(11) Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti bejn kummerċjanti u konsumaturi għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu armonizzati bis-sħiħ ir-regoli dwar il-konformità ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali makuntratt, rimedji f'każ ta' nuqqas ta' tali konformità jew nuqqas ta' provvista u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dawk ir-rimedji, kif ukoll dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta' xi elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra.
Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.
L-Istati Membri huma preklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva milli jipprovdu għal kwalunkwe rekwiżit ulterjuri formali jew sostantiv.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprevedux regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi li huma differenti minn dawk previsti f'din id-Direttiva, jew obbligu għall-konsumatur li jinnotifika lill-kummerċjant dwar nuqqas ta' konformità fi żmien perjodu speċifiku.
- = -
(19) Id-Direttiva għandha tindirizza problemi fost kategoriji differenti ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali u l-provvista tagħhom.
Bil-għan li taħseb għal żviluppi teknoloġiċi mgħaġġlin u biex il-kunċett ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali jibqa' validu fil-futur, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri, inter alia, programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet, video files, audio files, logħob diġitali, kotba elettroniċi jew pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra, u wkoll servizzi diġitali li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar, l-aċċess għad-data jew il-ħżin ta' data f'forma diġitali, inkluż softwer bħala servizz bħall-video sharing u l-audio sharing u l-ospitar ta' fajls oħra, il-word processing jew il-logħob offrut fl-ambjent tal-cloud computing u l-midja soċjali.
Peress li hemm bosta manjieri kif il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jiġu pprovduti, bħat-trażmissjoni fuq mezz tanġibbli, it-tniżżil mill-konsumaturi fuq l-apparati tagħhom, ir-ritrażmissjoni fuq il-web, permess għal aċċess għal kapaċitajiet ta' ħżin ta' kontenut diġitali jew aċċess għall-użu tal-midja soċjali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika indipendentament mill-mezz użat għat-trażmissjoni ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali jew l-għoti ta' aċċess għalihom.
Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-servizzi ta' aċċess għall-internet.
- = -
(23) Ir-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur bħal vouchers elettroniċi jew kupuni elettroniċi jintużaw mill-konsumaturi biex iħallsu għal oġġetti jew servizzi differenti fis-suq uniku diġitali.
Tali rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur qed isiru importanti fir-rigward tal-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali, u għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala metodu ta' ħlas fis-sens ta' din id-Direttiva.
Rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur jenħtieġ li jinftiehmu wkoll bħala li jinkludu wkoll muniti virtwali, sa fejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali.
Differenzjazzjoni skont il-metodu ta' ħlas tista' tkun il-kawża ta' diskriminazzjoni u tista' tipprovdi inċentiv mhux ġustifikat għan-negozji sabiex jibdew joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali bi skambju ma' rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur.
Madankollu, peress li r-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur ma għandhom l-ebda skop ieħor għajr li jservu bħala metodu ta' ħlas, huma nfushom jenħtieġ li ma jitqisux bħala kontenut diġitali jew servizz diġitali fis-sens ta' din id-Direttiva.
- = -
(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(33) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali spiss jiġu kkombinati mal-provvista ta' oġġetti jew servizzi oħra u jiġu offruti lill-konsumatur fl-istess kuntratt li jinkludi pakkett ta' elementi differenti, bħall-provvista ta' televiżjoni diġitali u x-xiri ta' tagħmir elettroniku.
F'każijiet bħal dawn, il-kuntratt bejn il-konsumatur u l-kummerċjant jinkludi elementi ta' kuntratt għall-provvista ta' kontenut jew servizz diġitali iżda wkoll elementi ta' tipi oħra ta' kuntratt, bħal kuntratt għall-bejgħ ta' oġġetti jew servizzi.
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal dawk l-elementi tal-kuntratt ġenerali li jikkonsistu fil-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali.
Jenħtieġ li l-elementi l-oħra tal-kuntratt jiġu regolati bir-regoli applikabbli għal dawk il-kuntratti taħt il-liġi nazzjonali jew, fejn applikabbli, liġi oħra tal-Unjoni li tirregola settur speċifiku jew materja speċifika.
