(1) Il-potenzjal tat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-Unjoni għadu ma ġiex sfruttat kompletament.
L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tindirizza b'mod olistiku l-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier fl-Unjoni sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal.
Meta l-aċċess tal-konsumaturi għal kontenut diġitali u servizzi diġitali jkun aħjar, u meta għan-negozji tiġi ffaċilitata l-provvista ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali, dan jista' jikkontribwixxi biex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali tal-Unjoni u jiġi stimolat it-tkabbir globali.
- = -
(3) Ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali jenħtieġ li jiġu armonizzati, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jinkiseb suq uniku diġitali ġenwin, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (‘SMEs’).
- = -
(6) sabiex jirrimedjaw tali problemi, kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jistrieħu fuq drittijiet kuntrattwali armonizzati b'mod sħiħ f'ċerti oqsma ewlenin li jikkonċernaw il-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali madwar l-Unjoni.
Armonizzazzjoni sħiħa ta' wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin iżżid konsiderevolment iċ-ċertezza tad-dritt kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.
- = -
(18) Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejnil-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur.
Fornituri ta' pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala kummerċjanti taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom stess u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati "kummerċjant" taħt din id-Direttiva;
- = -
(20) Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin.
Filwaqt li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/771 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti.
Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta' kontenut diġitali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għal kontenut diġitali li jiġi pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, sakemm il-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur ta' kontenut diġitali.
Madankollu, minflok id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar l-obbligu ta' provvista tal- kummerċjant u dwar ir-rimedji tal-konsumatur għal nuqqas ta' provvista, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar obbligi relatati mal-konsenja ta' oġġetti u rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' konsenja.
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE, dwar, pereżempju, id-dritt ta' rtirar u n-natura tal-kuntratt li fil-qafas tiegħu jiġu pprovduti dawk l-oġġetti, jenħtieġ li jkomplu japplikaw ukoll għal tali midja tanġibbli u l-kontenut diġitali pprovdut fuqha.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju wkoll għad-dritt ta' distribuzzjoni applikabbli għal dawn l-oġġetti taħt il-liġi dwar id-dritt tal-awtur.
- = -
(23) Ir-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur bħal vouchers elettroniċi jew kupuni elettroniċi jintużaw mill-konsumaturi biex iħallsu għal oġġetti jew servizzi differenti fis-suq uniku diġitali.
Tali rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur qed isiru importanti fir-rigward tal-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali, u għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala metodu ta' ħlas fis-sens ta' din id-Direttiva.
Rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur jenħtieġ li jinftiehmu wkoll bħala li jinkludu wkoll muniti virtwali, sa fejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali.
Differenzjazzjoni skont il-metodu ta' ħlas tista' tkun il-kawża ta' diskriminazzjoni u tista' tipprovdi inċentiv mhux ġustifikat għan-negozji sabiex jibdew joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali bi skambju ma' rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur.
Madankollu, peress li r-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur ma għandhom l-ebda skop ieħor għajr li jservu bħala metodu ta' ħlas, huma nfushom jenħtieġ li ma jitqisux bħala kontenut diġitali jew servizz diġitali fis-sens ta' din id-Direttiva.
- = -
(27) Peress li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kuntratti li għandhom bħala oġġett il-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumatur, jenħtieġ li ma tapplikax meta l-materja tal-kuntratt tkun il-provvista ta' servizzi professjonali, bħal servizzi ta' traduzzjoni, servizzi ta' arkitettura jew servizzi ta' konsulenza professjonali oħra li sikwit jitwettqu personalment mill-kummerċjant, irrispettivament minn jekk il-mezzi diġitali jintużawx mill-kummerċjant sabiex jipproduċi l-output tas-servizz jew biex jittrażmettih lill-konsumatur.
Bl-istess mod, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal servizzi pubbliċi, bħal servizzi ta' sigurtà soċjali jew reġistri pubbliċi, fejn il-mezzi diġitali jintużaw biss għat-trażmissjoni jew il-komunikazzjoni tas-servizz lill-konsumatur.
Jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal strumenti awtentiċi u atti notarili oħra, irrispettivament minn jekk jitwettqux, jiġux irreġistrati, riprodotti jew trażmessi permezz ta' mezzi diġitali.
- = -
(32) Is-softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, fejn il-kodiċi tas-sors huwa kondiviż b'mod miftuħ u fejn l-utenti jista' jkollhom aċċess liberu għalih, jużaw, jimmodifikaw u jqassmu mill-ġdid is-softwer jew il-verżjonijiet modifikati tiegħu, jista' jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-suq għall-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali.
sabiex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli għal dawn l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, dment li ma jiġix ipprovdut bi skambju ma' prezz u d-data personali tal-konsumatur tintuża esklussivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-softwer.
- = -
(33) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali spiss jiġu kkombinati mal-provvista ta' oġġetti jew servizzi oħra u jiġu offruti lill-konsumatur fl-istess kuntratt li jinkludi pakkett ta' elementi differenti, bħall-provvista ta' televiżjoni diġitali u x-xiri ta' tagħmir elettroniku.
F'każijiet bħal dawn, il-kuntratt bejn il-konsumatur u l-kummerċjant jinkludi elementi ta' kuntratt għall-provvista ta' kontenut jew servizz diġitali iżda wkoll elementi ta' tipi oħra ta' kuntratt, bħal kuntratt għall-bejgħ ta' oġġetti jew servizzi.
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal dawk l-elementi tal-kuntratt ġenerali li jikkonsistu fil-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali.
Jenħtieġ li l-elementi l-oħra tal-kuntratt jiġu regolati bir-regoli applikabbli għal dawk il-kuntratti taħt il-liġi nazzjonali jew, fejn applikabbli, liġi oħra tal-Unjoni li tirregola settur speċifiku jew materja speċifika.
Bl-istess mod, kwalunkwe effett li jista' jkollha t-terminazzjoni ta' element wieħed tal-pakkett ta' kuntratti fuq l-elementi l-oħra ta’ dak il-pakkett ta' kuntratti jenħtieġ li jiġi regolat mil-liġi nazzjonali.
Madankollu, sabiex tiġi żgurata konsistenza mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jirregola l-pakkett ta' kuntratti, fejn kummerċjant joffri, fis-sens ta’ dik id-Direttiva, kontenut diġitali jew servizz diġitali b'kombinazzjoni ma' servizz ta' komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq in-numri jew servizz ta' aċċess għall-internet, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jenħtieġ li ma japplikawx għall-kontenut diġitali jew għall-element tas-servizz diġitali tal-pakkett.
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li minflok japplikaw għall-elementi kollha tal-pakkett, inkluż il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -
(38) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet għall-ipproċessar legali ta' data personali, peress li din il-kwistjoni hija regolata, b'mod partikolari, mir-Regolament (UE) 2016/679.
B'konsegwenza ta' dan, kwalunkwe pproċessar ta' data personali b'rabta ma' kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva huwa legali biss jekk ikun f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar ir-raġunijiet legali għall-ipproċessar ta' data personali.
Meta l-ipproċessar ta' data personali jkun ibbażat fuq il-kunsens, partikolarment skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak ir-Regolament, inkluż dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b'mod liberu.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tirregolax il-validità tal-kunsens mogħti.
Ir-Regolament (UE) 2016/679 fih ukoll drittijiet komprensivi dwar it-tħassir tad-data u l-portabbiltà tad-data.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal dawk id-drittijiet, li japplikaw għal kwalunkwe data pprovduta mill-konsumatur lill-kummerċjant jew miġbura mill-kummerċjant b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u meta l-konsumatur ikun ittermina l-kuntratt f'konformità ma' din id-Direttiva.
- = -
(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(45) sabiex ikun hemm konformità u biex ikun żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imċaħħda minn drittijiethom, pereżempju f'każijiet fejn il-kuntratt jistabbilixxi standards baxxi ħafna, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li mhux biss jikkonforma mar-rekwiżiti soġġettivi għal konformità, iżda jenħtieġ li jikkonforma ukoll mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, inter alia, b'kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip jintuża normalment.
