search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'rikjedenti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index rikjedenti:


whereas rikjedenti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 600

 

Artikolu 17

Talbiet biex data ssir disponibbli

1.   Meta jitolbu data skont l-Artikolu 14, korp tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom:

(a)

jispeċifikaw id-data meħtieġa, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data;

(b)

juru li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tal-ħtieġa eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 15 li għall-fini tagħha qed tintalab id-data huma ssodisfati;

(c)

jispjegaw l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, inkluż, fejn applikabbli, minn parti terza f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, it-tul ta' żmien ta' dak l-użu, u, fejn ikun rilevanti, kif l-ipproċessar ta' data personali ser jindirizza l-ħtieġa eċċezzjonali;

(d)

jispeċifikaw, jekk ikun possibbli, meta d-data tkun mistennija li titħassar mill-partijiet kollha li jkollhom aċċess għaliha;

(e)

jiġġustifikaw l-għażla tad-detentur tad-data li lilu tkun indirizzata t-talba;

(f)

jispeċifikaw kwalunkwe korp ieħor tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni u l-partijiet terzi li magħhom tkun mistennija tiġi kondiviża d-data mitluba;

(g)

meta tintalab data personali, jispeċifikaw kwalunkwe miżura teknika u organizzattiva neċessarja u proporzjonata għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji neċessarji, bħall-psewdonimizzazzjoni, u jekk tistax tiġi applikata anonimizzazzjoni mid-detentur tad-data qabel ma jagħmel id-data disponibbli;

(h)

jispeċifikaw id-dispożizzjoni legali li talloka lill-korp tas-settur pubbliku li jagħmel it-talba, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku rilevanti għat-talba tad-data;

(i)

jispeċifikaw l-iskadenza sa meta d-data trid issir disponibbli u l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(2) sa meta d-detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika tat-talba;

(j)

jagħmlu l-aħjar almu tagħhom biex jevitaw il-konformità mat-talba għad-data li tirriżulta fir-responsabbiltà tad-detenturi tad-data għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Talba għad-data magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)

issir bil-kitba u tkun ifformulata b'lingwaġġ ċar, konċiż u sempliċi li jista' jinftiehem mid-detentur tad-data;

(b)

tkun speċifika fir-rigward tat-tip ta' data mitluba u tikkorrispondi għal data li d-detentur tad-data jkollu kontroll fuqha fil-mument tat-talba;

(c)

tkun proporzjonata għall-ħtieġa eċċezzjonali u debitament ġustifikata, fir-rigward tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u l-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba;

(d)

tirrispetta l-għanijiet leġittimi tad-detentur tad-data, filwaqt li tintrabat li tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'konformità mal-Artikolu 19(3), u b'kont meħud tal-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;

(e)

tikkonċerna data mhux personali, u fil-każ biss li jintwera li dan mhux biżżejjed għar-rispons għall-ħtieġa eċċezzjonali li tintuża d-data, f'konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (a), tintalab data personali f'forma psewdonimizzata u tistabbilixxi l-miżuri tekniċi u organizzattivi li jridu jittieħdu biex tiġi protetta d-data;

(f)

tinforma lid-detentur tad-data dwar il-penali li jiġu imposti skont l-Artikolu 40 mill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-talba;

(g)

meta t-talba ssir minn korp tas-settur pubbliku, tiġi trażmessa lill-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 37 tal-Istat Membrufejn il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti jkun stabbilit, li għandu jagħmel it-talba disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed sakemm il-koordinatur tad-data ma jqisx li tali pubblikazzjoni toħloq riskju għas-sigurtà pubblika.

(h)

meta t-talba ssir mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni, issir disponibbli online mingħajr dewmien żejjed;

(i)

meta tintalab data personali, tiġi nnotifikata mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità superviżorja iresponsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp tas-settur pubbliku.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-talbiet tagħhom.

3.   Korp tas-settur pubbliku il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu d-data miksuba skont dan il-Kapitolu disponibbli għall-użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2022/868 jew l-Artikolu 2, il-punt 11, tad-Direttiva (UE) 2019/1024. Ir-Regolament (UE) 2022/868 u d-Direttiva (UE) 2019/1024 ma għandhomx japplikaw għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku miksuba skont dan il-Kapitolu.

