artikolu 2, punt (5), tar-Regolament (UE) 2019/1150; |
(7) | “servizz ta’ networking soċjali online” tfisser pjattaforma li tippermetti lill-utenti finali jikkonnettjaw u jikkomunikaw ma’ xulxin, jikkondividu l-kontenut u jiskopru utenti u kontenut oħrajn fost diversi apparati, u b’mod partikolari permezz ta’ chats, posts, vidjos u rakkomandazzjonijiet; |
(8) | ‘‘servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing’’ tfisser servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (aa), tad-Direttiva 2010/13/UE; |
(9) | “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” tfisser servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definit fl-Artikolu 2, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2018/1972; |
(10) | “sistema operattiva” tfisser software tas-sistema li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi tal-hardware jew tas-software u li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software jaħdmu fuqu; |
(11) | “web browser” tfisser applikazzjoni tas-software li tippermetti l-utenti finali jaċċessaw u jinteraġixxu ma’ kontenut ospitat fuq servers konnessi ma’ networks bħall-internet, inkluż browsers awtonomi kif ukoll browsers integrati jew inkorporati f’software jew apparat simili; |
(12) | ‘‘assistent virtwali’’ tfisser software li jista’ jipproċessa domandi, kompiti jew mistoqsijiet, inkluż dawk ibbażati fuq awdjo, viżiv, input bil-miktub, ġesti jew mozzjonijiet, u li, abbażi ta’ dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla apparati fiżiċi konnessi; |
(13) | “servizz ta’ cloud computing” tfisser servizz ta’ cloud computing kif definit fl-Artikolu 4, punt (19), tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24); |
(14) | “ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software” tfisser tip ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li hu ffukat fuq applikazzjonijiet tas-software bħala l-prodott jew is-servizz intermedjat; |
(15) | “applikazzjoni tas-software” tfisser prodott jew servizz diġitali li jaħdem fuq sistema operattiva; |
(16) | “servizz ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, punt (3) tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
(17) | ‘‘servizz tekniku ta’ appoġġ għas-servizz ta’ pagament’’ tfisser servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 3, punt (j), tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
(18) | ‘‘sistema ta’ pagament għal xiri in-app’’ tfisser applikazzjoni tas-software, servizz jew interfaċċa tal-utent li tiffaċilita x-xiri ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali fi ħdan applikazzjoni ta’ software, inkluż kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew funzjonalità, u l-pagamenti għal tali xiri; |
(19) | “servizz ta’ identifikazzjoni” tfisser tip ta’ servizz ipprovdut flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom li jippermetti kwalunkwe tip ta’ verifika tal-identità tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, irrispettivament mit-teknoloġija użata; |
(20) | “utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għajr utent kummerċjali; |
(21) | “utent kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għall-fini li tipprovdi, jew waqt li tkun qed tipprovdi, oġġetti jew servizzi lill-utenti finali; |
(22) | ‘‘klassifikazzjoni’’ tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lil prodotti jew servizzi offruti permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing jew assistenti virtwali, jew ir-rilevanza mogħtija lir-riżultati tat-tiftix minn magni tat-tiftix online, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, assistenti virtwali jew magni tat-tiftix online, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni u irrispettivament minn jekk jiġix ippreżentat jew ikkomunikat riżultat wieħed biss; |
(23) | “riżultati tat-tiftix” tfisser kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe format, inkluż outputs testwali, grafiċi, vokali jew oħrajn, irritornati bi tweġiba għal, u relatati ma’, mistoqsija ta’ tfittxija, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni rritornata hijiex riżultat imħallas jew mhux imħallas, tweġiba diretta jew kwalunkwe prodott, servizz jew informazzjoni offruti b’rabta mar-riżultati organiċi, jew murija flimkien magħhom jew integrata parzjalment jew kompletament magħhom; |
(24) | “data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva; |
(25) | “data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679; |
(26) | “data mhux personali” tfisser data għajr id-data personali; |
(27) | ‘‘impriża’’ tfisser entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata, inkluż l-intrapriżi relatati jew l-impriżi konnessi kollha li jiffurmaw grupp permezz tal-kontroll dirett jew indirett ta’ intrapriża jew impriża minn intrapriża jew impriża oħra; |
(28) | “kontroll” tfisser il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004; |
(29) | ‘‘interoperabbiltà’’ tfisser l-abbiltà li tiġi skambjata informazzjoni u li l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata permezz ta’ interfaċċi jew soluzzjonijiet oħra tintuża b’mod reċiproku, sabiex l-elementi kollha tal-hardware jew tas-software jaħdmu ma’ hardware u software ieħor u mal-utenti fil-modi kollha li bihom huma maħsuba biex jiffunzjonaw; |
(30) | “fatturat” tfisser l-ammont derivat minn impriża fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004; |
(31) | “tfassil tal-profili” tfisser tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679; |
(32) | “kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679; |
(33) | “qorti nazzjonali” tfisser qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
KAPITOLU II
GWARDJANI
Artikolu 5
Obbligi għall-gwardjani
1. Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).
