search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'tal-kuntratt' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-kuntratt:


whereas tal-kuntratt:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1054

 

Artikolu 3

Obbligu li d-data ta' prodott u ta' servizz relatat issir aċċessibbli għall-utent

1.   Prodotti konnessi għandhom ikunu ddisinjati u mmanifatturati, u s-servizzi relatati għandhom ikunu ddisinjati u pprovduti, b'tali mod li d-data ta' prodott u ta' servizz relatat, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, huma, awtomatikament, faċilment, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, direttament aċċessibbli għall-utent.

2.   Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għax-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' prodott konness, il-bejjiegħ, il-kerrej jew il-lokatur, li jista' jkun il-manifattur, għandu jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-utent, b’mod ċar u li jinftiehem:

(a)

it-tip, il-format u l-volum stmat tad-data ta' prodott li l-prodott konness huwa kapaċi jiġġenera;

(b)

jekk il-prodott konness huwiex kapaċi jiġġenera data kontinwament u f'ħin reali;

(c)

jekk il-prodott konness huwiex kapaċi jaħżen data fuq l-apparat jew fuq server remot, inkluż, fejn applikabbli, it-tul ta' żmien taż-żamma maħsub;

(d)

kif l-utent jista' jaċċessa, jirkupra jew, fejn rilevanti, iħassar dik id-data, inkluż il-mezzi tekniċi biex jagħmel dan, kif ukoll it-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tiegħu.

3.   Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għall-forniment ta' servizz relatat, il-fornitur ta' tali servizz relatat għandu jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-utent, b’mod ċar u li jinftiehem:

(a)

in-natura, il-volum stmat u l-frekwenza tal-ġbir tad-data ta' prodott li d-detentur tad-data prospettiv huwa mistenni li jikseb u, fejn rilevanti, l- arranġamenti għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż l-arranġamenti dwar il-ħżin tad-data tad-detentur tad-data prospettiv u d-durata taż-żamma;

(b)

in-natura u l-volum stmat tad-data tas-servizz relatat li trid tiġi ġġenerata, kif ukoll l-arranġamenti għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż l-arranġamenti dwar il-ħżin tad-data tad-detentur tad-data prospettiv u d-durata taż-żamma;

(c)

jekk id-detentur tad-data prospettiv jistenniex li juża d-data faċilment disponibbli huwa stess u l-iskopijiet li għalihom għandha tintuża dik id-data, u jekk għandux l-intenzjoni li jippermetti lil parti terza waħda jew aktar tuża d-data għal skopijiet miftiehma mal-utent;

(d)

l-identità tad-detentur tad-data prospettiv, bħall-isem kummerċjali tiegħu u l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u, fejn applikabbli, partijiet oħra għall-ipproċessar tad-data;

(e)

il-mezzi ta' komunikazzjoni li jagħmluha possibbli li jiġi kkuntattjat id-detentur tad-data prospettiv malajr u jikkomunika ma' dak id-detentur tad-data b'mod effiċjenti;

(f)

kif l-utent jista' jitlob li d-data tiġi kondiviża ma' parti terza u, fejn applikabbli, iwaqqaf il-kondiviżjoni tad-data;

(g)

id-dritt tal-utent li jressaq ilment li jallega ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan il-Kapitolu mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37;

(h)

jekk detentur tad-data prospettiv huwiex id-detentur ta' sigrieti kummerċjali li jinsabu fid-data li tkun aċċessibbli mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat, u, fejn id-deterntur tad-data prospettiv ma jkunx id-detentur tas-sigriet kummerċjali, l-identità tad-detentur tas-sigriet kummerċjali;

(i)

it-tul tal-perjodu tal-kuntratt bejn l-utent u d-detentur tad-data prospettiv, kif ukoll l-arranġamenti għat-terminazzjoni ta’ tali kuntratt.

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 13

Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża oħra

1.   Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għad-data u l-użu tagħha jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew it-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, li jkun ġie impost unilateralment minn intrapriża fuq intrapriża oħra, ma għandux ikun vinkolanti fuq l-intrapriża tal-aħħar jekk ikun inġust.