4.   Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jipprekludix lil korp tas-settur pubbliku,lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni milli jiskambjaw data miksuba skont dan il-Kapitolu ma' korp ieħor tas-settur pubbliku jew mal-Kummissjoni, mal-Bank Ċentrali Ewropew jew ma' korp tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkompletaw il-kompiti msemmija fl-Artikolu 15, kif speċifikat fit-talba f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (f), ta' dan l-Artikolu jew li jagħmlu d-data disponibbli għal parti terza meta dan ikun iddelega, permezz ta' ftehim disponibbli għall-pubbliku, spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra lil dik il-parti terza. L-obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku skont l-Artikolu 19, b'mod partikolari s-salvagwardji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, għandhom japplikaw ukoll għal dawn il-partijiet terzi. Meta korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont dan il-paragrafu, huma għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data mingħajr dewmien żejjed.

5.   Meta d-detentur tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu skont dan il-Kapitolu jkunu nkisru bit-trażmissjoni jew bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudell għat-talbiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Konformità mat-talbiet għad-data

1.   Detentur tad-data li jirċievi talba biexid-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu għandu jagħmel id-data disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqis il-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali neċessarji.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tad-disponibbiltà tad-data definiti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika ta' talba biex id-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li jirċievi talba għad-data neċessarja bħala tweġiba għal emerġenza pubblika u mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol wara li tkun waslet tali talba f'każijiet oħra ta' ħtieġa eċċezzjonali, għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-detentur tad-data ma jkollux kontroll fuq id-data mitluba;

(b)

talba simili għall-istess għan tkun ġiet sottomessa qabel minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew minn korp tal-Unjoni u d-detentur tad-data ma jkunx ġie nnotifikat bit-tħassir tad-data skont l-Artikolu 19(1), il-punt (c);

(c)

it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1) u (2).

3.   Jekk id-detentur tad-data jiddeċiedi li jirrifjuta t-talba jew ifittex il-modifika tagħha f'konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b), huwa għandu jindika l-identità tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni li qabel ikunu ssottomettew talba għall-istess għan.

4.   Meta d-data mitluba tinkludi data personali, id-detentur tad-data għandu janonimizza d-data kif xieraq, sakemm il-konformità mat-talba biex id-data ssir disponibbli għal korp tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ l-iżvelar ta' data personali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jippsewdonimizza d-data.

5.   Meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni jkunu jixtiequ jikkontestaw ir-rifjut ta' detentur tad-data milli jipprovdi d-data mitluba, jew meta d-detentur tad-data jkun jixtieq jikkontesta t-talba, u l-kwistjoni ma tkunx tista' tiġi risolta permezz ta' modifika xierqa tat-talba, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

Artikolu 22

Assistenza reċiproka u kooperazzjoni transfruntiera

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku. il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin, biex jimplimentaw dan il-Kapitolu b'mod konsistenti.

2.   Kwalunkwe data skambjata fil-kuntest ta' assistenza mitluba u pprovduta skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tintuża b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet.

3.   Meta korp tas-settur pubbliku jkollu l-intenzjoni li jitlob data mingħand detentur tad-data stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 f’dak l-Istat Membru, b'dik l-intenzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal talbiet mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u minn korpi tal-Unjoni. It-talba għandha tiġi eżaminata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

4.   Wara li tkun eżaminat it-talba fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tittrażmetti t-talba lid-detentur tad-data u, jekk ikun applikabbli, tagħti parir lill-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni dwar il-ħtieġa, jekk ikun hemm, biex jikkooperaw mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq id-detentur tad-data biex jikkonforma mat-talba;

(b)

tirrifjuta t-talba għal raġunijiet debitament sostanzjati, f'konformità ma' dan il-Kapitolu.

Il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom iqisu l-parir u r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-ewwel subparagrafu qabel kwalunkwe azzjoni ulterjuri bħas-sottomisjoni tat-talba, jekk ikun applikabbli.

KAPITOLU VI

QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ


whereas









keyboard_arrow_down