2. Il-gwardjan ma għandux jagħmel dan li ġej:
(a) | jipproċessa, għall-fini tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online, data personali tal-utenti finali li jużaw servizzi ta’ partijiet terzi li jagħmlu użu minn servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan; |
(b) | jikkombina data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ewleni ulterjuri ta’ pjattaforma jew minn kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-gwardjan jew ma’ data personali minn servizzi ta’ partijiet terzi; |
(c) | juża b’mod inkroċjat data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti f’servizzi oħra pprovduti separatament mill-gwardjan, inkluż servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma, u viċi versa; u |
(d) | jikkonnettja utenti finali għal servizzi oħra tal-gwardjan sabiex jikkombina data personali, |
sakemm l-utent finali ma jkunx ġie ppreżentat bl-għażla speċifika u ma jkunx ta l-kunsens fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (11), u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.
Meta l-kunsens mogħti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jkun ġie rrifjutat jew irtirat mill-utent finali, il-gwardjan ma għandux jirrepeti t-talba tiegħu għal kunsens għall-istess fini aktar minn darba f’perjodu ta’ sena.
Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-gwardjan jiddependi fuq l-Artikolu 6(1), punti (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn applikabbli.
3. Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi jew permezz tal-kanal ta’ bejgħ dirett online tagħhom bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjan.
4. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali, mingħajr ħlas, jikkomunikaw u jippromwovu offerti, inkluż b’kondizzjonijiet differenti, lill-utenti finali akkwistati permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tiegħu jew b’mezzi oħra, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawk l-utenti finali, irrispettivament minn jekk jużawx is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan għal dak l-iskop.
5. Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti finali jaċċessaw u jużaw, permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu, il-kontenut, l-abbonamenti, il-karatteristiċi jew oġġetti oħra billi jużaw l-applikazzjoni tas-software ta’ utent kummerċjali, inkluż meta dawk l-utenti finali jkunu akkwistaw tali oġġetti mingħand l-utent kummerċjali rilevanti mingħajr ma jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan.
6. Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni jew jirrestrinġi direttament jew indirettament lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali milli jqajmu kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali mill-gwardjan ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti, inkluż il-qrati nazzjonali, b’rabta ma’ kwalunkwe prattika tal-gwardjan. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistabbilixxu fil-ftehimiet tagħhom it-termini tal-użu tal-mekkaniżmi legali għat-trattament tal-ilmenti.
7. Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti finali jużaw, jew lill-utenti kummerċjali jużaw, joffru, jew jinteroperaw ma’ servizz ta’ identifikazzjoni, web browsers jew servizz ta’ pagament, jew servizzi tekniċi li jappoġġjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, bħal sistemi ta’ pagament għal xiri in-app, ta’ dak il-gwardjan fil-kuntest ta’ servizzi pprovduti mill-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan.
8. Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali jabbonaw ma’, jew jirreġistraw ma’, kwalunkwe servizz ewlieni ulterjuri ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), bħala kondizzjoni biex ikunu jistgħu jużaw, jaċċessaw, jirreġistraw għal jew jirreġistraw ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan elenkati skont dak l-Artikolu.
9. Il-gwardjan għandu, fuq talba tar-reklamatur, jipprovdi lil kull reklamatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mir-reklamaturi, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam li jsir mir-reklamatur:
(a) | il-prezz u t-tariffi mħallsa minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan, |
(b) | ir-remunerazzjoni li jirċievi l-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tal-pubblikatur; u |
(c) | il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet, it-tariffi u r-remunerazzjonijiet. |
F’każ li pubblikatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni riċevuta, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull reklamatur mingħajr ħlas informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kuljum riċevuta minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.
10. Il-gwardjan għandu, fuq talba tal-pubblikatur, jipprovdi lil kull pubblikatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mill-pubblikatur, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam muri fuq l-inventarju tal-pubblikatur:
(a) | ir-remunerazzjoni riċevuta u t-tariffi mħallsa minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan; |
(b) | il-prezz imħallas mir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tar-reklamatur; u |
(c) | il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet u r-remunerazzjonijiet. |
F’każ li reklamatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull pubblikatur informazzjoni mingħajr ħlas dwar il-prezz medju ta’ kuljum imħallas minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.
Artikolu 7
Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri
1. Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-Unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.
2. Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:
(a) | wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):
|
(b) | fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:
|
(c) | fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:
|
3. Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.
4. Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.
5. Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-Unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.
6. Il-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.
7. L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.
8. Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.
9. Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.
Artikolu 8
Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
1. Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.
2. Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.
3. Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.
Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.
4. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.
5. Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
6. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
7. Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.
8. Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.
9. Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:
(a) | tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew |
(b) | id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew |
(c) | il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi. |
Artikolu 9
Sospensjoni
1. Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.
3. F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
4. Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika
1. Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.
3. Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.
4. F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
5. Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 17
Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).
3. Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
4. Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.
Artikolu 18
Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.
3. Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.
5. Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.
6. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.
7. Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.
8. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.
Artikolu 19
Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulati fl-Artikolu 2, punt (2) jew bil-għan li tidentifika prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe sejba rilevanti ta’ proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar is-swieq diġitali kif ukoll kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor.
2. Il-Kummissjoni tista’, meta twettaq investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, tikkonsulta lil partijiet terzi, inkluż l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi fis-settur diġitali li jkunu qed jiġu investigati u lill-utenti kummerċjali u lill-utenti finali li jkunu soġġetti għal prattiki li jkunu qed jiġu investigati.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha f’rapport fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn:
(a) | proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jiġu inklużi obbligi ġodda fil-Kapitolu III; jew |
(b) | abbozz ta’ att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew abbozz ta’ att delegat li jemenda jew jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7, kif previst fl-Artikolu 12. |
Fejn xieraq, il-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tista’ wkoll tipproponi li jitneħħew is-servizzi eżistenti mil-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jitneħħew obbligi eżistenti mill-Artikolu 5, 6 jew 7.
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
Artikolu 24
Miżuri interim
F’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 5, 6 jew 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29(1). Dan għandu japplika biss għal perjodu ta’ żmien speċifikat u jista’ jiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Artikolu 25
Impenji
1. Jekk, waqt proċedimenti skont l-Artikolu 18, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li ma hemmx raġunijiet oħra għal azzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:
(a) | tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; |
(b) | il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu; |
(c) | id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet; |
(d) | l-impenji ma jkunux effettivi. |
3. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix ser tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.
Artikolu 29
Nonkonformità
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità (“id-deċiżjoni ta’ nonkonformità”) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) | kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5, 6 jew 7; |
(b) | il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2); |
(c) | ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1); |
(d) | il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew |
(e) | l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25. |
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità tagħha fi żmien 12-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20.
3. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. F’dawk is-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
4. Fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ partijiet terzi.
5. Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.
6. Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-verifika tal-konformità mad-deċiżjoni ta’ nonkonformità.
7. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni ta’ nonkonformità, hija għandha tagħlaq il-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni.
Artikolu 31
Pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat dinji medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:
(a) | jikkonformaw mal-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2); |
(b) | jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(1); |
(c) | jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 21; |
(d) | jiżguraw l-aċċess għad-data, algoritmi u informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3) u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 21; |
(e) | jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li ġiet ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23; |
(f) | jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 24; |
(g) | jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1); |
(h) | jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1). |
2. Meta l-impriżi, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ikunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Artikolu 32
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali
1. Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 30 u 31 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.
2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.
3. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ suq jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi notifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. L-azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perjodu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:
(a) | talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni; |
(b) | awtorizzazzjonijiet bil-miktub biex jitwettqu spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tagħha mill-Kummissjoni; |
(c) | il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20. |
4. Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid. Iżda l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża skont il-paragrafu 5.
5. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 33
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali
1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 30 u 31 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.
2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott:
(a) | b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni; jew |
(b) | bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi skont talba tal-Kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali. |
4. Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid.
5. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:
(a) | jingħata l-ħin għall-pagament; jew |
(b) | l-infurzar tal-pagament ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew skont deċiżjoni minn qorti nazzjonali. |
Artikolu 34
Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl
1. Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:
(a) | sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u |
(b) | miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. |
2. Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.
3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.
4. Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.
Artikolu 40
Il-grupp ta’ livell għoli
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).
2. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:
(a) | il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, |
(b) | il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, |
(c) | in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni, |
(d) | in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u |
(e) | il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva. |
3. Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.
4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.
5. Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:
(a) | pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew |
(b) | pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti. |
6. Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
7. Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.
Artikolu 49
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 53
Rieżami
1. Sat-3 ta' Mejju 2026, u sussegwentement kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2. L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw jekk intlaħqux l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament li jiżgura swieq kontestabbli u ġusti u jivvalutaw l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-utenti kummerċjali, speċjalment l-SMEs, u l-utenti finali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 jistax jiġi estiż għas-servizzi ta’ networking soċjali online.
3. L-evalwazzjonijiet għandhom jistabbilixxu jekk jeħtieġx jiġu modifikati r-regoli, inkluż rigward il-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 u l-infurzar tagħhom, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. Wara l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jistgħu jinkludu proposti leġiżlattivi.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti li jkollhom li tintalab mill-Kummissjoni bl-iskop li jitħejja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 54
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mit-2 ta' Mejju 2023.
Madankollu, l-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikoli 40, 46, 47, 48, 49 u 50 għandhom japplikaw mill-1 ta' Novembru 2022 u l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Ġunju 2023.
Madankollu, jekk id-data tal-25 ta’ Ġunju 2023 tippreċedi d-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandha tiġi posposta sad-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Settembru 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64.
(2) ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
(6) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(7) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(8) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(9) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(10) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).
(11) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).
(13) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(14) Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).
(15) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(17) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(19) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(20) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(21) Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
(22) ĠU C 147, 26.4.2021, p. 4.
