search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'tal-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-artikolu :

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1109

 

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

"servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(b)

"riċevitur tas-servizz" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b'mod partikolari għall-finijiet ta' tfittix ta' informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli;

(c)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma 'l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(d)

"biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni" tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta' servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni;

(e)

"konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni" tfisser konnessjoni ta' fornitur ta' servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

għadd sinifikanti ta' riċevituri tas-servizz fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-popolazzjoni tiegħu jew tagħhom; jew

l-immirar ta' attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar;

(f)

"kummerċjant" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta' persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

(g)

"servizz intermedjarju" tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:

(i)

servizz ta' "sempliċi conduit", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni;

(ii)

servizz ta' "caching", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;

(iii)

servizz ta' "hosting", li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;

(h)

"kontenut illegali" tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f'relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dik il-liġi;

(i)

"pjattaforma online" tfisser servizz ta' hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta' servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament.

(j)

"magna tat-tiftix online" tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b'lingwa partikolari, abbażi ta' talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta' keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista' tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;

(k)

"disseminazzjoni lill-pubbliku" tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta' partijiet terzi;

(l)

"kuntratt mill-bogħod" tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE;

(m)

"interfaċċa online" tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli;

(n)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;

(o)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;

(p)

"riċevitur attiv ta' pjattaforma online" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta' talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha;

(q)

"riċevitur attiv ta' magna tat-tiftix" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha;

(r)

"reklam" tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta' persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta' dik l-informazzjoni;

(s)

"sistema ta' rakkomandazzjoni" tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta' tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;

(t)

''moderazzjoni tal-kontenut'' tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji maħsuba, b'mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta' dak il-kontenut illegali jew ta' dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta' kont ta' riċevitur;

(u)

"termini u kondizzjonijiet" tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta' servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz;

(v)

"persuni b'diżabilità" tfisser ‘persuni b'diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

(w)

“komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE;

(x)

"fatturat" tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39).

KAPITOLU II

RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

Artikolu 14

Termini u kondizzjonijiet

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b'rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritikmu tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Din għandha tiġi ppreżentata b'lingwaġġ ċar, sempliċi, li jinftiehem, faċli u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz bi kwalunkwe bidla sinifikanti fit-termini u l-kondizzjonijiet.

3.   Meta servizz intermedjarju jkun primarjament immirat lejn il-minorenni jew jintuża l-aktar minnhom, il-fornitur ta' dak is-servizz intermedjarju għandu jispjega l-kondizzjonijiet għal, u kwalunkwe restrizzjoniji fuq, l-użu tas-servizz b'mod li jinftiehem mill-minorenni.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b'mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif minqux fil-Karta.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinqara mill-magni tat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rimedji u l-mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli, b'lingwaġġ ċar u mhux ambigwu.

6.   Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-tifsira tal-artikolu 33 għandhom jippubblikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha fejn joffru s-servizzi tagħhom.

Artikolu 15

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

(b)

għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

(e)

kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

Artikolu 16

Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista' tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu faċli biex jintużaw, u għandhom jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi esklussivament b'mezzi elettroniċi.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq. Għal dak il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

spjegazzjoni sostanzjata biżżejjed tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tallega li l-informazzjoni inkwistjoni hija kontenut illegali;

(b)

indikazzjoni ċara tal-post elettroniku eżatt ta' dik l-informazzjoni, pereżempju l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kif adattat għat-tip ta' kontenut u għat-tip speċifiku ta' servizz ta' hosting;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

3.   Avviżi msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-artikolu 6 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat meta jippermettu lil fornitur ta' servizzi ta' hosting diliġenti jidentifika l-illegalità tal-attività jew l-informazzjoni rilevanti mingħajr eżami legali dettaljat.

4.   Meta l-avviż ikun fih l-informazzjoni ta' kuntatt elettronika tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jibgħat, mingħajr dewmien żejjed, konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

5.   Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni relatata mal-avviżi, fil-ħin, b'mod diliġenti, mhux arbitrarju u oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 5.

Artikolu 19

Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

1.   Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-intrapriżi li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta' intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar ta' wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 33.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f'konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.

Artikolu 45

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

2.   Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

3.   Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.

