(3) Ċerti aspetti rigward il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti jenħtieġ li jiġu armonizzati, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex ikun hemm suq uniku diġitali ġenwin, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (‘SMEs’).
- = -
(12) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal oġġetti mobbli tanġibbli li jikkostitwixxu oġġetti fis-sens stabbilit f’din id-Direttiva.
Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jirregolaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal binjiet residenzjali, kif ukoll il-komponenti ewlenin li jkunu maħsuba bħala parti kbira minn tali proprjetà immobbli.
- = -
(13) Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin.
Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2019/770 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti rigward kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti.
Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/770 tapplika għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, inkluż kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, dment li l-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur tal-kontenut diġitali.
Għall-kuntrarju, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali li jirrikjedu kontenut jew servizz diġitali sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
- = -
(14) It-terminu “oġġetti” kif previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi “oġġetti b’elementi diġitali”, u għaldaqstant jirreferi wkoll għal kwalunkwe kontenut jew servizz diġitali li jkun inkorporat f’dawn l-oġġetti jew interkonness magħhom b’tali mod li n-nuqqas ta’ tali kontenut jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
Il-kontenut diġitali inkorporat f’oġġett jew interkonness miegħu jista’ jkun kwalunkwe data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, bħal sistemi operattivi, applikazzjonijiet u kwalunkwe software ieħor.
Il-kontenut diġitali jista’ jkun installat minn qabel meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ jew, f’każ li dak il-kuntratt jipprovdi dan, jista’ jiġi installat wara.
Servizzi diġitali interkonnessi ma’ oġġett jistgħu jinkludu servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, jew aċċess għaliha, bħal software bħala servizz offrut fl-ambjent tal-cloud computing, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, jew il-provvista kontinwa ta’ pjanijiet ta’ taħriġ adattati individwalment fil-każ ta’ arloġġ intelliġenti.
- = -
(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(16) B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu.
Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza.
F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
- = -
(17) Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv.
L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.
- = -
(19) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà li l-Istati Membri jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti fi żmien qasir wara l-konsenja, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu d-dritt sabiex il-konsumatur jirrifjuta oġġetti difettużi u jittratta l-kuntratt bħala rinnegat jew jitlob sostituzzjoni immedjata fi żmien qasir u speċifiku wara l-konsenja tal-oġġetti li ma jaqbiżx it-30 jum.
- = -
(22) Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll.
- = -
(23) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jintrabat li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur.
Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala bejjiegħa taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-bejgħ tal-oġġetti.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati bejjiegħa taħt din id-Direttiva.
- = -
(24) Sabiex il-ħtieġa għal ċertezza legali tiġi bbilanċjata ma’ flessibbiltà xierqa tar-regoli legali, kwalunkwe referenza f’din id-Direttiva għal dak li jista’ jkun mistenni mingħand persuna għandha tinftiehem bħala referenza għal dak li jista’ jkun mistenni raġonevolment.
L-istandard tar-raġonevolezza jenħtieġ li jiġi aċċertat b’mod oġġettiv, billi jitqiesu n-natura u l-għan tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi tal-każ u kwalunkwe użu u prattika tal-partijiet involuti.
- = -
(28) Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti.
L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra.
Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ.
In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.
- = -
(31) bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -
(33) Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(42) Għal raġunijiet ta’ koerenza mas-sistemi legali nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jipprevedu li l-bejjiegħa jkunu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu f’perjodu ta’ żmien speċifiku, possibbilment flimkien ma’ perjodu ta’ limitazzjoni, jew li r-rimedji tal-konsumatur ikunu soġġetti biss għal perjodu ta’ limitazzjoni.
Fl-ewwel każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ ma jiġix evitat bil-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur.
Filwaqt li għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-mument meta jiddekorru l-perjodi ta’ limitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li tiżgura li dawn il-perjodi ta’ limitazzjoni ma jxekklux id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw ir-rimedji tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità.
Fil-każ ta’ dan tal-aħħar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur mingħajr ma jintroduċu perjodu speċifiku li fih irid jimmanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità sabiex il-bejjiegħ jinżamm responsabbli.
Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod anki f’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li fejn japplika perjodu ta’ limitazzjoni biss, dan xorta jippermetti lill-konsumaturi jeżerċitaw ir-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu tal-anqas matul il-perjodu previst f’din id-Direttiva bħala perjodu ta’ responsabbiltà.
- = -
(43) Rigward ċerti aspetti, jista’ jiġi ġustifikat trattament differenti fir-rigward ta’ oġġetti użati.
Għalkemm perjodu ta’ responsabbiltà jew ta’ limitazzjoni ta’ sentejn jew aktar normalment jirrikonċilja l-interessi kemm tal-bejjiegħ u tal-konsumatur, dan jista’ ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ oġġetti użati.
Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-partijiet sabiex jaqblu fuq perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar għal dawn l-oġġetti.
Li din il-kwistjoni titħalla għal ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet iżżid il-libertà kuntrattwali u tiżgura li l-konsumatur għandu jiġi infurmat kemm dwar in-natura tal-oġġett bħala oġġett użat u l-perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar.
Madankollu jenħtieġ li perjodu bħal dan miftiehem kuntrattwalment ma jkunx iqsar minn sena.
- = -
(55) Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mir-riskju ta’ dewmien twil, kwalunkwe tiswija jew sostituzzjoni għandha titlesta b’suċċess fi żmien raġonevoli.
Dak li huwa meqjus bħala żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni għandu jikkorrispondi għall-iqsar żmien possibbli meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni.
Jenħtieġ li dak iż-żmien jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv billi jitqiesu n-natura u l-kumplessità tal-oġġetti, in-natura u l-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, u l-isforz meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni.
Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinterpretaw il-kunċett ta’ żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni billi jipprovdu perjodi fissi li ġeneralment jistgħu jitqiesu bħala raġonevoli għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ prodotti.
- = -
(60) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw il-konsegwenzi tat-terminazzjoni għajr dawk previsti f’din id-Direttiva, bħall-konsegwenzi għal tnaqqis fil-valur tal-oġġetti jew għall-qerda u t-telf tagħhom.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jirregolaw l-modalitajiet għar-rimborż tal-prezz lill-konsumatur, pereżempju il-modalitajiet li jikkonċernaw il-mezzi li għandhom jintużaw għal tali rimborż jew dwar spejjeż u tariffi possibbli li jistgħu jiġġarrbu bħala riżultat tar-rimborż.
Jenħtieġ li l-Istati Membri, pereżempju, ikollhom ukoll il-libertà li jipprevedu ċerti limiti ta’ żmien għar-rimborż tal-prezz jew għar-ritorn tal-oġġetti.
- = -
(61) Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għad-danni huwa element essenzjali tal-kuntratti tal-bejgħ.
Il-konsumaturi jenħtieġ, għalhekk, jkollhom id-dritt jitolbu kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ, inkluż għal dannu mġarrab bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità.
Tali kumpens jenħtieġ li jpoġġi lill-konsumatur kemm jista’ jkun fil-pożizzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha kieku l-oġġetti kienu konformi.
Billi l-eżistenza ta’ tali dritt għad-danni hija diġà żgurata fl-Istati Membri kollha, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens tal-konsumaturi għall-ħsara li tirriżulta mill-ksur ta’ dawk ir-regoli.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur li jitlob kumpens għal sitwazzjonijiet li fihom it-tiswija jew is-sostituzzjoni jkunu damu jew ikunu kkawżaw inkonvenjent sinifikanti.
- = -