(7) Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti.
Ma tindirizzax prattiċi kummerċjali mwettqa primarjament għal finijiet oħrajn, inkluża per eżempju l-komunikazzjoni kummerċjali mmirata lejn investituri, bħal rapporti annwali u letteratura promozzjonali ta’ korporazzjonijiet.
Ma tindirizzax rekwiżiti legali konnessi ma’ gosti u deċenza li jvarjaw ħafna bejn Stati Membri.
Prattiċi kummerċjali bħal, per eżempju, solleċitazzjoni kummerċjali fit-toroq, jistgħu ma jkunux mixtieqa fi Stati Membri għal raġunijiet kulturali.
L-Istati Membri jkunu jistgħu għalhekk ikomplu jipprojbixxu prattiċi kummerċjali fit-territorju tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja, għal raġunijiet ta’ gosti u deċenza anke meta dawn il-prattiċi ma jillimitawx il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur.
Għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha.
- = -
(14) Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti.
B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa.
Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata.
Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva.
L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri.
Mhijiex l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva li tnaqqas l-għażla tal-konsumatur billi tipprojbixxi l-promozzjoni ta’ prodotti li jixxieħbu ma’ prodotti oħra sakemm din is-similarità ma tfixkilx lill-konsumaturi dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodott u b’hekk tkun qarrieqa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi Komunitarja eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali.
B’mod partikolari din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (7).
- = -
(16) Id-dispożizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur.
Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa.
- = -