(23) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(24) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
ANNESS
A. “Ġenerali”
1. | Dan l-Anness għandu l-għan li jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fl-Artikolu 2, punt (2). Huwa jipprovdi referenza biex impriża tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħha jissodisfawx il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2), punt (b) u għalhekk ikun preżunt li jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikolu 3(1), punt (b). Tali referenza għalhekk ser tkun ugwalment rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni usa’ skont l-Artikolu 3(8). Hija r-responsabbiltà tal-impriża li tasal għall-aħjar approssimazzjoni possibbli skont il-prinċipji komuni u l-metodoloġija speċifika stabbiliti f’dan l-Anness. Xejn f’dan l-Anness ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, milli tirrikjedi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkalkulati l-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi”. Jenħtieġ li xejn f’dan l-Anness ma jikkostitwixxi bażi legali għat-traċċar tal-utenti. Il-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu stipulat f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) u (8) u l-Artikolu 13(3). B’mod partikolari, il-konformità meħtieġa mal-Artikolu 13(3) tfisser ukoll l-identifikazzjoni u l-ikkalkular tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” abbażi ta’ kejl preċiż jew tal-aħjar approssimazzjoni disponibbli, f’konformità mal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u kalkolu attwali li l-impriża li tipprovdi s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha fil-mument rilevanti. Dak il-kejl jew l-aħjar approssimazzjoni disponibbli għandhom ikunu konsistenti ma’, u jinkludu, dawk irrappurtati skont l-Artikolu 15. |
2. | L-Artikolu 2, punti (20) u (21) jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ “utent finali” u “utent kummerċjali”, li huma komuni għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kollha. |
3. | Sabiex jidentifika u jikkalkula l-għadd ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”, dan l-Anness jirreferi għall-kunċett ta’ “utenti uniċi”. Il-kunċett ta’ “utenti uniċi” jinkludi “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” magħduda darba biss, għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, matul perjodu ta’ żmien speċifikat (jiġifieri għal kull xahar fil-każ ta’ “utenti finali attivi” u għal kull sena fil-każ ta’ “utenti kummerċjali attivi”), irrispettivament minn kemm-il darba interaġew mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti matul dak il-perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-istess persuna fiżika jew ġuridika tista’ simultanjament tkun “utent finali attiv” jew “utent kummerċjali attiv” għal servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma. |
B. “Utenti finali attivi”
1. | L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti finali attivi” għandhom jiġu identifikati skont l-aktar metrika preċiża rrappurtata mill-impriża li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, speċifikament:
|
2. | L-għadd ta’ “utenti finali attivi ta’ kull xahar” huwa bbażat fuq l-għadd medju ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja. Il-kunċett tal-“akbar parti tas-sena finanzjarja” huwa maħsub biex impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun tista’ tnaqqas ċifri outlier f’sena partikolari. Ċifri outlier minnhom infushom ifissru ċifri li jaqgħu b’mod sinifikanti barra ċ-ċifri normali u prevedibbli. Livelli għoljin ħafna jew tnaqqis mhux previst fl-involviment tal-utenti li seħħ matul xahar wieħed tas-sena finanzjarja huwa eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi tali ċifri outlier. Iċ-ċifri relatati ma’ okkorrenzi rikorrenti kull sena, bħall-promozzjonijiet tal-bejgħ annwali, mhumiex ċifri outlier |
C. “Utenti kummerċjali attivi”
L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali attivi” għandu jiġi determinat, fejn applikabbli, fil-livell tal-kont b’kull kont kummerċjali distint assoċjat mal-użu ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut mill-impriża li tikkostitwixxi utent kummerċjali uniku wieħed ta’ dak is-servizz ewlieni rispettiv ta’ pjattaforma. Jekk il-kunċett ta’ “kont kummerċjali” ma japplikax għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma partikolari, l-impriża rilevanti li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha tiddetermina l-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi billi tirreferi għall-impriża rilevanti.
D. “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”
1. | L-impriża li tippreżenta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) informazzjoni dwar l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni ta’ dik l-informazzjoni. F’dan ir-rigward:
|
2. | Għall-fini tal-kalkolu tan-numru ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”:
|
E. “Definizzjonijiet speċifiċi”
It-tabella hawn taħt tagħti definizzjonijiet speċifiċi ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma.