Jenħtieġ li jkollu wkoll il-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta' prestazzjoni li jkunu normali għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali tal-istess tip u li l-konsumaturi jistgħu jistennew b'mod raġonevoli, minħabba n-natura tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jsiru mill-kummerċjant jew f'ismu jew minn persuni oħra f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
- = -
(47) Għall-perjodu ta' żmien li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna, il-kummerċjant jenħtieġ li jipprovdi lill-konsumatur b'aġġornamenti, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex iżomm il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità u sikur.
Pereżempju, fir-rigward tal-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali, li l-iskop tiegħu huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu li jiġu pprovduti aġġornamenti jenħtieġ li jkun limitat għal dak iż-żmien, filwaqt li għal tipi oħra ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali l-perjodu li matulu jenħtieġ li jiġu pprovduti l-aġġornamenti lill-konsumatur jista' jkun daqs il-perjodu ta' responsabbiltà għal nuqqas ta' konformità jew jista' jestendi lil hinn minn dak il-perjodu, li jaf ikun il-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa' liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Meta l-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti, il-konsumatur jenħtieġ li, madankollu, ma jistenniex li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jibqa' konformi.
Il-kummerċjant jenħtieġ li jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax aġġornamenti li huma meħtieġa biex iżommu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali konformi, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser jaffettwa r-responsabbiltà tal-kummerċjant għall-konformità ta' dawk il-karatteristiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f'konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(49) sabiex tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà, jenħtieġ li jkun possibbli li l-partijiet jiddevjaw mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità.
Jenħtieġ li devjazzjoni bħal din tkun possibbli biss jekk il-konsumatur ikun ġie speċifikament infurmat b'dan u jekk il-konsumatur jaċċettaha b'mod separat minn dikjarazzjonijiet jew ftehimiet oħra u permezz ta' mġiba attiva u mhux ekwivoka.
Iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu, pereżempju, jiġu ssodisfati billi tiġi mmarkata kaxxa, tingħafas buttuna jew tiġi attivata funzjoni simili.
- = -
(52) sabiex jaħdem kif imiss, il-kontenut diġitali u servizz diġitali jeħtieġ li jiġi integrat b'mod korrett fl-ambjent ta' ħardwer u softwer tal-konsumatur.
Jenħtieġ li nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jirriżulta minn integrazzjoni inkorretta jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali nnifsu, meta jkun ġie integrat mill-kummerċjant jew taħt il-kontroll tiegħu, jew mill-konsumatur li segwa l-istruzzjonijiet tal-kummerċjant għall-integrazzjoni, u l-integrazzjoni inkorretta kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-integrazzjoni rikjesti, bħal istruzzjonijiet ta' installazzjoni mhux kompluti jew nuqqas ta' ċarezza tal-istruzzjonijiet ta' integrazzjoni li jagħmilha diffiċli sabiex dawn jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(55) Jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali, u għal kwalunkwe nuqqas li jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
Peress li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jistgħu jiġu pprovduti lill-konsumaturi permezz ta' att ta' provvista individwali wieħed jew aktar jew kontinwament fuq perjodu ta' żmien, ikun xieraq li l-mument rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-konformità tal-kontenut jew tas-servizz diġitali jiġi ddeterminat fid-dawl ta’ dawk it-tipi ta' provvista differenti.
- = -
(56) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jista' jiġi pprovdut lill-konsumaturi permezz ta' att uniku ta' provvista, pereżempju meta l-konsumaturi jniżżlu ktieb elettroniku u jaħżnuh fuq l-apparat personali tagħhom.
Bl-istess mod, il-provvista tista' tikkonsisti f'sensiela ta' atti individwali bħal dawn, pereżempju meta l-konsumaturi jirċievu link biex iniżżlu ktieb elettroniku ġdid kull ġimgħa.
