(18) Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejnil-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur.
Fornituri ta' pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala kummerċjanti taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom stess u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati "kummerċjant" taħt din id-Direttiva;
- = -
(19) Id-Direttiva għandha tindirizza problemi fost kategoriji differenti ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali u l-provvista tagħhom.
Bil-għan li taħseb għal żviluppi teknoloġiċi mgħaġġlin u biex il-kunċett ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali jibqa' validu fil-futur, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri, inter alia, programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet, video files, audio files, logħob diġitali, kotba elettroniċi jew pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra, u wkoll servizzi diġitali li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar, l-aċċess għad-data jew il-ħżin ta' data f'forma diġitali, inkluż softwer bħala servizz bħall-video sharing u l-audio sharing u l-ospitar ta' fajls oħra, il-word processing jew il-logħob offrut fl-ambjent tal-cloud computing u l-midja soċjali.
Peress li hemm bosta manjieri kif il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jiġu pprovduti, bħat-trażmissjoni fuq mezz tanġibbli, it-tniżżil mill-konsumaturi fuq l-apparati tagħhom, ir-ritrażmissjoni fuq il-web, permess għal aċċess għal kapaċitajiet ta' ħżin ta' kontenut diġitali jew aċċess għall-użu tal-midja soċjali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika indipendentament mill-mezz użat għat-trażmissjoni ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali jew l-għoti ta' aċċess għalihom.
Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-servizzi ta' aċċess għall-internet.
- = -
(20) Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin.
Filwaqt li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/771 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti.
Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta' kontenut diġitali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għal kontenut diġitali li jiġi pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, sakemm il-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur ta' kontenut diġitali.
Madankollu, minflok id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar l-obbligu ta' provvista tal- kummerċjant u dwar ir-rimedji tal-konsumatur għal nuqqas ta' provvista, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar obbligi relatati mal-konsenja ta' oġġetti u rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' konsenja.
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE, dwar, pereżempju, id-dritt ta' rtirar u n-natura tal-kuntratt li fil-qafas tiegħu jiġu pprovduti dawk l-oġġetti, jenħtieġ li jkomplu japplikaw ukoll għal tali midja tanġibbli u l-kontenut diġitali pprovdut fuqha.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju wkoll għad-dritt ta' distribuzzjoni applikabbli għal dawn l-oġġetti taħt il-liġi dwar id-dritt tal-awtur.
- = -
(21) Id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tapplika għall-kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti, inklużi l-oġġetti b'elementi diġitali.
Il-kunċett ta' oġġetti b'elementi diġitali jenħtieġ li jirreferi għal oġġetti li jinkorporaw kontenut diġitali jew servizz diġitali jew li huma interkonnessi miegħu b'tali mod li l-assenza ta' dak il-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali twaqqaf lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali li huwa inkorporat f'oġġetti jew interkonness magħhom b'dak il-mod jenħtieġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva(UE) 2019/771 jekk jiġi pprovdut mal-oġġetti fil-qafas ta' kuntratt ta' bejgħ li jikkonċerna dawk l-oġġetti.
Jekk il-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali inkorporat jew interkonness tifformax parti mill-kuntratt ta' bejgħ mal-bejjiegħ, jenħtieġ li jiddependi mill-kontenut ta' dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporat jew interkonness li l-provvista tiegħu tkun meħtieġa b'mod espliċitu mill-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll dawk il-kuntratti ta' bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali speċifiku minħabba li huma normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna li jkunu hemm minħabba n-natura tal-oġġetti u b'kont meħud ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ jew f'ismu jew minn persuni oħra f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikulari tal-video, dik l-applikazzjoni tal-video tkun meqjusa parti mill-kuntratt ta' bejgħ.
Jenħtieġ li dan japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
- = -
(22) B'kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-prodotti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali li ma jifformax parti minn kuntratt ta' bejgħ dwar oġġetti b'elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li jkun meqjus separat mill-kuntratt għall-bejgħ tal-prodotti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta' dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista' jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel applikazzjoni ta' logħob minn app store fuq smartphone, il-kuntratt għall-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob huwa separat mill-kuntratt għall-bejgħ tas-smartphone innifsu.
Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2019/771 tapplika biss għall-kuntratt ta' bejgħ li jikkonċerna s-smartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob tista' taqa' taħt din id-Direttiva, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma sodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn ikun ġie miftiehem b'mod espress li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta' sistema operattiva minn parti terza.
F'tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva mixtrija separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/771, iżda tista' taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma ssodisfatti.
- = -
(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(25) Meta kontenut diġitali u servizzi diġitali ma jkunux ipprovduti bi skambju ma' prezz, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant jiġbor data personali esklussivament biex jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew għall-iskop uniku li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali.
Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, każijiet meta r-reġistrazzjoni tal-konsumatur hija obbligatorja bil-liġijiet applikabbli għal skopijiet ta' sigurtà u identifikazzjoni.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet meta l-kummerċjant jiġbor metadata, bħal informazzjoni li tikkonċerna l-apparat tal-konsumatur jew l-istorja tal-ibbrawżjar, ħlief meta din is-sitwazzjoni titqies li tkun kuntratt taħt il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ li lanqas ma tapplika għal sitwazzjonijiet meta l-konsumatur, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-kummerċjant, ikun espost għal reklamar esklużivament biex jikseb aċċess għal kontenut diġitali jew servizz diġitali.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal sitwazzjonijiet bħal dawn, jew inkella li jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
- = -
(26) Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kuntratti għall-iżvilupp ta' kontenut diġitali li huwa mfassal apposta għar-rekwiżiti speċifiċi tal-konsumatur inkluż softwer imfassal apposta.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għall-provvista ta' fajls elettroniċi meħtieġa fil-kuntest tal-istampar 3D ta' oġġetti, sal-punt li tali fajls jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali fis-sens ta' din id-Direttiva.
Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li ma tirregola ebda dritt jew obbligu relatat ma' oġġetti prodotti bl-użu ta' teknoloġija tal-istampar 3D.
- = -
(27) Peress li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kuntratti li għandhom bħala oġġett il-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumatur, jenħtieġ li ma tapplikax meta l-materja tal-kuntratt tkun il-provvista ta' servizzi professjonali, bħal servizzi ta' traduzzjoni, servizzi ta' arkitettura jew servizzi ta' konsulenza professjonali oħra li sikwit jitwettqu personalment mill-kummerċjant, irrispettivament minn jekk il-mezzi diġitali jintużawx mill-kummerċjant sabiex jipproduċi l-output tas-servizz jew biex jittrażmettih lill-konsumatur.
Bl-istess mod, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal servizzi pubbliċi, bħal servizzi ta' sigurtà soċjali jew reġistri pubbliċi, fejn il-mezzi diġitali jintużaw biss għat-trażmissjoni jew il-komunikazzjoni tas-servizz lill-konsumatur.
Jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal strumenti awtentiċi u atti notarili oħra, irrispettivament minn jekk jitwettqux, jiġux irreġistrati, riprodotti jew trażmessi permezz ta' mezzi diġitali.
- = -
(28) Is-suq għal servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, li ma jikkollegawx ma' riżorsi ta' numerazzjoni pubblikament assenjati, qed jevolvi b'mod rapidu.
F'dawn l-aħħar snin, l-emerġenza ta' servizzi diġitali ġodda li jippermettu komunikazzjonijiet interpersonali fuq l-internet, bħall-posta elettronika bbażata fuq il-web u s-servizzi ta' messaġġi online, wasslet biex aktar konsumaturi jużaw dawn is-servizzi.
Għal tali raġunijiet jenħtieġ li tiġi prevista protezzjoni effettiva għall-konsumatur fir-rigward ta' tali servizzi.
Din id-Direttiva għalhekk jenħtieġ li tapplika wkoll għal servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri.
- = -
(29) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għall-kura tas-saħħa kif definita fid-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).
L-esklużjoni tal-"kura tas-saħħa" mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għal kwalunkwe kontenut diġitali jew servizz diġitali li jikkostitwixxi apparat mediku, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (6) jew 90/385/KEE (7) jew id-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fejn tali apparat mediku huwa preskritt jew ipprovdut minn professjonist tas-saħħa kif definit fid-Direttiva 2011/24/UE.
Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kontenut diġitali jew servizz diġitali li jikkostitwixxi apparat mediku, bħal applikazzjonijiet tas-saħħa, li jistgħu jinkisbu mill-konsumatur mingħajr ma jiġu preskritti jew ipprovduti minn professjonist tas-saħħa.
- = -
(31) Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal kontenut diġitali jew servizz diġitali li jiġi pprovdut lil udjenza pubblika bħala parti minn eżibizzjoni artistika jew avveniment ieħor, bħal projezzjoni ċinematografika diġitali jew spettaklu teatrali awdjoviżiv.
Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika jekk il-kontenut diġitali jew servizz diġitali jiġi pprovdut lil udjenza pubblika permezz ta' trażmissjoni ta' sinjali bħal servizzi tat-televiżjoni diġitali.
- = -
(32) Is-softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, fejn il-kodiċi tas-sors huwa kondiviż b'mod miftuħ u fejn l-utenti jista' jkollhom aċċess liberu għalih, jużaw, jimmodifikaw u jqassmu mill-ġdid is-softwer jew il-verżjonijiet modifikati tiegħu, jista' jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-suq għall-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali.
Sabiex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli għal dawn l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, dment li ma jiġix ipprovdut bi skambju ma' prezz u d-data personali tal-konsumatur tintuża esklussivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-softwer.
- = -
(33) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali spiss jiġu kkombinati mal-provvista ta' oġġetti jew servizzi oħra u jiġu offruti lill-konsumatur fl-istess kuntratt li jinkludi pakkett ta' elementi differenti, bħall-provvista ta' televiżjoni diġitali u x-xiri ta' tagħmir elettroniku.
F'każijiet bħal dawn, il-kuntratt bejn il-konsumatur u l-kummerċjant jinkludi elementi ta' kuntratt għall-provvista ta' kontenut jew servizz diġitali iżda wkoll elementi ta' tipi oħra ta' kuntratt, bħal kuntratt għall-bejgħ ta' oġġetti jew servizzi.
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal dawk l-elementi tal-kuntratt ġenerali li jikkonsistu fil-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali.
Jenħtieġ li l-elementi l-oħra tal-kuntratt jiġu regolati bir-regoli applikabbli għal dawk il-kuntratti taħt il-liġi nazzjonali jew, fejn applikabbli, liġi oħra tal-Unjoni li tirregola settur speċifiku jew materja speċifika.
Bl-istess mod, kwalunkwe effett li jista' jkollha t-terminazzjoni ta' element wieħed tal-pakkett ta' kuntratti fuq l-elementi l-oħra ta’ dak il-pakkett ta' kuntratti jenħtieġ li jiġi regolat mil-liġi nazzjonali.
Madankollu, sabiex tiġi żgurata konsistenza mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jirregola l-pakkett ta' kuntratti, fejn kummerċjant joffri, fis-sens ta’ dik id-Direttiva, kontenut diġitali jew servizz diġitali b'kombinazzjoni ma' servizz ta' komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq in-numri jew servizz ta' aċċess għall-internet, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jenħtieġ li ma japplikawx għall-kontenut diġitali jew għall-element tas-servizz diġitali tal-pakkett.
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li minflok japplikaw għall-elementi kollha tal-pakkett, inkluż il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -
(48) Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tapplika bis-sħiħ għall-ipproċessar ta' data personali b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-rimedji mhux kuntrattwali previsti mir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-fatti li jwasslu għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ċentrali bħar-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jistgħu jitqiesu wkoll li jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali ma' rekwiżiti ta' konformità soġġettivi jew oġġettivi previsti f'din id-Direttiva.
Eżempju wieħed jista’ jkun fejn kummerċjant jassumi espliċitament obbligu fil-kuntratt, jew il-kuntratt jista' jiġi interpretat b'dak il-mod, li huwa marbut ukoll mal-obbligi tal-kummerċjant taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
F'dak il-każ, impenn kuntrattwali bħal dan jista' jsir parti mir-rekwiżiti ta' konformità soġġettivi.
It-tieni eżempju jista' jkun meta nuqqas ta' konformità mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jista', fl-istess ħin, jagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhux adatt għall-iskop maħsub tiegħu u, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit oġġettiv għall-konformità li jirrikjedi li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jkunu adatt għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip.
- = -