search


keyboard_tab Clausole e vendite online Direttiva EU 2011/0083 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/2161 2011/83 2005/29 1998/6 1993/13

2011/0083 MT cercato: 'jagħti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas jagħti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 770

 

Artikolu 5

Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju

1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b'kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b'mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:

(a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

(b)

l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu, l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u n-numru tat-telefon;

(c)

il-prezz totali tal-oġġetti jew is-servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b'mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat, kif ukoll, fejn hu applikabbli, kull imposta addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ghall-kunsinna jew għall-posta jew jew, fejn dawk l-imposti ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

(d)

fejn hu applikabbli, l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjant jimpenja ruħu li jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti servizz, u l-politika tal-kummerċjant tal-ġestjoni tal-ilmenti;

(e)

flimkien ma’ tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali, fejn applikabbli;

(f)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt fejn applikabbli, jew, jekk il-kuntratt huwa għal żmien indeterminat jew kuntratt li jiġġedded awtomatika, il-kundizzjonijiet biex ittemm il-kuntratt;

(g)

fejn hu applikabbli, il-funzjonalità, inklużi l-miżuri tekniċi applikabbli ta’ protezzjoni tal-kontenut diġitali;

(h)

fejn applikabbli, kwalunkwe interoperabbiltà rilevanti tal-kontenut diġitali bil-hardware u s-software, li jkun jaf bihom il-kummerċjant jew mistenni jkun jaf bihom raġonevolment.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass u elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, għat-tisħin distrettwali u għall-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw il-paragrafu 1 għall-kuntratti li jinvolvu tranżazzjonijiet ta’ kuljum u li huma eżegwiti immedjatament fil-mument tal-konklużjoni tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu rekwiżiti addizzjonali ta’ informazzjoni pre-kuntrattwali għal-kuntratti li japplika għalihom dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

IINFORMAZZJONI TAL-KONSUMATUR U DRITT TA' REĊESS GĦAL KUNTRATTI MILL-BOGĦOD U LIL HINN MILL-POST TAN-NEGOZJU

Artikolu 6

Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju

1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b'mod ċar u komprensibbli:

(a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

(b)

l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu;

(c)

l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista' jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b'mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f'ismu jkun qed jaġixxi;

(d)

jekk differenti mill-indirizz ipprovdut skont il-punt (c), l-indirizz ġeografiku tal-post tan-negozju tal-kummerċjant, u fejn applikabbli dak tal-kummerċjant li f'ismu qed jaġixxi, fejn il-konsumatur jista' jirreferi kwalunkwe lment;

(e)

il-prezz totali tal-oġġetti jew servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b'mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat, kif ukoll, fejn hu applikabbli, kull imposta addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ghall-kunsinna jew għall-posta jew kwalunkwe spejjeż oħra jew, fejn dawk l-imposti ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti addizzjonali jistgħu jkunu dovuti. Fil-każ ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew ta’ kuntratt li jkun fih abbonament, il-prezz totali għandu jinkludi l-ispejjeż totali għall-perjodu ta’ kontijiet. Meta l-ħlas għal tali kuntratti jkun tariffa fissa, il-prezz totali għandu jkun ekwivalenti anki għall-ispejjeż totali ta’ kull xahar. Jekk l-ispejjeż totali ma jkunux jistgħu jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, għandhom jiġu pprovduti l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz;

(f)

l-ispiża tal-użu tal-mezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt meta tali kost huwa kkalkolat fuq bażi differenti mit-tariffa bażika;

(g)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjanti jimpenja ruħu jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti s-servizzi u, jekk ikun il-każ, il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant;

(h)

f'każ li jeżisti dritt ta’ reċess, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

(i)

fejn applikabbli, li l-konsumatur ikollu jġarrab l-ispejjeż tar-ritorn tal-oġġetti fil-każ ta’ reċess u, għall-kuntratti mill-bogħod, jekk il-oġġetti, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jiġu rritornati normalment bil-posta, l-ispiża tar-ritorn tal-oġġetti;