2.   Terminu kuntrattwali li jirrifletti dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-Unjoni, jew dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li japplikaw jekk it-termini kuntrattwali ma jirregolawx il-kwistjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala inġusti.

3.   Terminu kuntrattwali huwa inġust jekk ikun ta' natura tali li l-użu tiegħu jiddevja bil-kbir mill-prattika kummerċjali tajba fl-aċċess u fl-użu tad-data, ikun kuntrarju għan-negozjar bona fide u ġust.

4.   B'mod partikolari, terminu kuntrattwali għandu jkun inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-parti li imponiet unilateralment it-terminu għal atti intenzjonali jew għal negliġenza serja;

(b)

jeskludi r-rimedji disponibbli għall-parti li fuqha ġie impost it-terminu unilateralment fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali, jew ir-responsabbiltà tal-parti li imponiet it-terminu unilateralment fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(c)

jagħti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment id-dritt esklużiv li tiddetermina jekk id-data pprovduta hijiex konformi mal-kuntratt jew li tinterpreta kwalunkwe terminu kuntrattwali.

5.   Terminu kuntrattwali għandu jkun preżunt inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jillimita b'mod mhux xieraq ir-rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kuntrattwali jew responsabbiltà fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi, jew jestendi r-responsabbiltà tal-intrapriża li fuqha jkun ġie impost unilateralment it-terminu;

(b)

jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu għall-aċċess u għall-użu tad-data tal-parti kontraenti l-oħra b'mod li jkun ta' detriment sinifikanti għall-interessi leġittimi tal-parti kontraenti l-oħra, b'mod partikolari meta dik id-data jkun fiha data kummerċjalment sensittiva jew tkun protetta minn sigrieti kummerċjali jew minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(c)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tuża d-data ipprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt, jew li tillimita l-użu ta' tali data sal-punt li dik il-parti ma tkunx intitolata li tuża, tiġbor, taċċessa jew tikkontrolla tali data jew tisfrutta l-valur ta' tali data b'mod adegwat;

(d)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli ttemm il-ftehim f'perjodu raġonevoli;

(e)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tikseb kopja tad-data pprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt jew f'perjodu raġonevoli wara t-terminazzjoni tiegħu;

(f)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment biex ittemm il-kuntratt b'avviż qasir mhux raġonevoli, filwaqt li titqies kwalunkwe possibbiltà raġonevoli tal-parti kontraenti l-oħra li taqleb għal servizz alternattiv u komparabbli u d-detriment finanzjarju kkawżat minn tali terminazzjoni, għajr fejn ikun hemm raġunijiet serji biex isir dan;

(g)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment li tibdel sostanzjalment il-prezz speċifikat fil-kuntratt jew kwalunkwe kundizzjoni sostantiva oħra relatata man-natura, il-format, il-kwalità jew il-kwantità tad-data li ser tiġi kondiviża, fejn ma tkun ġiet speċifikata fil-kuntratt ebda raġuni valida u ebda dritt tal-parti l-oħra li tittermina l-kuntratt fil-każ ta' bidla ta’ din ix-xorta.

Il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu m'għandux m'għandux jaffettwa t-termini li bihom il-parti li imponiet it-terminu unilateralment tirriżerva d-dritt li tibdel unilateralment it-termini ta' kuntratt ta' żmien indeterminat, dment li l-kuntratt ikun speċifika raġuni valida għal tali tibdil unilaterali, li l-parti li imponiet it-terminu unilateralment tkun meħtieġa tipprovdi lill-parti kontraenti l-oħra b'avviż raġonevoli bi kwalunkwe bidla maħsuba, u li l-parti kontraenti l-oħra tkun libera li tittermina l-kuntratt mingħajr ħlas fil-każ ta' bidla.

6.   Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala impost unilateralment skont it-tifsira ta' dan l-Artikolu jekk ikun ġie fornut minn parti kontraenti waħda u l-parti kontraenti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tiegħu minkejja tentattiv biex dan jiġi nnegozjat. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali għandha l-oneru li tagħti provi li dak it-terminu ma ġiex impost unilateralment. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali kkontestat ma tistax targumenta li t-terminu huwa terminu kuntrattwali inġust.

