search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'partijiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index partijiet:


whereas partijiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 629

 

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv jew persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(2)

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni ta’ servizzi online;

(3)

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li permezz tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(4)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li skontha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni jew persuni ġuridiċi, jew persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni ġuridiċi;

(5)

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika; jew tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;

(6)

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika jew servizz fiduċjarju;

(7)

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat bid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni magħmula minn awtorità jew diversi tali awtoritajiet jew korp jew diversi tali korpi, jew entità privata mogħtija mandat minn tal-inqas waħda minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi jew l-assoċjazzjonijiet biex tipprovdi servizzi pubbliċi meta taġixxi skont tali mandat;

(8)

‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ tfisser korp iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(9)

‘firmatarju’ tfisser persuna fiżika li toħloq firma elettronika;

(10)

‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

(11)

‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżitistabbiliti fl-Artikolu 26;

(12)

‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

(13)

‘data għall-ħolqien ta’ firma elettronika’ tfisser data unika li tintuża mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

(14)

‘ċertifikat għall-firma elettronika’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika ma’ persuna fiżika u tikkonferma mill-inqas l-isem jew il-psewdonimu ta’ dik il-persuna;

(15)

‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

(16)

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment fornut għal remunerazzjoni li jikkonsisti minn:

(a)

il-ħolqien, il-verifika, u l-validazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, servizzi elettroniċi ta’ konsenja li huma reġistrati u ċertifikati marbuta ma’ dawk is-servizzi, jew

(b)

il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta’ ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, jew

(c)

il-preservazzjoni ta’ firem, siġilli jew ċertifikati elettroniċi marbuta ma’ dawn is-servizzi;

(17)

‘servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser servizz fiduċjarju li jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati f’dan ir-Regolament;

(18)

‘korp tal-valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi;

(19)

‘fornitur ta’ servizzi fiduċjarji’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fiduċjarju wieħed jew aktar, jew bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew mhux kwalifikati;

(20)

‘fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser fornitur ta’ servizz fiduċjarj li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat wieħed jew aktar u li jingħata lilu l-istatus kwalifikat mill-korp superviżorju;

(21)

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li jkunu maħsuba biex jintużaw għal forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(22)

‘apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ firma elettronika;

(23)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(24)

‘kreatur ta’ siġill’ tfisser persuna ġuridika li toħloq siġill elettroniku;

(25)

‘siġill elettroniku’ tfisser id-data fil-forma elettronika li tiġi mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data oħra f’forma elettronika biex jiġu żgurati l-oriġini u l-integrità ta’ din tal-aħħar;

(26)

‘siġill elettroniku avvanzat’ tfisser siġill elettroniku, li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36;

(27)

‘siġill elettroniku kwalifikat’ tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikat, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat ta’ siġill elettroniku;

(28)

‘data għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser data unika, li tintuża mill-kreatur tas-siġill elettroniku biex joħloq siġill elettroniku;

(29)

‘ċertifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni ta’ siġill elettroniku ma’ persuna fiżika u tikkonferma l-isem ta’ dik il-persuna;

(30)

‘ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser ċertifikat għal siġill elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III;

(31)

‘apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(32)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku li jissodisfa mutatis mutandis ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(33)

‘timbru tal-ħin elettroniku’ tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin;

(34)

‘timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat’ tfisser timbru tal-ħin elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42;

(35)

‘dokument elettroniku’ tfisser kwalunkwe kontenut maħżun f’forma elettronika, b’mod partikolari bħala test jew reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(36)

‘servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trasmissjoni ta’ data bejn partijiet terzi b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trasmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trasmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, ħsara jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(37)

‘servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz elettroniku ta’ konsenja elettronika rreġistrat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44;

(38)

’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi’ tfisser attestazzjoni li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u jorbot is-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(39)

‘ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulat fl-Anness IV;

(40)

‘data ta’ validazzjoni’ tfisser data li tintuża għall-validazzjoni ta’ firma elettronika jew ta’ siġill elettroniku;

(41)

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess ta’ verifika u konferma li firma elettronika jew siġill huwa validu.

Artikolu 7

Eliġibbilità għan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

Skema ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun eliġibbli għal notifika skont l-Artikolu 9(1) dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jinħarġu:

(i)

mill-Istat Membru li jinnotifika;

(ii)

skont mandat mill-Istat Membru li jinnotifika; jew

(iii)

b’mod indipendenti mill-Istat Membru li jinnotifika u jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru;

(b)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jintużaw biex għall-inqas jinkiseb aċċess għal servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku u li jkun jeħtieġ identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jinnotifika;

(c)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika u l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skontha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mill-inqas wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(d)

‘l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tirrappreżenta b’mod esklussiv il-persuna inkwistjoni tkun attribwita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 fil-ħin tal-ħruġ tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema;

(e)

il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika skont dik l-iskema tiżgura li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jiġi attribwit lill-persuna msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(f)

l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura d-disponibbiltà ta’ awtentikazzjoni online, sabiex kwalunkwe parti dipendenti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonferma d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li kienet riċevuta f’forma elettronika.