L-element distintiv ta' din il-kategorija ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali huwa l-fatt li l-konsumaturi minn dakinhar 'il quddiem għandhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali u jużawh b'mod indefinit.
F'tali każijiet, jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiġi vvalutata fil-mument tal-provvista, u għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jeżisti fil-mument meta jsir l-att uniku ta' provvista jew meta jsir kull att ta' provvista individwali.
sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, il-kummerċjanti u l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq perjodu minimu armonizzat li matulu l-kummerċjant jenħtieġ li jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
Fir-rigward ta' kuntratti li jipprevedu att uniku ta' provvista jew sensiela ta' atti individwali ta' provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu responsabbli għal mhux inqas minn sentejn mill-mument tal-provvista, jekk taħt il-liġi nazzjonali rispettiva tiegħu l-kummerċjant huwa responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jsir apparenti f'perjodu ta' żmien wara l-provvista.
- = -
(60) Mingħajr preġudizzju għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u għall-protezzjoni tad-data personali tal-konsumatur, il-konsumatur jenħtieġ li jikkoopera mal-kummerċjant sabiex il-kummerċjant ikun jista' jaċċerta jekk il-kawża ta' nuqqas ta' konformità tkunx tinsab fl-ambjent diġitali tal-konsumatur bl-użu tal-mezzi tekniċi disponibbli li huma l-inqas intrużivi għall-konsumatur.
Dan spiss jista' jsir, pereżempju, billi l-kummerċjant jingħata rapporti ta' inċidenti ġġenerati awtomatikament jew b'dettalji tal-konnessjoni tal-internet tal-konsumatur.
Huwa biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali u debitament iġġustifikati fejn, minkejja l-aħjar użu tal-mezzi l-oħrajn kollha, ma jkunx hemm mod ieħor possibbli, li l-konsumaturi jista' jkollhom il-ħtieġa li jippermettu aċċess virtwali għall-ambjent diġitali tagħhom.
Madankollu, meta l-konsumatur ma jikkooperax mal-kummerċjant u l-konsumatur kien ġie infurmat bil-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, għandu jkun il-konsumatur li jipprova mhux biss li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhuwiex konformi, iżda wkoll li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma kienx konformi fiż-żmien tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fejn il-kuntratt jipprovdi għal att wieħed ta’ provvista jew serje ta’ atti individwali ta’ provvista jew, fejn il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, għad-durata tal-kuntratt.
- = -
(70) Il-konsumatur jista' jiġi skoraġġit milli jeżerċita rimedji għal nuqqas ta' konformità ta’ kontenut diġitali jew servizz diġitali jekk il-konsumatur jiġi mċaħħad mill-aċċess għal kontenut għajr data personali li l-konsumatur ikun ipprovda jew ħoloq permezz tal-użu tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
sabiex ikun żgurat li l-konsumatur jibbenefika minn protezzjoni effettiva fir-rigward tad-dritt li jittermina l-kuntratt, il-kummerċjant, fuq talba tal-konsumatur, jenħtieġ li jagħmel tali kontenut disponibbli lill-konsumatur wara t-terminazzjoni tal-kuntratt.
- = -
(75) Minbarra l-modifiki li għandhom l-għan li jżommu l-konformità, jenħtieġ li l-kummerċjant ikun jista' jimmodifika, taħt ċerti kondizzjonijiet, karatteristiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, dment li l-kuntratt jagħti raġuni valida għal din il-modifika.
Tali raġunijiet validi jistgħu jinkludu każijiet fejn il-modifika tkun neċessarja sabiex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġu adattati għal ambjent tekniku ġdid jew għal żieda fin-numru ta' utenti jew għal raġunijiet operattivi importanti oħra.
Tali modifiki spiss ikunu ta' vantaġġ għall-konsumatur billi jtejbu l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali.
Konsegwentement, il-partijiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkludu klawżoli fil-kuntratt li jippermettu lill-kummerċjant li jagħmel modifiki.
sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tan-negozju, jenħtieġ li tali possibbiltà għall-kummerċjant tkun ikkombinata mad-dritt għall-konsumatur li jittermina l-kuntratt meta tali modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih b'mod mhux minuri.