7.   Meta t-terminu kuntrattwali inġust ikun jista' jkun magħmul indipendenti mit-termini li jifdal tal-kuntratt, dawk it-termini li jifdal għandhom ikunu vinkolanti.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal termini kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett ewlieni tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz, meta titqies id-data pprovduta bħala kambju.

9.   Il-partijiet għal kuntratt kopert mill-paragrafu 1 ma għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, jidderogaw minnu, jew ivarjaw l-effetti tiegħu.

KAPITOLU V

IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI

Artikolu 25

Termini kuntrattwali dwar il-qlib

1.   Id-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi jew, fejn applikabbli, għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'kuntratt bil-miktub. Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jagħmel il-kuntratt disponibbli għall-klijent qabel l-iffirmar tal-kuntratt b'mod li jippermetti lill-klijent jaħżen u jipproduċi mill-ġdid il-kuntratt.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/770, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

klawżoli li jippermettu lill-klijent, fuq talba, jaqleb għal servizz tal-ipproċessar tad-data offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew li jittrasferixxi d-data u l-assi diġitali kollha li jistgħu jiġu esportati għal infrastruttura ICT fuq il-post, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux wara l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju ta' 30 jum kalendarju, li jibda wara l-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-punt (d), li matulu l-kuntratt tas-servizz jibqa' japplika u li matulu l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu:

(i)

jagħti assistenza raġonevoli lill-klijent u lill-partijiet terzi awtorizzati mill-klijent fil-proċess tal-qlib;

(ii)

jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex tinżamm il-kontinwità tan-negozju, u jkompli jipprovdi l-funzjonijiet jew is-servizzi skont il-kuntratt;

(iii)

jipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-riskji magħrufa għall-kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi min-naħa tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(iv)

jiżgura li jinżamm livell għoli ta' sigurtà matul il-proċess tal-qlib, b'mod partikolari s-sigurtà tad-data matul it-trasferiment tagħha u l-kontinwità tas-sigurtà tad-data matul il-perjodu ta' rkupru speċifikat fil-punt (g), f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali applikabbli;

(b)

obbligu tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jappoġġa l-istrateġija ta' ħruġ rilevanti tal-klijent għas-servizzi kkuntrattati, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha;

(c)

klawżola li tispeċifika li l-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat mitmum u l-klijent għandu jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni, f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i)

fejn applikabbli, mat-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib;

(ii)

fi tmiem il-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu (d), meta l-klijent ma jixtieqx jaqleb iżda jixtieq iħassar id-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali kollha tiegħu mat-terminazzjoni tas-servizz;

(d)

perjodu massimu ta' avviż għall-bidu tal-proċess tal-qlib, li ma għandux jaqbeż xahrejn;

(e)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji kollha tad-data u l-assi diġitali li jistgħu jiġu ttrasferiti matul il-proċess tal-qlib, inkluż, bħala minimu, id-data kollha li tista' tiġi esportata;

(f)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji tad-data speċifiċi għall-funzjonament intern tas-servizz tal-ipproċessar tad-data tal-fornitur li jridu jiġu eżentati mid-data li tista' tiġi esportata skont il-punt (e) ta’ dan il-paragrafu fejn jeżisti riskju ta' ksur tas-sigrieti kummerċjali tal-fornitur; sakemm tali eżenzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu jew idewmu l-proċess tal-qlib previst fl-Artikolu 23;

(g)

perjodu minimu għall-irkupru tad-data ta' mill-inqas 30 jum kalendarju, li jibda wara t-terminazzjoni tal-perjodu tranżizzjonali li kien miftiehem bejn il-klijent u l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 4;

(h)

klawżola li tiggarantixxi t-tħassir sħiħ tad-data kollha li tista' tiġi esportata u ta’ assi diġitali ġġenerati direttament mill-klijent, jew relatati mal-klijent direttament, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g) jew wara l-iskadenza ta' perjodu alternattiv maqbul f'data aktar tard mid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g), dment li l-proċess tal-qlib ikun tlesta b'suċċess;

(i)

l-imposti tal-qlib li jistgħu jiġu imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data f'konformità mal-Artikolu 29.

