search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'maħruġ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index maħruġ:


whereas maħruġ:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 657

 

Artikolu 6

Rikonoxximent reċiproku

1.   Meta tinħtieġ identifikazzjoni elettronika bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew permezz tal-prassi amministrattiva nazzjonali għall-aċċess għal servizz ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku online fi Stat Membru, il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor għandu jiġi rikonoxxut fl-ewwel Stat Membru għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għal dak is-servizz online dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jinħareġ taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika li hija inkluża fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9;

(b)

il-livell ta’ assigurazzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni daqs jew ogħla mil-livell ta’ assigurazzjoni mitlub mill-korp tas-settur pubbliku rilevanti għall-aċċess għal dak is-servizz online fl-ewwel Stat Membru, dment li l-livell ta’ assigurazzjoni ta’ dak il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali jew għoli;

(c)

il-korp rilevanti tas-settur pubbliku juża livell sostanzjali jew għoli ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal dak is-servizz online.

Tali rikonoxximent għandu jseħħ mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li l-Kummissjoni tippubblika l-lista msemmija fil-punt (a) tal-ewwel s-subparagrafu.

2.   Il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li jinħareġ skont skema ta’ identifikazzjoni elettronika inkluż fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 u li jikkorrispondi għal-livell ta’ assigurazzjoni baxx jista’ jiġi rikonoxxut mill-korpi tas-settur pubbliku għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għas-servizz pprovdut online minn dawk il-korpi.

Artikolu 7

Eliġibbilità għan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

Skema ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun eliġibbli għal notifika skont l-Artikolu 9(1) dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jinħarġu:

(i)

mill-Istat Membru li jinnotifika;

(ii)

skont mandat mill-Istat Membru li jinnotifika; jew

(iii)

b’mod indipendenti mill-Istat Membru li jinnotifika u jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru;

(b)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jintużaw biex għall-inqas jinkiseb aċċess għal servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku u li jkun jeħtieġ identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jinnotifika;

(c)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika u l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skontha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mill-inqas wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(d)

‘l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tirrappreżenta b’mod esklussiv il-persuna inkwistjoni tkun attribwita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 fil-ħin tal-ħruġ tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema;

(e)

il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika skont dik l-iskema tiżgura li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jiġi attribwit lill-persuna msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(f)

l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura d-disponibbiltà ta’ awtentikazzjoni online, sabiex kwalunkwe parti dipendenti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonferma d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li kienet riċevuta f’forma elettronika.

Għal partijiet dipendenti li mhumiex korpi tas-settur pubbliku l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għal dik l-awtentikazzjoni. L-awtentikazzjonijiet transkonfinali għandhom jingħataw mingħajr ħlas meta jitwettqu fir-rigward ta’ servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu ebda rekwiżit tekniku speċifiku sproporzjonat fuq partijiet dipendenti li bi ħsiebhom iwettqu tali awtentikazzjoni, fejn tali rekwiżiti jipprevjenu jew jimpedixxu b’mod sinifikanti l-interoperabilità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi nnotifikati;

(g)

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-obbligu skont l-Artikolu 12(5), deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(h)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tissodisfa r-rekwiżiti tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(8).

Artikolu 8

Livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

1.   Skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) għandha tispeċifika l-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u/jew għoli għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skont dik l-iskema.

2.   Il-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli għandhom jissodisfaw rispettivament il-kriterji li ġejjin:

(a)

livell ta’ assigurazzjoni baxx għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad limitat ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(b)

livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad sostanzjali ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(c)

livell ta’ assigurazzjoni għoli għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad ogħla ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika b’livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali, u li huwa kkaratterizzat b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom hu li jipprevjenu l-użu ħażin jew tibdil fl-identità.

3.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards internazzjonali rilevanti, u soġġett għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi minimi, standards u proċeduri li, b’referenza għalihom, il-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli huma speċifikati għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għall-finijiet tal-paragrafu 1.

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi minimi, l-istandards u l-proċeduri għandhom jiġu stipulati b’referenza għall-affidabbiltà u l-kwalità tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-proċedura biex tiġi ppruvata u verifikata l-identità ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għall-ħruġ ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(b)

il-proċedura għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika rikjesti;

(c)

il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni, li permezz tiegħu l-persuna fiżika jew ġuridika tuża l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika biex tikkonferma l-identità tagħha lil parti dipendenti.

(d)

l-entità li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

kwalunkwe korp ieħor involut fl-applikazzjoni għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika; u

(f)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tas-sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 21

introduzzjoni ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat

1.   Fejn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, mingħajr status kwalifikat, ikun biħsiebhom jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati, huma għandhom jippreżentaw lill-korp superviżorju notifika dwar l-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Il-korp superviżorju għandu jivverifika jekk il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, u b’mod partikolari mar-rekwiżiti għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.

Jekk il-korp superviżorju jikkonkludi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-korp superviżorju għandu jagħti status kwalifikat lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perijodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jistgħu jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati wara li l-istatus kwalifikat ikun ġie indikat fil-listi msemmija fl-Artikolu 22(1).