Jenħtieġ li l-punt sa fejn il-modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih jiġi aċċertat b'mod oġġettiv fid-dawl tan-natura u l-iskop tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u tal-kwalità, il-funzjonalità, il-kompatibbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn li huma normali f'kontenut diġitali jew f'servizzi diġitali tal-istess tip.
Madankollu, ir-regoli pprovduti f’din id-Direttiva dwar dawn l-aġġornamenti, it-titjib fil-livell jew modifiki simili jenħtieġ li ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet fejn il-partijiet jikkonkludu kuntratt ġdid għall-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, pereżempju bħala konsegwenza ta’ distribuzzjoni ta’ verżjoni ġdida tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
- = -
(78) In-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali kif ipprovdut lill-konsumatur spiss ikun dovut għal waħda mit-tranżazzjonijiet f'katina li tgħaqqad min oriġinarjament iddisinjah sal-kummerċjant finali.
Filwaqt li l-kummerċjant jenħtieġ li jkun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kummerċjant ikollu drittijiet xierqa vis-à-vis persuni differenti fil-katina ta' tranżazzjonijiet sabiex ikun jista' jkopri r-responsabbiltà lejn il-konsumatur.
Jenħtieġ li tali drittijiet ikunu limitati għal tranżazzjonijiet kummerċjali u għalhekk jenħtieġ li ma jkoprux sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant huwa responsabbli lejn il-konsumatur għan-nuqqas ta' konformità ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li huwa magħmul minn softwer, jew mibni fuqu, li ġie pprovdut mingħajr il-ħlas ta' prezz b'liċenzja b'xejn u b'sors miftuħ minn persuna f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Madankollu, jenħtieġ li jitħalla f'idejn l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali applikabbli tagħhom sabiex jidentifikaw persuni fil-katina ta' tranżazzjonijiet li l-kummerċjant finali jista' jdur fuqhom u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' azzjonijiet bħal dawn.
- = -
(79) Persuni jew organizzazzjonijiet meqjusin taħt il-liġi nazzjonali li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-drittijiet kuntrattwali u tal-protezzjoni tad-data tal-konsumaturi jenħtieġ li jingħataw id-dritt li jiftħu proċedimenti sabiex jiżguraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti li tiddeċiedi fuq ilmenti, jew li jiftħu l-proċedimenti legali xierqa.
- = -
(81) Jenħtieġ li l-Anness għar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għal din id-Direttiva sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-infurzar ta' din id-Direttiva.
- = -
(82) Jenħtieġ li l-Anness għad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tiġi emendata sabiex tinkludi referenza għal din id-Direttiva sabiex tiżgura li l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu mħarsa.
- = -
(83) Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva hekk kif il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali korrispondenti jibdew japplikaw.
Dawk il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali jenħtieġ, għalhekk, li japplikaw ukoll għal kuntratti ta' tul indefinit jew fiss li ġew konklużi qabel id-data tal-applikazzjoni u jipprevedu l-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali tul perjodu ta' żmien, jew kontinwament jew permezz ta' sensiela ta' atti individwali ta' provvista, iżda biss fir-rigward tal-kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li jiġi pprovdut mid-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni.
Madankollu, sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-kummerċjanti, il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-modifika tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u d-dritt għal rimedju jenħtieġ li japplikaw biss għal kuntratti konklużi wara d-data tal-applikazzjoni skont din id-Direttiva.
- = -
(86) Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tittratta b'mod konsistenti ostakoli relatati mal-liġi tal-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali waqt li tipprevjeni l-frammentazzjoni legali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, sabiex jiżguraw il-koerenza kumplessiva tal-liġijiet nazzjonali permezz ta' regoli armonizzati tal-liġi tal-kuntratti li jiffaċilitaw l-azzjonijiet koordinati ta' infurzar ukoll, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f’konformita; mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.
- = -