search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'r-riżultat' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index r-riżultat:


whereas r-riżultat:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 501

 

Artikolu 12

Kooperazzjoni u interoperabbiltà

1.   L-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 9(1) għandhom ikunu interoperabbli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit qafas ta’ interoperabbiltà.

3.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikollu l-għan li jkun teknoloġikament newtrali u ma jiddiskriminax bejn kwalunkwe soluzzjoni teknika nazzjonali speċifika għall-identifikazzjoni elettronika fi Stat Membru;

(b)

isegwi standards Ewropej u internazzjonali, fejn possibbli;

(c)

jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ privatezza fid-disinn; u

(d)

jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

4.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jikkonsisti minn:

(a)

referenza għal rekwiżiti tekniċi minimi marbuta mal-livelli ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-livelli ta’ assigurazzjoni nazzjonali ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati fil-livell ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(c)

referenza għar-rekwiżiti tekniċi minimi għall-interoperabbiltà;

(d)

referenza għal sett minimu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna li tirrappreżenta b’mod uniku persuna fiżika jew legali, li hija disponibbli minn skemi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

regoli ta’ proċedura;

(f)

arranġamenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; u

(g)

standards tas-sigurtà operazzjonali komuni.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont l-Artikolu 9(1) u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri biħsiebhom jinnotifikaw; u

(b)

is-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika.

6.   Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun magħmula minn:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward skemi ta’ identifikazzjoni elettronika u, b’mod partikolari rekwiżiti tekniċi marbuta mal-interoperabbiltà u l-livelli ta’ assigurazzjoni;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward ħidma b’livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8;

(c)

reviżjoni bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt dan ir-Regolament; u

(d)

eżami tal-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika.

7.   Sat-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 5 u 6 bil-ħsieb li trawwem livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għall-grad ta’ riskju.

8.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, għall-fini li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-qafas ta’ interoperabbiltà kif stipulat fil-paragrafu 4.

9.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

KAPITOLU III

SERVIZZI FIDUĊJARJI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 17

Bord superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina.

Il-korpi superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji nominati rispettivi tagħhom.

3.   Ir-rwol tal-korp superviżorju għandu jkun dan li ġej:

(a)

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina biex jiżgura, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi informat li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3 u soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fih, il-kompiti tal-korp superviżorju, għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

li jikkoopera ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdi assistenza lil dawk il-korpi f’konformità mal-Artikolu 18;

(b)

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u 21(1);

(c)

li jinforma lill-korpi superviżorji oħra u lill-pubbliku dwar ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(d)

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f)

li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, dwar ir-riżultati tal-awditi ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, meta jkun jidher li jkun hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

(g)

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dan l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h)

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju;

(i)

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjani ta’ terminazzjoni f’każijiet fejn il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 24(2);

(j)

li jesiġi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li korp superviżorju jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja skont il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet prinċipali tas-sena kalendarja preċedenti tiegħu flimkien ma’ sommarju tan-notifiki ta’ ksur irċevuti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 19(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 6 disponibbli għall-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiġu awditjati, bi spejjeż għalihom tal-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għan tal-awditjar għandu jkun sabiex jiġi kkonfermat li fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ data personali, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bir-riżultati tal-awditi tiegħu.

3.   Fejn il-korp superviżorju jesiġi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat biex jirrimedja nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament u fejn dak il-fornitur ma jaġixxix kif adatt, u fejn applikabbli f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, il-korp superviżorju, filwaqt li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-grad, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jista’ jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1). Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz konċernat.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi numri ta’ referenza tal-istandards li ġejjin:

(a)

akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

regoli tal-awditjar li skonthom il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ser iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 32

Rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi kwalifikati

1.   Il-proċess għall-validazzjoni ta’ firma elettronika kwalifikata għandu jikkonferma l-validità ta’ firma elettronika kwalifikata dment li:

(a)

iċ-ċertifikat, li jappoġġa l-firma kien, fil-mument tal-firma ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika li jikkonforma mal-Anness I;

(b)

iċ-ċertifikat kwalifikat inħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u kien validu fil-mument tal-firma;

(c)

id-data ta’ validazzjoni tal-firma tikkorrispondi għad-data pprovduta lill-parti dipendenti;

(d)

is-sett uniku ta’ data li jirrappreżenta l-firmatarju fiċ-ċertifikat tingħata b’mod korrett lill-parti dipendenti;

(e)

l-użu ta’ kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b’mod ċar lill-parti dipendenti jekk psewdonimu kien intuża fil-mument tal-firma;

(f)

il-firma elettronika nħolqot minn apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati;

(g)

l-integrità tad-data ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(h)

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 kienu ġew sodisfatti fil-mument tal-firma;

2.   Is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika kwalifikata għandha tipprovdi lill-parti dipendenti r-riżultat korrett tal-proċess ta’ validazzjoni u għandha tippermetti lill-parti dipendenti li tiskopri kwalunkwe kwistjoni rilevanti għas-sigurtà.

3.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi kwalifikati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 33

Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.   Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati jista’ jingħata biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li:

(a)

jipprovdi validazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(1), u

(b)

jippermetti li l-partijiet dipendenti jirċievu r-riżultat tal-proċess ta’ validazzjoni b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, effiċjenti u li jkun fih il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizz ta’ validazzjoni kwalifikat.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għas-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat kif imsemmi fil-paragrafu 1. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta s-servizz ta’ validazzjoni għall-firma elettronika kwalifikata jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).


whereas









keyboard_arrow_down