search


keyboard_tab Clausole e vendite online Direttiva EU 2011/0083 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/2161 2011/83 2005/29 1998/6 1993/13

2011/0083 MT cercato: 'immedjatament' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f'kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(2)

“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

(3)

“oġġetti” tfisser kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti mibjugħa permezz ta’ eżekuzzjoni jew b'mod ieħor bl-awtorità tal-liġi; jidħlu fost l-“oġġetti” koperti minn din id-Direttiva l-ilma, il-gass u l-elettriku fejn huma għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa;

(4)

“oġġett li sar skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur” tfisser kwalunkwe oġġett li ma ġiex prefabbrikat u sar fuq il-bażi ta’ għażla jew deċiżjoni individwali tal-konsumatur;

(5)

“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi;

(6)

“kuntratt ta’ servizz” tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(7)

“kuntratt mill-bogħod” tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

(8)

“kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju” tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

(a)

konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f'post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

(b)

li saret offerta għalih mill-konsumatur f'ċirkostanzi simili kif imsemmi fil-punt (a);

(c)

konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f'post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

(d)

konkluż waqt vjaġġ promozzjonali organizzat mill-kummerċjant bil-għan u bl-effett li jippromwovi u jbigħ il-oġġetti jew is-servizzi lill-konsumatur;

(9)

“post tan-negozju” tfisser:

(a)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti; jew

(b)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu;

(10)

“mezz li jservi għal żmien twil” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b'mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(11)

“kontenut diġitali” tfisser data oġġetta u fornuta f'format diġitali;

(12)

“servizz finanzjarju” tfisser kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

(13)

“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi huma offruti mill-kummerċjant lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibilità li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura trasparenti kompetittiva ta’ offerti mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ huwa obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi;

(14)

“garanzija kummerċjali” tfisser kwalunkwe impenn mill-kummerċjant jew minn produttur (il-“garanti”) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligi tal-liġi dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimbors tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti fi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu;

(15)

“kuntratt anċillari” tfisser kuntratt li bih il-konsumatur jakkwista oġġetti jew servizzi relatati ma’ kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju u fejn dawk l-oġġetti jiġu pprovduti jew is-servizzi jiġu fornuti mill-kummerċjant jew minn parti terza fuq il-bażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant.

Artikolu 5

Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju

1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b'kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b'mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:

(a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

(b)

l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu, l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u n-numru tat-telefon;

(c)

il-prezz totali tal-oġġetti jew is-servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b'mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat, kif ukoll, fejn hu applikabbli, kull imposta addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ghall-kunsinna jew għall-posta jew jew, fejn dawk l-imposti ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

(d)

fejn hu applikabbli, l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjant jimpenja ruħu li jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti servizz, u l-politika tal-kummerċjant tal-ġestjoni tal-ilmenti;

(e)

flimkien ma’ tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali, fejn applikabbli;

(f)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt fejn applikabbli, jew, jekk il-kuntratt huwa għal żmien indeterminat jew kuntratt li jiġġedded awtomatika, il-kundizzjonijiet biex ittemm il-kuntratt;

(g)

fejn hu applikabbli, il-funzjonalità, inklużi l-miżuri tekniċi applikabbli ta’ protezzjoni tal-kontenut diġitali;

(h)

fejn applikabbli, kwalunkwe interoperabbiltà rilevanti tal-kontenut diġitali bil-hardware u s-software, li jkun jaf bihom il-kummerċjant jew mistenni jkun jaf bihom raġonevolment.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass u elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, għat-tisħin distrettwali u għall-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw il-paragrafu 1 għall-kuntratti li jinvolvu tranżazzjonijiet ta’ kuljum u li huma eżegwiti immedjatament fil-mument tal-konklużjoni tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu rekwiżiti addizzjonali ta’ informazzjoni pre-kuntrattwali għal-kuntratti li japplika għalihom dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

IINFORMAZZJONI TAL-KONSUMATUR U DRITT TA' REĊESS GĦAL KUNTRATTI MILL-BOGĦOD U LIL HINN MILL-POST TAN-NEGOZJU

Artikolu 7

Rekwiżiti formali għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju

1.   Fir-rigward ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur fuq karta jew jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil. Dik l-informazzjoni għandha tkun leġġibbli u ppreżentata b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

2.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur b'kopja tal-kuntratt iffirmat jew il-konferma tal-kuntratt fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil, inkluża, jekk ikun il-każ, il-konferma tal-kunsens magħmul espressament u minn qablel u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.

3.   Fejn konsumatur irid li l-għoti tas-servizzi jew il-provvista ta’ ilma, gass, elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, jew it-tisħin distrettwali jibda matul il-perjodu ta’ reċess previst mill-Artikolu 9(2), il-kummerċjant għandu jesiġi li l-konsumatur jagħmel din it-talba espliċita fuq mezz li jservi għal żmien twil.

4.   Għall-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju li fihom il-konsumatur talab espliċitament is-servizzi tal-kummerċjant għall-iskopijiet tat-twettiq tat-tiswijiet jew manutenzjoni li għalihom il-kummerċjant u l-konsumatur jottemperaw immedjatament għall-obbbligi kuntrattwali tagħhom u l-ammont li għandu jħallas il-konsumatur ma jaqbiżx il-EUR 200:

(a)

il-kummerċjanti għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) u l-informazzjoni dwar il-prezz u l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz, flimkien ma’ stima tal-prezz totali, fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz li jservi għal żmien twil ieħor. Il-kummerċjant għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (h) u (k) tal-Artikolu 6(1), iżda jista' jagħżel li ma jipprovdihiex fuq karta jew fuq mezz li jservi għal żmien twil ieħor jekk il-konsumatur jaqbel espressament;

(b)

il-konferma tal-kuntratt prevista skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-paragrafu

5.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali ulterjuri ta’ informazzjoni prekuntrattwali biex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod

1.   Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur jew jagħmel dik l-informazzjoni disponibblif'mod adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Sakemm dik l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz li jservi għal żmien twil, hija għandha tkun leġġibbli.

