(9) F’ħafna każijiet, iċ-ċittadini ma jistgħux jużaw l-identifikazzjoni elettronika tagħhom biex jawtentikaw lilhom infushom fi Stat Membru ieħor minħabba li l-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika f’pajjiżhom mhumiex rikonoxxut fi Stati Membri oħra.
Dak l-ostaklu elettroniku jeskludi l-fornituri tas-servizzi milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern.
Mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika rikonoxxuti reċiprokament ser jiffaċilitaw il-forniment transkonfinali ta’ diversi servizzi fis-suq intern u jippermettu li n-negozji joperaw fuq bażi transkonfinali mingħajr ma jiffaċċjaw ħafna ostakoli fl-interazzjonijiet ma’ awtoritajiet pubbliċi.
- = -
(13) L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jużaw jew li jintroduċu mezzi għall-finijiet ta’ identifikazzjoni elettronika, għall-aċċess għas-servizzi online.
Dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu wkoll jekk jinvolvux lis-settur privat fil-forniment ta’ dawk il-mezzi.
L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jinnotifikaw l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika tagħhom lill-Kummissjoni.
L-għażla li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika użati fil-livell nazzjonali kollha jew xi wħud minnhom jew inkella ebda waħda minnhom biex jagħtu aċċess tal-anqas għal servizzi pubbliċi online jew għal servizzi speċifiċi hija f’idejn l-Istati Membri.
- = -
(21) Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll qafas legali ġenerali għall-użu ta’ servizzi fiduċjarji.
Madankollu, ma għandux joħloq obbligu ġenerali li jintużaw jew li jiġi installat punt ta’ aċċess għas-servizzi fiduċjarji eżistenti kollha.
B’mod partikolari, dan ma għandux ikopri l-forniment ta’ servizzi li jintuża esklużivament f’sistemi magħluqa bejn grupp definit ta’ parteċipanti, b’ebda effett fuq partijiet terzi.
Pereżempju, is-sistemi stabbiliti f’negozji jew f’amministrazzjonijiet pubbliċi għall-ġestjoni tal-proċeduri interni li jużaw is-servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Is-servizzi fiduċjarji provduti lill-pubbliku li jkollhom effetti fuq partijiet terzi biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament.
Dan ir-Regolament lanqas ma għandu jkopri aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali oħra fejn ikun hemm rekwiżiti rigward il-forma stipulata mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.
Barra minn dan, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti tal-formoli nazzjonali li jappartjenu għar-reġistri pubbliċi, b’mod partikolari r-reġistri kummerċjali u tal-artijiet.
- = -
(29) F’konformità mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (8), b’mod partikolari l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni, persuni b’diżabbiltajiet għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi fiduċjarji u l-prodotti ta’ utenti finali użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi fuq bażi ugwali ma’ konsumaturi oħra.
Għalhekk, fejn ikun fattibbli, is-servizzi fiduċjarji provduti u l-prodotti ta’ utenti finali użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltajiet.
Il-valutazzjoni ta’ fattibbiltà għandha tinkludi, fost l-oħrajn, konsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi.
- = -
(50) Minħabba li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri bħalissa jużaw formati differenti ta’ firem elettroniċi avvanzati biex jiffirmaw id-dokumenti tagħhom b’mod elettroniku, jinħtieġ li jiġi żgurat li mill-anqas għadd ta’ formati ta’ firem elettroniċi avvanzati jkunu jistgħu jiġu appoġġati teknikament mill-Istati Membri meta dawn jirċievu dokumenti ffirmati elettronikament.
Bl-istess mod, meta l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jużaw siġilli elettroniċi avvanzati, ikun meħtieġ li jiġi żgurat li dawn tal-anqas ikunu jappoġġaw għadd ta’ formati ta’ siġilli elettroniċi avvanzati.
- = -
(52) Il-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod, fejn l-ambjent ta’ ħolqien ta’ firem elettroniċi huwa ġestit minn fornitur ta’ servizz fiduċjarju f’isem il-firmatarju, hu mistenni li jiżdied fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi multipli tiegħu.
Madankollu, sabiex jiġi żgurat li dawn il-firem elettroniċi jirċievu l-istess rikonoxximent legali bħall-firem elettroniċi maħluqin f’ambjent ġestit kompletament-mill-utenti, il-fornitur ta’ servizz ta’ firem elettroniċi mill-bogħod għandhom japplikaw proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ sigurtà amministrattiva speċifiċi u jużaw sistemi u prodotti affidabbli, inklużi mezzi siguri ta’ komunikazzjoni elettronika, sabiex ikun garantit li l-ambjent ta’ ħolqien ta’ firem elettroniċi jkun affidabbli u jintuża taħt il-kontroll esklużiv tal-firmatarju.
Fejn firma elettronika kwalifikata tkun inħolqot permezz ta’ apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizz fiduċjarju kwalifikati stabbiliti f’dan ir-Regolament.
- = -
(74) Sabiex tkun żgurata ċertezza legali għal operaturi tas-suq li diġà jużaw ċertifikati kwalifikati maħruġa lill-persuni fiżiċi f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, jeħtieġ li jkun previst perijodu ta’ żmien suffiċjenti għal finijiet transizzjonali.
Bl-istess mod, għandhom ikunu stabbiliti miżuri transizzjonali għal apparat għall-ħolqien tal-firem siguri, li l-konformità tagħhom ġiet iddeterminata f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati kwalifikati qabel l-1 ta’ Lulju 2016.
Fl-aħħarnett, huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata l-mezzi biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati qabel dik id-data.
- = -