search


Pratiche sleali 2005/0029 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2005/0029 MT cercato: 'ġej' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 6

L-Azzjonijiet Qarrieqa

1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

a)

l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;

b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;

ċ)

il-firxa ta’ l-impenji min-naħa tal-kummerċjant, l-għanijiet għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta’ sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott;

d)

il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

e)

il-bżonn ta’ servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija;

f)

in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew ta’ l-aġent tiegħu, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet tiegħu u d-drittijiet tiegħu fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premji li ngħata u r-rikonoxximenti mogħtija lilu;

g)

id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta’ tibdil jew rimborż taħt id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (8), u r-riskji li jista’ jiffaċċa.

2.   Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:

a)

kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur;

b)

nuqqas ta’ konformità mill-kummerċjant ma’ l-impenji kontenuti f’dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta li fuqhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn:

i)

l-impenn mhux wieħed li jaspira iżda huwa sod u li jista’ jiġi verifikat,

u

ii)

il-kummerċjant jindika fi prattika kummerċjali li huwa marbut mill-kodiċi.

Artikolu 7

L-Ommissjonijiet Qarrieqa

1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;

b)

l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

ċ)

il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

d)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;

e)

għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.

Sezzjoni 2

Prattiċi kummerċjali aggressivi

Artikolu 9

L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa

Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

a)

iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tagħha;

b)

l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

ċ)

l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

d)

kwalunkwe ostakli mhux kontrattwali, onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-tħassir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;

e)

kwalunkwe theddida li tiġi meħuda, kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.

KAPITOLU 3

KODIĊIJIET TA’ KONDOTTA

Artikolu 14

Emendi lid-Direttiva 84/450/KEE

Id-Direttiva 84/450/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.”

2)

L-Artikolu 2

Il-punt 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.

‘kummerċjant’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.”

Il-punt li ġej għandu jiżdied:

“4.

‘sid ta’ kodiċi’: tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh.”

.

3)

L-Artikolu 3a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

1.

Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma jqarraqx fit-tifsira ta’ l-Artikoli 2(2), 3 u 7(1) ta’ din id-Direttiva jew l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (*);

b)

jagħmel paragun bejn merkanziji jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

ċ)

jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkaniziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

d)

la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew il-marki oħra distintivi, il-merkanziji, is-servizzi, l-attivitajiet, jew iċ-ċirkostanzi ta’ xi kompetitur;

e)

jirriferixxi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu;

f)

ma jiħux vantaġġ inġustament mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ xi kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

g)

ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

h)

ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.

(*)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

4)

L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi sabiex jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri. Tali mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu:

a)

jistitwixxu azzjoni legali kontra tali reklamar;

jew

b)

iġibu każijiet ta’ tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk msemmija fl-Artikolu 5.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:

a)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku;

u

b)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.”

5)

L-Artikolu 7(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri.”

Artikolu 15

Emendi lid-Direttivi 97/7/KE u 2002/65/KE

1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Bejgħ mhux mitlub

Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (**), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu ta’ kwalunkwe ħlas f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.

(**)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

2)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/65/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub kif stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (***), u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tiġdid taċitu ta’ kuntratti b’distanza, meta tali regoli jippermettu tiġdid taċitu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.

(***)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

Artikolu 16

Emendi lid-Direttiva 98/27/KE u lir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

1)

Fl-Anness tad-Direttiva 98/27/KE, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22).”

2)

Fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (“ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur”) (9) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“16.

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22).”


whereas









keyboard_arrow_down