(15) Fejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja.
Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tagħha..
Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva.
B’kuntrast, l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi.
- = -
(18) Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja madankollu sabet li wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE, meta tiddeċiedi każijiet dwar reklamar, ikun meħtieġ li teżamina l-effett fuq konsumatur ipotetiku tipiku.
Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali.
Fejn prattika kummerċjali hija mmirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, huwa mixtieq li l-impatt tal-prattika kummerċjali ikun eżaminat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp.
Huwa għaldaqstant xieraq li tiġi inkluża, fil-lista ta’ prattiċi li huma żleali fiċ-ċirkostanzi kollha, dispożizzjoni li, mingħajr ma timponi projbizzjoni assoluta fuq ir-reklamar dirett lejn it-tfal, jipproteġihom minn tħeġġiġ dirett sabiex jixtru.
L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku.
Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat.
- = -