3.   Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jipprovdu li l-klijent jista' jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bid-deċiżjoni tiegħu li jwettaq waħda mill-azzjonijiet li ġejjin jew aktar mat-terminazzjoni tal-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d):

(a)

jaqleb għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'liema każ il-klijent għandu jipprovdi d-dettalji neċessarji ta' dak il-fornitur;

(b)

jaqleb għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post;

(c)

iħassar d-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali tiegħu.

4.   Meta l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju kif previst fil-paragrafu 2, il-punt (a) ma jkunx teknikament fattibbli, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinnotifika lill-klijent fi żmien 14-il jum tax-xogħol minn meta ssir it-talba għall-qlib, u għandu jiġġustifika b’mod xieraq in-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u jindika perjodu tranżizzjonali alternattiv, li ma għandux jaqbeż seba' xhur. F'konformità mal-paragrafu 1, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz matul il-perjodu tranżizzjonali alternattiv kollu,.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jagħtu lill-klijent id-dritt li jestendi l-perjodu tranżizzjonali darba għal perjodu li l-klijent jikkunsidra aktar xieraq għall-għanijiet tiegħu stess.

Artikolu 36

Rekwiżiti essenzjali rigward il-kuntratti intelliġenti għall-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data

1.   Il-bejjiegħ ta' applikazzjoni li tuża kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli, għandhom jiżguraw li dawk il-kuntratti intelliġenti jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)

robustezza u kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li l-kuntratt intelliġenti jkun tfassal biex joffri mekkaniżmi ta' kontroll tal-aċċess u grad għoli ħafna ta' robustezza biex jiġu evitati żbalji funzjonali u biex jiflaħ għall-manipulazzjoni minn partijiet terzi;

(b)

terminazzjoni u interruzzjoni sikuri, biex ikun żgurat li jeżisti mekkaniżmu biex tintemm il-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u li l-kuntratt intelliġenti jinkludi funzjonijiet interni li jistgħu jerġgħu jistabbilixxu jew jagħtu struzzjonijiet lill-kuntratt sabiex iwaqqaf jew jinterrompi l-operazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu evitati eżekuzzjonijiet aċċidentali futuri;

(c)

arkivjar u kontinwità tad-data, biex ikun żgurat, f'ċirkostanzi li fihom kuntratt intelliġenti jrid jiġi tterminat jew diżattivat, ikun hemm possibbiltà tal-arkivjar tad-data tranżazzjonali, il-loġika u l-kodiċi tal-kuntratt intelliġenti sabiex jinżamm ir-rekord tal-operazzjonijiet imwettqa fuq id-data fil-passat (awditabbiltà);

(d)

kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li kuntratt intelliġenti jiġi protett permezz ta' mekkaniżmi rigorużi ta' kontroll tal-aċċess fis-saffi ta' governanza u ta' kuntratti intelliġenti; u

(e)

konsistenza, biex tkun żgurata konsistenza mat-termini tal-ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data li l-kuntratt intelliġenti jeżegwixxi.

2.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' eżekuzzjoni ta’ ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità bil-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 u, malli jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti, toħroġ dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.

3.   Billi jfassal id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-bejjiegħ ta' applikazzjoni bl-użu ta' kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' ftehim ta’ eżekuzzjoni jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Kuntratt intelliġenti li jissodisfa l-istandards armonizzati jew il-partijiet rilevanti tagħhom, li r-referenzi tiegħu huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandards armonizzati li jindirizzaw dik it-talba ma jkunux ġew ikkonsenjati fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandards armonizzati ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huwa f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

7.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu huma ssodisfati.

8.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

9.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti mill-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

10.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

11.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, tista’ temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

KAPITOLU IX

IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR


whereas









keyboard_arrow_down