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għall-fini tal-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat għal servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandu jivverifika, b’mezzi adatti u f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-identità u, jekk applikabbli, kwalunkwe karatteristika speċifika tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi vverifikata mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat direttament jew billi jafda f’parti terza f’konformità mal-liġi nazzjonali:

(a)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, jew

(b)

mill-bogħod, bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi, li għalihom qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat kwalifikat, tkun ġiet żgurata l-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livelli ta’ assigurazzjoni ‘sostanzjali’ jew ‘għolja’, jew

(c)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a) jew (b), jew

(d)

bl-użu ta’ metodi oħra ta’ identifikazzjoni rikonoxxuti fil-livell nazzjonali li jipprovdu assigurazzjoni ekwivalenti f’termini ta’ affidabbiltà għal preżenza fiżika. L-assigurazzjoni ekwivalenti għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Fornitur ta’ servizzi fiduċjarju kwalifikat li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu:

(a)

jinforma lill-korp superviżorju bi kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu u intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;

(b)

jimpjega persunal u, jekk applikabbli, subkuntratturi li jkollhom il-kompetenza esperta, l-affidabbiltà, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa u li jkunu rċevew taħriġ adatt rigward ir-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ data personali u għandu japplika proċeduri amministrattivi u ta’ ġestjoni, li jikkorrispondu ma’ standards Ewropej jew internazzjonali;

(c)

fir-rigward tar-riskju ta’ responsabbiltà għal ħsara f’konformità mal-Artikolu 13, iżomm riżorsi finanzjarji suffiċjenti u/jew jikseb assigurazzjoni adatta fuq ir-responsabbiltà, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar u komprensiv, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kondizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluża kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e)

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom;

(f)

juża sistemi affidabbli biex jaħżen d-data mogħtija lilu, f’forma verifikabbli sabiex:

(i)

din tkun disponibbli pubblikament għal irkupru biss fejn ikun inkiseb il-kunsens tal-persuna li dik id-data tkun relatata magħha,

(ii)

il-persuni awtorizzati biss ikunu jistgħu jdaħħlu entrati u bidliet fid-data maħżuna,

(iii)

id-data tkun tista’ tiġi vverifikata għall-awtentiċità;

(g)

jieħu miżuri adatti kontra l-falsifikazzjoni u s-serq ta’ data;

(h)

iżomm reġistru u jżomm aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adatt, inkluż wara li l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat ikunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Reġistrazzjoni bħal din tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i)

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet ivverifikati mill-korp superviżorju skont il-punt (i) tal-Artikolu 17(4);

(j)

jiżguraw ipproċessar legali ta’ data personali f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE;

(k)

fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati, jistabbilixxu u jżommu aġġornata bażi ta’ data taċ-ċertifikati.

3.   Jekk fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati jiddeċiedi li jirrevoka ċertifikat, huwa għandu jirreġistra tali revoka fil-bażi ta’ data taċ-ċertifikati tiegħu u jippubblikaw l-istatus ta’ revoka taċ-ċertifikat mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tat-talba. Ir-revoka għandha ssir effettiva immedjatament mal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Fir-rigward tal-paragrafu 3, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti dipendenti informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli tal-anqas fuq bażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u wara l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, mingħajr ħlas u effiċjenti.

5.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal sistemi u prodotti affidabbli, li jikkonformaw mar-rekwiżiti skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu meta sistemi u prodotti affidabbli jkunu jissodisfaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 4

Firem elettroniċi

Artikolu 25

Effetti legali ta’ firem elettroniċi

1.   Firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali u ammissibbilità bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-firem elettroniċi kwalifikati.

2.   Firma elettronika kwalifikata għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti għal firma bil-miktub.

3.   Firma elettronika kwalifikata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandha tiġi rikonoxxuta bħala firma elettronika kwalifikata fl-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 35

Effetti legali ta’ siġilli elettroniċi

1.   Siġill elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti għas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

2.   Siġill elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal- integrità tad-data u l-korrettezza tal-oriġini ta’ dik id-data li magħha huwa marbut is-siġill elettroniku kwalifikat.

3.   Siġill elettroniku kwalifikat abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala siġill elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 41

Effett legali tat-timbri tal-ħin elettroniċi

1.   Timbru tal-ħin elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

2.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-eżattezza tad-data u l-ħin li jindika u l-integrità tad-data li magħha huma marbuta d-data u l-ħin

3.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 51

Miżuri transitorji

1.   Apparat sigur għall-ħolqien ta’ firem li l-konformità tiegħu tkun ġiet determinata f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/93/KE għandu jitqies bħala apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi skont dan ir-Regolament.

2.   Ċertifikati kwalifikati maħruġa lil persuni fiżiċi skont id-Direttiva 1999/93/KE għandhom jitqiesu bħala ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sakemm jiskadu.

3.   Fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikati kwalifikati skont id-Direttiva 1999/93/KE għandu jippreżenta rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2017. Sal-preżentazzjoni ta’ tali rapport dwar il- valutazzjoni tal-konformità u t-tlestija tal-valutazzjoni tiegħu mill-korp superviżorju, dak il-fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni għandu jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat skont dan ir-Regolament.

4.   Jekk fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikati kwalifikati skont id-Direttiva 1999/93/KE ma jippreżentax rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, dak il-fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni ma għandux jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat skont dan ir-Regolament mit-2 ta’ Lulju 2017.


whereas









keyboard_arrow_down