search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'it-trasferiment' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index it-trasferiment:


whereas it-trasferiment:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 493

 

Artikolu 25

Termini kuntrattwali dwar il-qlib

1.   Id-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi jew, fejn applikabbli, għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'kuntratt bil-miktub. Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jagħmel il-kuntratt disponibbli għall-klijent qabel l-iffirmar tal-kuntratt b'mod li jippermetti lill-klijent jaħżen u jipproduċi mill-ġdid il-kuntratt.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/770, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

klawżoli li jippermettu lill-klijent, fuq talba, jaqleb għal servizz tal-ipproċessar tad-data offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew li jittrasferixxi d-data u l-assi diġitali kollha li jistgħu jiġu esportati għal infrastruttura ICT fuq il-post, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux wara l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju ta' 30 jum kalendarju, li jibda wara l-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-punt (d), li matulu l-kuntratt tas-servizz jibqa' japplika u li matulu l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu:

(i)

jagħti assistenza raġonevoli lill-klijent u lill-partijiet terzi awtorizzati mill-klijent fil-proċess tal-qlib;

(ii)

jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex tinżamm il-kontinwità tan-negozju, u jkompli jipprovdi l-funzjonijiet jew is-servizzi skont il-kuntratt;

(iii)

jipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-riskji magħrufa għall-kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi min-naħa tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(iv)

jiżgura li jinżamm livell għoli ta' sigurtà matul il-proċess tal-qlib, b'mod partikolari s-sigurtà tad-data matul it-trasferiment tagħha u l-kontinwità tas-sigurtà tad-data matul il-perjodu ta' rkupru speċifikat fil-punt (g), f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali applikabbli;

(b)

obbligu tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jappoġġa l-istrateġija ta' ħruġ rilevanti tal-klijent għas-servizzi kkuntrattati, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha;

(c)

klawżola li tispeċifika li l-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat mitmum u l-klijent għandu jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni, f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i)

fejn applikabbli, mat-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib;

(ii)

fi tmiem il-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu (d), meta l-klijent ma jixtieqx jaqleb iżda jixtieq iħassar id-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali kollha tiegħu mat-terminazzjoni tas-servizz;

(d)

perjodu massimu ta' avviż għall-bidu tal-proċess tal-qlib, li ma għandux jaqbeż xahrejn;

(e)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji kollha tad-data u l-assi diġitali li jistgħu jiġu ttrasferiti matul il-proċess tal-qlib, inkluż, bħala minimu, id-data kollha li tista' tiġi esportata;

(f)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji tad-data speċifiċi għall-funzjonament intern tas-servizz tal-ipproċessar tad-data tal-fornitur li jridu jiġu eżentati mid-data li tista' tiġi esportata skont il-punt (e) ta’ dan il-paragrafu fejn jeżisti riskju ta' ksur tas-sigrieti kummerċjali tal-fornitur; sakemm tali eżenzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu jew idewmu l-proċess tal-qlib previst fl-Artikolu 23;

(g)

perjodu minimu għall-irkupru tad-data ta' mill-inqas 30 jum kalendarju, li jibda wara t-terminazzjoni tal-perjodu tranżizzjonali li kien miftiehem bejn il-klijent u l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 4;

(h)

klawżola li tiggarantixxi t-tħassir sħiħ tad-data kollha li tista' tiġi esportata u ta’ assi diġitali ġġenerati direttament mill-klijent, jew relatati mal-klijent direttament, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g) jew wara l-iskadenza ta' perjodu alternattiv maqbul f'data aktar tard mid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g), dment li l-proċess tal-qlib ikun tlesta b'suċċess;

(i)

l-imposti tal-qlib li jistgħu jiġu imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data f'konformità mal-Artikolu 29.

3.   Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jipprovdu li l-klijent jista' jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bid-deċiżjoni tiegħu li jwettaq waħda mill-azzjonijiet li ġejjin jew aktar mat-terminazzjoni tal-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d):

(a)

jaqleb għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'liema każ il-klijent għandu jipprovdi d-dettalji neċessarji ta' dak il-fornitur;

(b)

jaqleb għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post;

(c)

iħassar d-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali tiegħu.

4.   Meta l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju kif previst fil-paragrafu 2, il-punt (a) ma jkunx teknikament fattibbli, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinnotifika lill-klijent fi żmien 14-il jum tax-xogħol minn meta ssir it-talba għall-qlib, u għandu jiġġustifika b’mod xieraq in-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u jindika perjodu tranżizzjonali alternattiv, li ma għandux jaqbeż seba' xhur. F'konformità mal-paragrafu 1, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz matul il-perjodu tranżizzjonali alternattiv kollu,.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jagħtu lill-klijent id-dritt li jestendi l-perjodu tranżizzjonali darba għal perjodu li l-klijent jikkunsidra aktar xieraq għall-għanijiet tiegħu stess.

Artikolu 28

Obbligi ta' trasparenza kuntrattwali dwar l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli fuq is-siti web tagħhom, u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata:

(a)

il-ġuriżdizzjoni li għaliha tkun soġġetta l-infrastruttura tal-ICT użata għall-ipproċessar tad-data tas-servizzi individwali tagħhom;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi, organizzattivi u kuntrattwali adottati mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data sabiex jiġi evitat l-aċċess jew it-trasferiment internazzjonali mill-gvern ta’ data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali aċċess jew trasferiment joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

2.   Is-siti web imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu elenkati fi kuntratt għas-servizzi kollha tal-ipproċessar tad-data offruti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ


whereas









keyboard_arrow_down