2.   Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b'mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant jgħarrfu b'mod ċar u evidenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) punti (a), (e), (o) u (p), immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.

Il-kummerċjant għandu jiggarantixxi li, meta ssir l-ordni, il-konsumatur jirrikonoxxi espliċitament li l-ordni timplika l-obbligu ta’ pagament. Jekk biex issir l-ordni jfisser li tiġi azzjonata buttuna jew funzjoni simili, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandhom juru b'mod faċilment leġġibili l-kliem “ordni b'obbligu ta’ pagament” biss jew formulazzjoni korrispondenti inekwivokabbli li tindika li l-fatt li saret l-ordni jimplika obbligu li jsir pagament lill-kummerċjant. Jekk il-kummerċjant ma osservax dan is-subparagrafu, il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.

3.   Is-siti ta’ kummerċ elettroniku għandhom jindikaw b'mod ċar u leġġibbli, tal-anqas fil-bidu tal-proċess tal-ordni, jekk japplikaw restrizzjonijiet għall-kunsinna u liema mezzi ta’ pagament huma aċċettati.

4.   Jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jipprovdi, fuq dak il-mezz partikolari qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dan, tal-anqas l-informazzjoni prekuntrattwali dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, l-identità tal-kummerċjant, il-prezz totali, id-dritt ta’ reċess, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt u, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, il-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1), punti (a), (b), (e), (h) u (o). L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata mill-kummerċjant lill-konsumatur f'mod xieraq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk il-kummerċjant iċempel lill-konsumatur bil-għan li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod, huwa għandu, fil-bidu tal-konversazzjoni mal-konsumatur, jiżvela l-identità tiegħu u, jekk applikabbli, l-identità ta’ dik il-peruna li f'isimha qed jagħmel it-telefonata, kif ukoll l-iskop kummerċjali tat-telefonata.

6.   Meta kuntratt mill-bogħod jiġi konkluż bit-telefon, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kummerċjant għandu jikkonferma l-offerta lill-konsumatur, li huwa marbut biss ladarba jiffirma l-offerta jew ikun bagħat il-kunsens tiegħu bil-miktub. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li tali konfermi għandhom isiru b'mezz li jservi għal żmien twil.

7.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-konferma tal-kuntratt konkluż f'mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz. Dik il-konferma għandha tinkludi:

(a)

l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ħlief jekk il-kummerċjant diġà ta dik l-informazzjoni lill-konsumatur f'mezz li jservi fit-tul qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u

(b)

fejn applikabbli, il-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.

8.   Jekk konsumatur irid li l-għoti tas-servizzi jew il-provvista ta’ ilma, gass, elettriku, meta mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa, jew it-tisħin distrettwali jibda matul il-perjodu ta’ reċess previst mill-Artikolu 9(2), il-kummerċjant għandu jesiġi li l-konsumatur jagħmel it-talba espressament.

9.   Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti elettroniċi u t-tqegħid ta’ ordnijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi stipulat fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2000/31/KE.

10.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali ulterjuri ta’ informazzjoni prekuntrattwali biex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 18

Kunsinna

1.   Sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor dwar it-terminu tal-kunsinna, il-kummerċjant għandu jwassal il-oġġetti billi jittrasferixxi l-pussess fiżiku jew il-kontroll tal-oġġetti lill-konsumatur mingħajr dewmien żejjed wara, iżda mhux iktar tard minn 30 jum minn dak li fih ġie konkluż il-kuntratt.

2.   Meta l-kummerċjant ikun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu biex iwassal tal-beni fit-terminu miftiehem mal-konsumatur jew fit-terminu stabbilit fil-paragrafu 1, il-konsumatur għandu jitolbu jagħmel il-kunsinna f'perjodu ta’ żmien addizzjonali xieraq għaċ-ċirkostanzi. Jekk il-kummerċjat jonqos milli jwassal il-oġġetti f'dak il-perjodu ta’ żmien addizzjonali xieraq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt iġib il-kuntratt fit-tmiem.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-kuntratti ta’ bejgħ jekk il-kummerċjant irrifjuta li jwassal il-oġġetti jew fejn il-kunsinna matul il-perjodu miftiehem tal-kunsinna jkun essenzjali fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jakkumpanjaw il-konklużjoni tal-kuntratt jew jekk il-konsumatur jinforma lill-kummerċjant, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li l-kunsinna sa jew fid-data speċifikata hija essenzjali. F'tali każijiet, jekk il-kummerċjant jonqos milli jwassal il-oġġetti fil-mument miftiehem mal-konsumatur jew fl-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 1, il-konsumantur għandu jkun intitolat jittermina il-kuntratt immedjatament.

3.   Mat-terminazzjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant għandu, mingħajr dewmien żejjed, jirrimborsal-ammonti kollha mħallsa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

4.   Minbarra li jintemm il-kuntratt f' konformita' mal-paragrafu 2, il-konsumatur jista' jirrikorri għal rimedji oħra previsti mil-leġislazzjoni nazzjonali.


whereas









keyboard_arrow_down