(j)

li, jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ reċess wara li kien għamel talba skont l-Artikolu 7(3) jew l-Artikolu 8(8), il-konsumatur għandu jkun responsabbli li jħallas lill-kummerċjant l-ispejjeż raġonevoli skont l-Artikolu 14(3);

(k)

fejn dritt ta’ reċess mhuwiex previst skont l-Artikolu 16, l-informazzjoni li l-konsumatur mhuwiex se jibbenefika minn dritt ta’ reċess jew, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess;

(l)

tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti;

(m)

fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-klijenti, servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali;

(n)

l-eżistenza ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29/KE, rilevanti u kif jistgħu jinkisbu kopji tagħhom, fejn applikabbli;

(o)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt fejn applikabbli jew jekk il-kuntratt huwa għal żmien indeterminat jew kuntratt li jiġġedded awtomatikament, il-kundizzjonijiet biex ittemm il-kuntratt;

(p)

fejn applikabbli, iż-żmien minimu tal-obbligi tal-konsumatur skont il-kuntratt;

(q)

fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ depożiti jew garanziji finanzjarji oħra li għandhom jitħallsu jew jingħataw mill-konsumatur fuq talba tal-kummerċjant;

(r)

fejn applikabbli, l-funzjonalità, inklużi l-miżuri tekniċi applikabbli ta’ protezzjoni tal-kontenut diġitali;

(s)

fejn applikabbli, kwalunkwe interoperabbiltà rilevanti tal-kontenut diġitali bil-hardware u s-software, li jkun jaf bihom il-kummerċjant jew mistenni jkun jaf bihom raġonevolment;

(t)

fejn applikabbli, il-possibbiltà ta’ rikors għal proċedura extraġudizzjarja ta’ lment jew ta’ rimedju li huwa suġġett għaliha l-kummerċjant kif ukoll il-metodi għall-aċċess għaliha.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass u elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, għat-tisħin distrettwali jew għall-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.

3.   Fil-każ ta’ rkant pubbliku, l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 tista' tiġi sostitwita b'dettalji ekwivalenti għall-irkantatur.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 tista' tkun ipprovduta permezz tal-formola tal-istruzzjonijiet dwar ir-reċess stabbilita fl-Anness I(A). Il-kummerċjant ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 jekk ikun ippreżenta dawn l-istruzzjonijiet lill-konsumatur mimlija kif suppost.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tifforma parti integrali tal-kuntratti mill-bogħod jew dawk lil hinn mill-post tan-negozju u ma għandhiex tkun modifikata għajr jekk mhux bil-ftehim espliċitu tal-partijiet kuntrattwali.

6.   Jekk il-kummerċjant ma jottemperax għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż addizzjonali jew spejjeż oħrajn imsemmijin fil-punt (e) tal-paragrafu 1, jew dwar l-ispejjeż tar-ritorn tal-oġġetti msemmijin fil-punti (i) tal-paragrafu 1, il-konsumatur ma għandux iġarrab dawk l-impostijew spejjeż addizzjonali.

7.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom rekwiżiti lingwistiċi dwar l-informazzjoni kuntrattwali, biex jiggarantixxi li tali informazzjoni tinftiehem faċilment mill-konsumatur.

8.   Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva jiżdiedu mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fid-Direttiva 2006/123/KE u d-Direttiva 2000/31/KE u ma jimpedixxux lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni supplementari skont dawk id-Direttivi.

Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, f'każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE u tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kontenut u l-modalitajiet li bihom l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta u dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva, għandha tirbaħ din id-Direttiva.

9.   Fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati f'dan il-Kapitolu, l-oneru tal-prova għandu jkun fuq il-kummerċjant.

Artikolu 7

Rekwiżiti formali għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju

1.   Fir-rigward ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur fuq karta jew jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil. Dik l-informazzjoni għandha tkun leġġibbli u ppreżentata b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

2.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur b'kopja tal-kuntratt iffirmat jew il-konferma tal-kuntratt fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil, inkluża, jekk ikun il-każ, il-konferma tal-kunsens magħmul espressament u minn qablel u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.