Għal partijiet dipendenti li mhumiex korpi tas-settur pubbliku l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għal dik l-awtentikazzjoni. L-awtentikazzjonijiet transkonfinali għandhom jingħataw mingħajr ħlas meta jitwettqu fir-rigward ta’ servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu ebda rekwiżit tekniku speċifiku sproporzjonat fuq partijiet dipendenti li bi ħsiebhom iwettqu tali awtentikazzjoni, fejn tali rekwiżiti jipprevjenu jew jimpedixxu b’mod sinifikanti l-interoperabilità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi nnotifikati;

(g)

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-obbligu skont l-Artikolu 12(5), deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(h)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tissodisfa r-rekwiżiti tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(8).

Artikolu 9

Notifika

1.   L-Istati Membri notifikanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja u mingħajr dewmien bla bżonn, kwalunkwe bidla sussegwenti li ssirilha:

(a)

deskrizzjoni tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika, inklużi l-livelli ta’ assigurazzjoni tagħha u l-emittent jew emittenti tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-iskema;

(b)

ir-reġim superviżorju applikabbli u l-informazzjoni dwar ir-reġim ta’ responsabbiltà fir-rigward ta’ dan li ġej:

(i)

il-parti li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, u

(ii)

il-parti li topera l-proċedura ta’ awtentikazzjoni.

(c)

l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika;

(d)

informazzjoni dwar l-entità jew l-entitajiet li jamministraw ir-reġistrazzjoni tad-data unika ta’ identifikazzjoni ta’ persuna;

(e)

deskrizzjoni dwar kif ir-rekwiżiti stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(8) jiġu sodisfatti;

(f)

deskrizzjoni tal-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7;

(g)

l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata jew tal-awtentikazzjoni jew tal-partijiet kompromessi kkonċernati.

2.   Sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8), il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li ġew notifikati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni bażika dwarhom.

3.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi notifika wara li jkun skada l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2, hija għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi għal-lista msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahrejn mid-data ta’riċeviment ta’ dik in-notifika.

4.   Stat Membru jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni talba li titneħħa l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata minn dak l-Istat Membru mil-lista msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti fil-lista fi żmien xahar mid-data tar-riċeviment tat-talba tal-Istat Membru.

5.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifiki taħt il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 10

Ksur tas-sigurtà

1.   Fejn ikun hemm ksur jew tiġi kompromessa parzjalment l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) jew l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tal-awtentikazzjoni transkonfinali ta’ dik l-iskema, l-Istat Membru li jinnotifika għandu mingħajr dewmien, jissospendi jew jirrevoka dik l-awtentikazzjoni transkonfinali jew il-partijiet kompromessi konċernati, u għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Meta jinstab rimedju għall-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jerġa’ jistabbilixxi l-awtentikazzjoni transkonfinali u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Jekk il-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni jew mir-revoka, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista msemmija fl-Artikolu 9(2) mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 11

Responsabbiltà

1.   L-Istat Membru notifikanti għandu jkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tiegħu li jikkonformi mal-obbligi tiegħu skont il-punti (d) u (f) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.

2.   Il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligu msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.

3.   Il-parti li tħaddem il-proċedura ta’ awtentikazzjoni għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tħaddem tajjeb l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7, fi transazzjoni transkonfinali.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu applikati f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

5.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà, skont il-liġi nazzjonali, ta’ partijiet fi transazzjoni li fiha jintużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1).

Artikolu 13

Responsabbiltà u oneru tal-provi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal ħsara kkawżata intenzjonalment jew b’negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament.

L-oneru tal-provi ta’ intenzjoni jew negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikat għandu jkun fir-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara l-ħsara msemmija fl-ewwel subaragrafu.

L-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandha tkun preżunta għajr jekk dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat jagħti prova li l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu saret mingħajr l-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat.

2.   Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jinformaw kif dovut lill-klijenti tagħhom minn qabel dwar il-limitazzjonijiet tal-użu tas-servizzi li huma jipprovdu u fejn dawk il-limitazzjonijiet ikunu rikonoxxibbli għall-partijiet terzi, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi li jaqbżu l-limitazzjonijiet indikati.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

Artikolu 33

Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.   Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati jista’ jingħata biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li:

(a)

jipprovdi validazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(1), u

(b)

jippermetti li l-partijiet dipendenti jirċievu r-riżultat tal-proċess ta’ validazzjoni b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, effiċjenti u li jkun fih il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizz ta’ validazzjoni kwalifikat.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għas-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat kif imsemmi fil-paragrafu 1. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta s-servizz ta’ validazzjoni għall-firma elettronika kwalifikata jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).


whereas









keyboard_arrow_down