search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'reali' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index reali:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
  • 2 Artikolu 26 Reklamar fuq pjattaformi online

  • TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
  • 1 Artikolu 34 Valutazzjoni tar-riskju
  • 1 Artikolu 40 Aċċess u skrutinju tad-data

  • TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas reali:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 604

 

Artikolu 26

Reklamar fuq pjattaformi online

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jiżguraw li, għal kull reklam speċifiku ppreżentat lil kull riċevitur individwali, ir-riċevituri tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw, b'mod ċar, konċiż u mhux ambigwu u f'ħin reali, dawn li ġejjin:

(a)

li l-informazzjoni hija reklam, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt (b);

(d)

informazzjoni sinifikanti aċċessibbli direttament u faċilment mir-reklam dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi ddeterminat ir-riċevitur li lilu qed jiġi ppreżentat ir-reklam u, fejn applikabbli, kif jistgħu jinbidlu dawk il-parametri..

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz b'funzjonalità biex jiddikjaraw jekk il-kontenut li jipprovdu huwiex jew fihx komunikazzjonijiet kummerċjali.

Meta r-riċevitur tas-servizz jissottometti dikjarazzjoni skont dan il-paragrafu, il-fornitur ta’ pjattaformi online għandu jiżgura li riċevituri oħra tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod ċar u mhux ambigwu u f'ħin reali, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44, li l-kontenut ipprovdut mir-riċevitur tas-servizz huwa jew fih komunikazzjonijiet kummerċjali, kif deskritt f’dik id-dikjarazzjoni.

3.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami lir-riċevituri tas-servizzi bbażati fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, bl-użu ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 34

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)

id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)

kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

(c)

kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

(d)

kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

2.   Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

(b)

is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

(c)

it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

(d)

is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

(e)

il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Artikolu 40

Aċċess u skrutinju tad-data

1.   Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.

4.   Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.

5.   Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)

ma jkollhomx aċċess għad-data;

(b)

l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

6.   It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.

7.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

8.   Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790;

(b)

ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali;

(c)

l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka;

(d)

ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan;

(e)

l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4;

(f)

l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(g)

ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.

9.   Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.

Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.

10.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.

11.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.

12.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).

13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.


whereas









keyboard_arrow_down