3.   Fejn konsumatur irid li l-għoti tas-servizzi jew il-provvista ta’ ilma, gass, elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, jew it-tisħin distrettwali jibda matul il-perjodu ta’ reċess previst mill-Artikolu 9(2), il-kummerċjant għandu jesiġi li l-konsumatur jagħmel din it-talba espliċita fuq mezz li jservi għal żmien twil.

4.   Għall-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju li fihom il-konsumatur talab espliċitament is-servizzi tal-kummerċjant għall-iskopijiet tat-twettiq tat-tiswijiet jew manutenzjoni li għalihom il-kummerċjant u l-konsumatur jottemperaw immedjatament għall-obbbligi kuntrattwali tagħhom u l-ammont li għandu jħallas il-konsumatur ma jaqbiżx il-EUR 200:

(a)

il-kummerċjanti għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) u l-informazzjoni dwar il-prezz u l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz, flimkien ma’ stima tal-prezz totali, fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz li jservi għal żmien twil ieħor. Il-kummerċjant għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (h) u (k) tal-Artikolu 6(1), iżda jista' jagħżel li ma jipprovdihiex fuq karta jew fuq mezz li jservi għal żmien twil ieħor jekk il-konsumatur jaqbel espressament;

(b)

il-konferma tal-kuntratt prevista skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-paragrafu

5.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali ulterjuri ta’ informazzjoni prekuntrattwali biex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod

1.   Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur jew jagħmel dik l-informazzjoni disponibblif'mod adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Sakemm dik l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz li jservi għal żmien twil, hija għandha tkun leġġibbli.

2.   Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b'mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant jgħarrfu b'mod ċar u evidenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) punti (a), (e), (o) u (p), immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.

Il-kummerċjant għandu jiggarantixxi li, meta ssir l-ordni, il-konsumatur jirrikonoxxi espliċitament li l-ordni timplika l-obbligu ta’ pagament. Jekk biex issir l-ordni jfisser li tiġi azzjonata buttuna jew funzjoni simili, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandhom juru b'mod faċilment leġġibili l-kliem “ordni b'obbligu ta’ pagament” biss jew formulazzjoni korrispondenti inekwivokabbli li tindika li l-fatt li saret l-ordni jimplika obbligu li jsir pagament lill-kummerċjant. Jekk il-kummerċjant ma osservax dan is-subparagrafu, il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.

3.   Is-siti ta’ kummerċ elettroniku għandhom jindikaw b'mod ċar u leġġibbli, tal-anqas fil-bidu tal-proċess tal-ordni, jekk japplikaw restrizzjonijiet għall-kunsinna u liema mezzi ta’ pagament huma aċċettati.

4.   Jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jipprovdi, fuq dak il-mezz partikolari qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dan, tal-anqas l-informazzjoni prekuntrattwali dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, l-identità tal-kummerċjant, il-prezz totali, id-dritt ta’ reċess, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt u, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, il-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1), punti (a), (b), (e), (h) u (o). L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata mill-kummerċjant lill-konsumatur f'mod xieraq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk il-kummerċjant iċempel lill-konsumatur bil-għan li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod, huwa għandu, fil-bidu tal-konversazzjoni mal-konsumatur, jiżvela l-identità tiegħu u, jekk applikabbli, l-identità ta’ dik il-peruna li f'isimha qed jagħmel it-telefonata, kif ukoll l-iskop kummerċjali tat-telefonata.

6.   Meta kuntratt mill-bogħod jiġi konkluż bit-telefon, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kummerċjant għandu jikkonferma l-offerta lill-konsumatur, li huwa marbut biss ladarba jiffirma l-offerta jew ikun bagħat il-kunsens tiegħu bil-miktub. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li tali konfermi għandhom isiru b'mezz li jservi għal żmien twil.

7.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-konferma tal-kuntratt konkluż f'mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz. Dik il-konferma għandha tinkludi:

(a)

l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ħlief jekk il-kummerċjant diġà ta dik l-informazzjoni lill-konsumatur f'mezz li jservi fit-tul qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u

(b)

fejn applikabbli, il-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.

8.   Jekk konsumatur irid li l-għoti tas-servizzi jew il-provvista ta’ ilma, gass, elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, jew it-tisħin distrettwali jibda matul il-perjodu ta’ reċess previst mill-Artikolu 9(2), il-kummerċjant għandu jesiġi li l-konsumatur jagħmel it-talba espressament.

