search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'tal-korp' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index tal-korp:


whereas tal-korp:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 409

 

Artikolu 17

Bord superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina.

Il-korpi superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji nominati rispettivi tagħhom.

3.   Ir-rwol tal-korp superviżorju għandu jkun dan li ġej:

(a)

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina biex jiżgura, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi informat li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3 u soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fih, il-kompiti tal-korp superviżorju, għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

li jikkoopera ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdi assistenza lil dawk il-korpi f’konformità mal-Artikolu 18;

(b)

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u 21(1);

(c)

li jinforma lill-korpi superviżorji oħra u lill-pubbliku dwar ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(d)

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f)

li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, dwar ir-riżultati tal-awditi ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, meta jkun jidher li jkun hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

(g)

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dan l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h)

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju;

(i)

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjani ta’ terminazzjoni f’każijiet fejn il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 24(2);

(j)

li jesiġi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li korp superviżorju jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja skont il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet prinċipali tas-sena kalendarja preċedenti tiegħu flimkien ma’ sommarju tan-notifiki ta’ ksur irċevuti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 19(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 6 disponibbli għall-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 18

Assistenza reċiproka

1.   Il-korpi superviżorji għandhom jikkooperaw, bil-għan li jiskambjaw prassi tajba.

Korp superviżorju għandu, fuq ir-riċeviment ta’ talba ġustifikata minn korp superviżorju ieħor, jipprovdi lil dak il-korp assistenza sabiex l-attivitajiet tal-korpi superviżorji jkunu jistgħu jitwettqu b’mod konsistenti. L-assistenza reċiproka tista’ tkopri, b’mod partikolari, talbiet għal informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu spezzjonijiet relatati mar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21.

2.   Korp superviżorju li jirċievi talba għal assistenza jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

il-korp superviżorju ma jkunx kompetenti biex jipprovdi l-assistenza mitluba;

(b)

l-assistenza mitluba ma tkunx proporzjonata mal-attivitajiet superviżorji tal-korp superviżorju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 17;

(c)

l-għoti tal-assistenza mitluba ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn adatt, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi superviżorji rispettivi tagħhom biex iwettqu investigazzjonijiet konġunti li fihom ikun involut persunal minn korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra. L-arranġamenti u l-proċeduri għal tali azzjonijiet konġunti għandhom jiġu maqbula u stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiġu awditjati, bi spejjeż għalihom tal-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għan tal-awditjar għandu jkun sabiex jiġi kkonfermat li fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ data personali, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bir-riżultati tal-awditi tiegħu.

3.   Fejn il-korp superviżorju jesiġi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat biex jirrimedja nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament u fejn dak il-fornitur ma jaġixxix kif adatt, u fejn applikabbli f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, il-korp superviżorju, filwaqt li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-grad, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jista’ jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1). Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz konċernat.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi numri ta’ referenza tal-istandards li ġejjin:

(a)

akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

regoli tal-awditjar li skonthom il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ser iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 30

Ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi

1.   Il-konformità ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mar-rekwiżiti mniżżla fl-Anness II għandha tkun ċertifikata minn korpi pubbliċi jew privati adatti magħżula mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà mwettaq f’konformità ma’ wieħed mill-istandards għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni inklużi fil-lista stabbilita skont it-tieni subparagrafu, jew

(b)-

proċess ieħor li mhuwiex il-proċess imsemmi fil-punt (a), dment li dan juża livelli komparabbli ta’ sigurtà u dment li l-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1 jinnotifika lill-Kummissjoni b’dak il-proċess. Dak il-proċess jista’ jintuża biss fin-nuqqas ta’ standards imsemmija fil-punt (a) jew meta jkun qed isir il-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà msemmi fil-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti mill-korpi magħżula msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.


whereas









keyboard_arrow_down