4.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.

Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Artikolu 55

Rapporti dwar l-attività

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż l-għadd ta' lmenti li jaslu fis-sens tal-artikolu 53 u ħarsa ġenerali lejn is-segwitu tagħhom. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jagħmlu r-rapporti annwali disponibbli għall-pubbliku f'format li jinqara mill-magni, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fis-sens tal-artikolu 84, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat Membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

(b)

l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   Meta Stat Membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 49, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

TAQSIMA 2

Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

Artikolu 75

Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III

1.   Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fis-sens tal-artikolu 73 relatata ma' ksur minn fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, hija għandha tuża s-sistema ta' superviżjoni msaħħa stipulata f'dan l-Artikolu. Meta tagħmel dan, hija għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe opinjoni tal-Bord skont dan l-Artikolu.

2.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex ifassal pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa li huma biżżejjed biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur u jittrażmettih, f’perjodu raġonevoli speċifikat fid-deċiżjoni, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu impenn li jitwettaq awditu indipendenti skont l-Artikolu 37(3) u (4) dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri l-oħra, u għandhom jispeċifikaw l-identità tal-awdituri, kif ukoll il-metodoloġija, il-kalendarju u s-segwitu tal-awditu. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, impenn ta' parteċipazzjoni f'kodiċi ta' kondotta rilevanti, kif previst fl-Artikolu 45.

3.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta' azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar wara li tirċievi dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, u għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-impenn possibbli ta' aderenza mal-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għandu jitqies f'dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Għal dak il-għan, il-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jittrażmetti r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jsir disponibbli, u għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-passi meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Meta jkun meħtieġ għal dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali infurmati dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u dwar il-monitoraġġ tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 76(1), punt (e) u l-Artikolu 82(1), fejn:

(a)

il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jonqos milli jipprovdi pjan ta' azzjoni, ir-rapport tal-awditjar, l-aġġornamenti meħtieġa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, fil-perjodu applikabbli;

(b)

il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan ta' azzjoni propost minħabba li tqis li l-miżuri stabbiliti fih mhumiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur; jew

(c)

il-Kummissjoni tqis abbażi tar-rapport tal-awditjar, kwalunkwe aġġornament jew informazzjoni addizzjonali pprovduta jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għaliha, li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mhijiex biżżejjed biex ittemm jew tirrimedja l-ksur.

Artikolu 91

Reviżjoni

1.   Sat-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-effett potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Sas-17 ta’ Novembru 2025 il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar.

(a)

l-applikazzjoni tal-artikolu 33, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji koperti mill-obbligi stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-mod kif dan ir-Regolament jinteraġixxi ma' atti legali oħra, b'mod partikolari l-atti msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4).

2.   Sas-17 ta’ Novembru 2027 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament, u tirrapporta dwaru lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Dan ir-rapport għandu jindirizza b'mod partikolari:

(a)

l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, punti (a) u (b)

(b)

il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-approfondiment u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment transfruntier ta' servizzi diġitali;

(c)

l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16, 20, 21, 45 u 46;

(d)

il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi fuq l-intrapriżi żgħar u mikro;

(e)

l-effettività tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni u infurzar;

(f)

l-impatt fuq ir-rispett għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

3.   Fejn ikun xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament.

4.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa u tirrapporta dwar ir-rapporti annwali fuq l-attivitajiet tagħhom mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali pprovduti lill-Kummissjoni u lill-Bord skont l-Artikolu 55(1).

5.   Għall-fini tal-paragrafu 2, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtu l-informazzjoni meta jintalbu mill-Kummissjoni.

6.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra, u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-pożizzjoni tal-kompetituri l-ġodda.

7.   Sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-Bord u tal-applikazzjoni tal-artikolu 43, u għandha tirrapportaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li tqis l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Abbażi tas-sejbiet u filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Bord, ma' dak ir-rapport għandha, meta xieraq, tinhemeż proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-istruttura tal-Bord.

Artikolu 92

Applikazzjoni antiċipata ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati fis-sens tal-artikolu 33(4) minn erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat imsemmija fl-Artikolu 33(6) fejn dik id-data tkun qabel is-17 ta’ Frar 2024.


whereas









keyboard_arrow_down