9.   Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti elettroniċi u t-tqegħid ta’ ordnijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi stipulat fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2000/31/KE.

10.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali ulterjuri ta’ informazzjoni prekuntrattwali biex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 9

Dritt ta’ reċess

1.   Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-perjodu ta’ reċess imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiskadi wara 14-il jum li jiddekorru:

(a)

fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt;

(b)

fil-każ ta’ kuntratti ta’ bejgħ, mill-jum li fih il-konsumatur jew parti terza minbarra l-kunsinnatur u indikata mill-konsumatur jikseb il-pussess fiżiku tal-oġġetti jew:

(i)

fil-każ ta’ oġġetti multipli ordnati mill-konsumatur permezz ta’ ordni waħda u kkunsinnati separatament, mill-jum li fih il-konsumatur jew parti terza, differenti mill-kunsinnatur u indikata mill-konsumatur, jikseb il-pussess fiżiku tal-aħħar oġġett;

(ii)

fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġett li jikkonsisti minn lottijiet jew biċċiet multipli, mill-jum li fih il-konsumatur jew parti terza, differenti mill-kunsinnatur u indikata mill-konsumatur, jikseb il-pussess fiżiku tal-aħħar lott jew biċċa;

(iii)

fil-każ ta’ kuntratti għall-kunsinna regolari ta’ oġġett matul perjodu ta’ żmien definit, mill-jum li fih il-konsumatur jew parti terza, differenti mill-kunsinnatur u indikata mill-konsumatur, jikseb il-pussess fiżiku tal-ewwel oġġett;

(c)

fil-każ ta’ kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass u elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, għat-tisħin distrettwali jew għall-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt.

3.   L-Istati membri ma għandhomx jipprojbixxu l-partijiet kuntrattwali milli jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom matul il-perjodu ta’ reċess. Madankollu, fil-każ ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti li tipprojbixxi lill-kummerċjant milli jiġbor il-pagament mill-konsumatur matul il-perjodu speċifiku wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

Artikolu 11

Eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess

1.   Qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, il-konsumatur għandu jinforma lill-kummerċjant bid-deċiżjoni ta’ reċess mill-kuntratt. Għal dan il-għan, il-konsumatur jista':

(a)

juża formola standard ta’ reċess kif stipulata fl-Anness I(B); jew

(b)

jagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra tad-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt.

L-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu l-ebda rekwiżit formali applikabbli għall-formola standard ta’ reċess differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness I(B).

2.   Il-konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ reċess matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 9(2) u fl-Artikolu 10 jekk il-komunikazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess tintbagħat mill-konsumatur qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ reċess.

3.   Il-kummerċjant jista', flimkien mal-possibilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, jagħti lill-konsumatur l-għażla li jimla elettronikament u jressaq il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B) jew kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra fis-sit tal-kummerċjant. F'dawk il-każijiet il-kummerċjant għandu jikkomunika lill-konsumatur avviż ta’ riċeviment ta’ tali reċess fuq mezz li jservi għal żmien twil mingħajr dewmien.

4.   L-oneru tal-prova dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess skont dan l-Artikolu għandu jkun fuq il-konsumatur.

Artikolu 13

Obbligi tal-kummerċjant f'każ ta’ reċess

1.   Il-kummerċjant għandu jagħti rimbors għall-pagamenti kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inklużm jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-kunsinna mingħajr dewmien mhux dovut u f'kull każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn dak li fih ikun infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jirreċedi mill-kuntratt skont l-Artikolu 11.

Il-kummerċjant għandh jagħmel ir-rimbors imsemmi fl-ewwel subparagrafu bl-użu tal-istess mezz ta’ pagament użat mill-konsumatur għat-tranżazzjoni inizjali, sakemm ma l-konsumatur ma jkunx qabel espressament mod ieħor u fil-kundizzjoni li ma għandu jġarrab l-ebda spiża oħra bħala konsegwenza ta’ tali rimbors.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-kummerċjant ma għandux jintalab jirrimborsal-ispejjeż supplementari, jekk il-konsumatur ikun għażel espressament tip ta’ kunsinna differenti mit-tip l-anqas għali ta’ kunsinna standard offrut mill-kummerċjant.