Servizzi ewlenin ta’ pjattaforma | Utenti finali attivi | Utenti kummerċjali attivi |
Servizzi ta’ intermedjazzjoni online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar pereżempju billi aċċessaw attivament permezz ta’ konnessjoni, billi għamlu tfittxija, ikklikkjaw jew skrolljaw jew billi kkonkludew tranżazzjoni permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li kellhom mill-inqas oġġett wieħed elenkat fis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena kollha jew li kkonkludew tranżazzjoni attivata mis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena. |
Magni tat-tiftix online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mal-magna tat-tiftix online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi b’siti web tan-negozju (jiġifieri sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) indiċjati mill-magna tat-tiftix online jew parti mill-indiċi tagħha matul is-sena. |
Servizzi ta’ networking soċjali online | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ networking soċjali online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, reazzjoni, mistoqsija, kitba ta’ post jew kummenti. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li għandhom inklużjoni f’lista tan-negozju jew kont tan-negozju fis-servizz tan-networking soċjali online u li kellhom kuntatt b’xi mod mas-servizz tal-inqas darba matul is-sena, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, like, mistoqsija, kitba ta’ post, kummenti jew użu tal-għodod tiegħu għan-negozji. |
Servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi raw parti minn kontenut awdjoviżiv, fittxew jew tellgħu kontenut awdjoviżiv, b’mod partikolari inkluż filmati maħluqa mill-utenti. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew mill-inqas silta waħda ta’ kontenut awdjoviżiv imtella’ jew viżwalizzat fuq is-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing matul is-sena. |
Servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li użaw kont tan-negozju jew inkella bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri biex jikkomunikaw direttament ma’ utent aħħari mill-inqas darba matul is-sena. |
Sistemi operattivi | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw apparat bis-sistema operattiva, li ġie attivat, aġġornat jew intuża mill-inqas darba matul ix-xahar. | L-għadd ta’ developers uniċi li ppubblikaw, aġġornaw jew offrew mill-inqas applikazzjoni waħda ta’ software jew programm ta’ software bl-użu tal-lingwa tal-ipprogrammar jew kwalunkwe għodda għall-iżvilupp ta’ software tas-sistema operattiva, jew li jużaha b’xi mod, matul is-sena. |
Assistent virtwali | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-assistent virtwali bi kwalunkwe mod mill-inqas darba fix-xahar, bħal pereżempju billi jattivawh, jistaqsu mistoqsija, jaċċessaw servizz permezz ta’ kmand jew jikkontrollaw apparat tad-dar intelliġenti. | L-għadd ta’ żviluppaturi uniċi li offrew mill-inqas applikazzjoni ta’ software ta’ assistent virtwali waħda jew funzjonalità biex jagħmlu applikazzjoni tas-software eżistenti aċċessibbli permezz tal-assistent virtwali matul is-sena. |
Web browsers | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-web browser mill-inqas darba fix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija jew indirizz tas-sit web fil-linja URL tal-web browser. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li s-siti web kummerċjali tagħhom (jiġifieri s-sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) ġew aċċessati permezz tal-web browser mill-inqas darba matul is-sena jew li offrew plug-in, estensjoni jew add-ons użati fuq il-web browser matul is-sena. |
Servizzi tal-cloud computing | L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw xi servizz tal-cloud computing mill-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ cloud computing mill-inqas darba matul ix-xahar, għal kwalunkwe tip ta’ remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk din ir-remunerazzjoni sseħħx fl-istess xahar. | L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew kwalunkwe servizz ta’ cloud computing ospitat fl-infrastruttura tal-cloud tal-fornitur rilevanti tas-servizzi ta’ cloud computing matul is-sena. |
Servizzi ta’ reklamar online | Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar: L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam mill-inqas darba matul ix-xahar. Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar): L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam li skattat is-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar mill-inqas darba matul ix-xahar. | Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar: L-għadd ta’ reklamaturi uniċi li kellhom mill-inqas impressjoni ta’ reklam waħda murija matul is-sena. Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar): L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi (inkluż reklamaturi, pubblikaturi jew intermedjarji oħra) li interaġixxew permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar jew kienu moqdija minnu matul is-sena. |