Bl-istess mod, kwalunkwe effett li jista' jkollha t-terminazzjoni ta' element wieħed tal-pakkett ta' kuntratti fuq l-elementi l-oħra ta’ dak il-pakkett ta' kuntratti jenħtieġ li jiġi regolat mil-liġi nazzjonali.
Madankollu, sabiex tiġi żgurata konsistenza mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jirregola l-pakkett ta' kuntratti, fejn kummerċjant joffri, fis-sens ta’ dik id-Direttiva, kontenut diġitali jew servizz diġitali b'kombinazzjoni ma' servizz ta' komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq in-numri jew servizz ta' aċċess għall-internet, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jenħtieġ li ma japplikawx għall-kontenut diġitali jew għall-element tas-servizz diġitali tal-pakkett.
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li minflok japplikaw għall-elementi kollha tal-pakkett, inkluż il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -
(34) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw il-pakkett ta' kuntratti jenħtieġ li japplikaw biss għal każijiet fejn l-elementi differenti tal-pakkett huma offruti mill-istess kummerċjant lill-istess konsumatur taħt kuntratt uniku.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali jista' jitqies li huwa marbut ma' kuntratt ieħor li l-konsumatur ikun ikkonkluda mal-kummerċjant jew ma' kummerċjant ieħor jew ikun anċillari għalih, ir-rimedji li jistgħu jiġu eżerċitati taħt kull kuntratt jew l-effett li t-terminazzoni ta' kuntratt wieħed ikollha fuq il-kuntratt l-ieħor.
- = -
(43) Il-kunċett ta' funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jew servizz diġitali jista' jintuża.
Pereżempju, l-assenza jew il-preżenza ta' kwalunkwe restrizzjoni teknika bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali jew tal-ikkowdjar tar-reġjun jista' jkollha impatt fuq il-kapaċità li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu fir-rigward tal-iskop tiegħu.
Il-kunċett ta' interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u sa liema punt il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kapaċi jiffunzjona b'ħardwer jew softwer li huwa differenti minn dawk li normalment bihom jintuża kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b'suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jiskambja informazzjoni ma' tali softwer jew ħardwer ieħor u juża l-informazzjoni skambjata.
- = -
(55) Jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali, u għal kwalunkwe nuqqas li jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
Peress li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jistgħu jiġu pprovduti lill-konsumaturi permezz ta' att ta' provvista individwali wieħed jew aktar jew kontinwament fuq perjodu ta' żmien, ikun xieraq li l-mument rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-konformità tal-kontenut jew tas-servizz diġitali jiġi ddeterminat fid-dawl ta’ dawk it-tipi ta' provvista differenti.
- = -
(78) In-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali kif ipprovdut lill-konsumatur spiss ikun dovut għal waħda mit-tranżazzjonijiet f'katina li tgħaqqad min oriġinarjament iddisinjah sal-kummerċjant finali.
Filwaqt li l-kummerċjant jenħtieġ li jkun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kummerċjant ikollu drittijiet xierqa vis-à-vis persuni differenti fil-katina ta' tranżazzjonijiet sabiex ikun jista' jkopri r-responsabbiltà lejn il-konsumatur.
Jenħtieġ li tali drittijiet ikunu limitati għal tranżazzjonijiet kummerċjali u għalhekk jenħtieġ li ma jkoprux sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant huwa responsabbli lejn il-konsumatur għan-nuqqas ta' konformità ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li huwa magħmul minn softwer, jew mibni fuqu, li ġie pprovdut mingħajr il-ħlas ta' prezz b'liċenzja b'xejn u b'sors miftuħ minn persuna f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Madankollu, jenħtieġ li jitħalla f'idejn l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali applikabbli tagħhom sabiex jidentifikaw persuni fil-katina ta' tranżazzjonijiet li l-kummerċjant finali jista' jdur fuqhom u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' azzjonijiet bħal dawn.
- = -