3.   Għajr jekk il-kummerċjant ikunx offra li jiġbor il-oġġetti hu stess, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ, il-kummerċjant jista' jżomm ir-rimbors sakemm ikun irċieva l-oġġetti, jew sakemm il-konsumatur ikun ipprovda prova li bagħat il-oġġetti lura, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

Artikolu 14

Obbligi tal-konsumatur f'każ ta’ reċess

1.   Hlief jekk il-kummerċjant joffri li jiġbor l-oġġetti huwa stess, il-konsumatur għandu jibgħat lura l-oġġetti jew jagħtihom lill-kummerċjant jew lil persuna awtorizzata mill-kummerċjant biex tirċevi l-oġġetti, mingħajr dewmien mhux dovut u f'kull każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn dak li fih ikun ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt lill-kummerċjant skont l-Artikolu 11. It-terminu għandu jkun rispettat jekk il-konsumatur jibgħat l-oġġetti lura qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ 14-il jum.

Il-konsumatur għandu jġarrab biss l-ispiża diretta tar-ritorn tal-oġġetti ħlief jekk il-kummerċjant ikun qabel li jġarrabha hu jew ikun naqas milli jinforma lill-konsumatur li din l-ispiża għandu jġarrabha hu.

Fil-każ ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju li fihom il-oġġetti huma kkunsinnati d-dar tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant għandu jiġbor il-oġġetti a spejjeż tiegħu jekk il-oġġetti, minħabba n-natura tagħhom stess, ma jkunux jistgħu jiġu rritornati normalment bil-posta.

2.   Il-konsumatur għandu jkun responsabbli biss għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti li jirriżulta mill-manipulazzjoni tal-oġġetti minbarra dik meħtieġa biex tistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. Il-konsumatu ma għandux, f'kull każ, ikun responsabbli għal valur imnaqqas tal-oġġetti fejn il-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi avviż tad-dritt ta’ reċess skont il-punt (h), tal-Artikolu 6(1).

3.   Jekk konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ reċess wara li jkun għamel talba f'konformità mal-Artikolu 7(3), jew mal-Artikolu 8(8), il-konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant ammont proporzjonali għal kemm ġie fornut sal-mument li fih il-konsumatur ikun informa lill-kummerċjant bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal-kopertura totali tal-kuntratt. L-ammont proporzjonali li l-konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-prezz totali maqbul fil-kuntratt. Jekk dan il-prezz totali huwa eċċessiv, l-ammont proporzjonali għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi tal-valur tas-suq ta’ dak li ġie fornut.

4.   Il-konsumatur ma għandu jeħel l-ebda spiża għal:

(a)

twettiq ta’ servizzi, jew il-provvista ta’ ilma, gass u elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, jew it-tisħin distrettwali, mpletament jew parzjalment, matul il-perjodu ta’ reċess, meta:

(i)

il-kummerċjant naqas milli jipprovdi l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 6(1), punti (h) u (j); jew

(ii)

il-kummerċjant ma talabx espressament li l-eżekuzzjoni tibda matul il-perjodu ta’ reċess f'konformità mal-Artikolu 7(3) u mal-Artikolu 8(8); jew

(b)

il-provvista, kompetament jew parzjalment, tal-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli meta:

(i)

il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens espress tiegħu rigward il-bidu tal-eżekuzzjoni qabel it-tmiem tal-perjodu tal-14-il jum li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 9,

(ii)

il-konsumatur ma rrikonoxxiex li huwa jittlef id-dritt ta’ reċess tiegħu meta jagħti l-kunsens tiegħu; jew

(iii)

il-kummerċjant naqas milli jipprovdi l-konferma f'konformità mal-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 8(7).

5.   Ħlief kif dispost fl-Artikolu 13(2) u f'dan l-Artikolu, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess ma twassal għal ebda responsabbiltà għall-konsumatur.


whereas









keyboard_arrow_down