search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'definit' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index definit:


whereas definit:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 415

 

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li ġew notifikati minn Stat Membru, u għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji li jintużaw esklussivament f’sistemi magħluqa li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet bejn grupp definit ta’ parteċipanti.

3.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni marbuta mal-konklużjoni u l-validità ta’ kuntratti jew obbligi legali jew proċedurali oħra.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv jew persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(2)

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni ta’ servizzi online;

(3)

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li permezz tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(4)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li skontha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni jew persuni ġuridiċi, jew persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni ġuridiċi;

(5)

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika; jew tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;

(6)

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika jew servizz fiduċjarju;

(7)

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat bid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni magħmula minn awtorità jew diversi tali awtoritajiet jew korp jew diversi tali korpi, jew entità privata mogħtija mandat minn tal-inqas waħda minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi jew l-assoċjazzjonijiet biex tipprovdi servizzi pubbliċi meta taġixxi skont tali mandat;

(8)

‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ tfisser korp iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(9)

‘firmatarju’ tfisser persuna fiżika li toħloq firma elettronika;

(10)

‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

(11)

‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżitistabbiliti fl-Artikolu 26;

(12)

‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

(13)

‘data għall-ħolqien ta’ firma elettronika’ tfisser data unika li tintuża mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

(14)

‘ċertifikat għall-firma elettronika’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika ma’ persuna fiżika u tikkonferma mill-inqas l-isem jew il-psewdonimu ta’ dik il-persuna;

(15)

‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

(16)

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment fornut għal remunerazzjoni li jikkonsisti minn:

(a)

il-ħolqien, il-verifika, u l-validazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, servizzi elettroniċi ta’ konsenja li huma reġistrati u ċertifikati marbuta ma’ dawk is-servizzi, jew

(b)

il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta’ ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, jew

(c)

il-preservazzjoni ta’ firem, siġilli jew ċertifikati elettroniċi marbuta ma’ dawn is-servizzi;

(17)

‘servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser servizz fiduċjarju li jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati f’dan ir-Regolament;

(18)

‘korp tal-valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi;

(19)

‘fornitur ta’ servizzi fiduċjarji’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fiduċjarju wieħed jew aktar, jew bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew mhux kwalifikati;

(20)

‘fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser fornitur ta’ servizz fiduċjarj li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat wieħed jew aktar u li jingħata lilu l-istatus kwalifikat mill-korp superviżorju;

(21)

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li jkunu maħsuba biex jintużaw għal forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(22)

‘apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ firma elettronika;

(23)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(24)

‘kreatur ta’ siġill’ tfisser persuna ġuridika li toħloq siġill elettroniku;

(25)

‘siġill elettroniku’ tfisser id-data fil-forma elettronika li tiġi mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data oħra f’forma elettronika biex jiġu żgurati l-oriġini u l-integrità ta’ din tal-aħħar;

(26)

‘siġill elettroniku avvanzat’ tfisser siġill elettroniku, li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36;

(27)

‘siġill elettroniku kwalifikat’ tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikat, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat ta’ siġill elettroniku;

(28)

‘data għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser data unika, li tintuża mill-kreatur tas-siġill elettroniku biex joħloq siġill elettroniku;

(29)

‘ċertifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni ta’ siġill elettroniku ma’ persuna fiżika u tikkonferma l-isem ta’ dik il-persuna;

(30)

‘ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser ċertifikat għal siġill elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III;

(31)

‘apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(32)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku li jissodisfa mutatis mutandis ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(33)

‘timbru tal-ħin elettroniku’ tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin;

(34)

‘timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat’ tfisser timbru tal-ħin elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42;

(35)

‘dokument elettroniku’ tfisser kwalunkwe kontenut maħżun f’forma elettronika, b’mod partikolari bħala test jew reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(36)

‘servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trasmissjoni ta’ data bejn partijiet terzi b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trasmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trasmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, ħsara jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(37)

‘servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz elettroniku ta’ konsenja elettronika rreġistrat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44;

(38)

’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi’ tfisser attestazzjoni li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u jorbot is-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(39)

‘ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulat fl-Anness IV;

(40)

‘data ta’ validazzjoni’ tfisser data li tintuża għall-validazzjoni ta’ firma elettronika jew ta’ siġill elettroniku;

(41)

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess ta’ verifika u konferma li firma elettronika jew siġill huwa validu.

Artikolu 27

Firem elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru ikun jeħtieġ firma elettronika avvanzata sabiex jintuża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati, il-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew bl-użu tal-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ firma elettronika f’livell ogħla ta’ sigurtà mill-firma elettronika kwalifikata.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal firem elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għall-firem elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 26 meta firma elettronika avvanzata tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi formati ta’ referenza ta’ firem elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 37

Siġilli elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati, is-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal siġilli elettroniċi u siġilli elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat abbażi ta’ ċertifikati kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u siġill elettroniku kwalifikat tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ siġill elettroniku f’livell ogħla ta’ sigurtà mis-siġill elettroniku kwalifikat.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal siġilli elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 36 meta siġill elettroniku avvanzat jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati ta’ referenza ta’ siġilli elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).


whereas









keyboard_arrow_down