search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'kopert' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index kopert:


whereas kopert:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 676

 

Artikolu 25

Disinn u organizzazzjoni ta' interfaċċi online

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx ifasslu, jorganizzaw jew joperaw l-interfaċċi online tagħhom b'mod li jqarraq jew jimmanipula r-riċevituri tas-servizz tagħhom jew b’mod li b'xi mod ieħor ifixkel materjalment il-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet ħielsa u infurmati.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prattiki koperti mid-Direttiva 2005/29/KE jew mir-Regolament (UE) 2016/679.

3.   Il-Kummissjoni tista' toħroġ linji gwida dwar kif il-paragrafu 1 japplika għal prattiki speċifiċi, b'mod partikolari:

(a)

l-għoti ta' aktar prominenza lil ċerti għażliet meta jitolbu deċiżjoni mingħand ir-riċevitur tas-servizz;

(b)

talbiet ripetuti lir-riċevitur tas-servizz biex jagħmel għażla meta tali għażla tkun diġà saret, speċjalment bil-preżentazzjoni ta' pop-ups li jinterferixxu mal-esperjenza tal-utent;

(c)

proċedura tat-terminazzjoni ta' servizz li tkun aktar diffiċli mis-sottoskrizzjoni tiegħu.

Artikolu 37

Awditu indipendenti

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi indipendenti biex jivvalutaw il-konformità ma' dawn li ġejjin:

(a)

l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III;

(b)

kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-Artikoli 45 u 46 u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 48.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi skont dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jwettqu dawk l-awditi b'mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, inkluż billi jagħtuhom aċċess għad-data u l-bini rilevanti kollha u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Ma għandhomx ifixklu, jinfluwenzaw bla bżonn jew jimminaw it-twettiq tal-awditu.

Tali awditi għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u partijiet terzi fil-kuntest tal-awditi, inkluż wara l-għeluq tal-awditi. Madankollu, il-konformità ma' dak ir-rekwiżit ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv it-twettiq tal-awditi u dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar it-trasparenza, is-superviżjoni u l-infurzar. Fejn ikun meħtieġ għall-fini tar-rapportar dwar it-trasparenza skont l-Artikolu 42(4), ir-rapport tal-awditu u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu msemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu akkumpanjati minn verżjonijiet li ma jkun fihom l-ebda informazzjoni li tista' raġonevolment titqies kunfidenzjali.

3.   L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:

(a)

ikunu indipendenti mill-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernat u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess miegħu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur; b'mod partikolari:

(i)

ma jkunux ipprovdew servizzi mhux ta' awditjar iżda relatati mal-kwistjonijiet awditjati lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel jibda l-awditu u jkunu impenjaw ruħhom li ma jipprovduhomx b’dawn is-servizzi fil-perjodu ta' 12-il xahar wara li jitlesta l-awditu;

(ii)

ma jkunux ipprovdew servizzi ta' awditjar skont dan l-Artikolu lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur f'perjodu itwal minn 10 snin konsekuttivi;

(iii)

ma tkunx qed twettaq l-awditu bi ħlas li jkun kontinġenti fuq ir-riżultat tal-awditu;

(b)

ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet;

(c)

ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b'mod partikolari fuq l-aderenza ma' kodiċijiet ta' prattika jew standards xierqa.

4.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Dak ir-rapport għandu jkun sostanzjat, bil-miktub, u jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-twettiq tal-awditu;

(c)

dikjarazzjoni tal-interessi;

(d)

deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata;

(e)

deskrizzjoni u sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin misluta mill-awditu;

(f)

lista tal-partijiet terzi kkonsultati bħala parti mill-awditu;

(g)

opinjoni tal-awditu dwar jekk il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna soġġett għall-awditu kkonformax mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri opinjoni “pożittiva”, “pożittiva b'xi kummenti” jew “negattiva”;

(h)

meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità u dwar il-kalendarju rrikkmandat għall-kisba tagħha.

5.   Jekk l-organizzazzjoni li twettaq l-awditu ma tkunx setgħet tivverifika ċerti elementi speċifiċi jew tesprimi opinjoni dwar l-awditu abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, ir-rapport tal-awditu għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dawk l-elementi ma jkunux setgħu jiġu awditjati.

6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx “pożittiv” għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzati lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li jkunu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta' nuqqas ta' konformità identifikata.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twettiq tal-awditi skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli meħtieġa dwar il-passi proċedurali, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi mwettqa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu kwalunkwe standard tal-awditjar volontarju msemmi fl-Artikolu 44(1), punt (e).

Artikolu 61

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

1.   Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta' Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ "Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali" (il-"Bord").

2.   Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)

kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

koordinazzjoni u kontribut għal linji gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(c)

assistenza lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

Artikolu 63

Kompiti tal-Bord

1.   Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(d)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(e)

jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

TAQSIMA 4

Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

Artikolu 64

Żvilupp tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz tas-sekondar ta' persunal tal-Istati Membri.

2.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tikkoordina l-valutazzjoni ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni fir-rigward ta' pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Bord u lil korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni b'għarfien espert rilevanti biex jappoġġaw il-valutazzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom u awtoritajiet kompetenti oħra, fejn applikabbli, inkluż billi jagħmlu disponibbli l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tagħhom.

Artikolu 83

Atti ta' implimentazzjoni relatati mal-intervent tal-Kummissjoni

Fir-rigward tal-intervent tal-Kummissjoni kopert minn din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal:

(a)

il-proċedimenti skont l-Artikoli 69 u 72;

(b)

is-seduti ta' smigħ previsti fl-Artikolu 79;

(c)

l-iżvelar negozjat tal-informazzjoni previst fl-Artikolu 79.

Qabel l-adozzjoni ta' xi miżuri skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta' dan u tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-perjodu stabbilit fih, li ma għandux ikun inqas minn xahar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 5

Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

Artikolu 84

Segretezza professjonali

Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu tal-informazzjoni msemmija f'dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni, il-Bord, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-uffiċjali, l-impjegati rispettivi tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra involuta, inkluż awdituri u esperti maħtura skont l-Artikolu 72(2), ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 91

Reviżjoni

1.   Sat-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-effett potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Sas-17 ta’ Novembru 2025 il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar.

(a)

l-applikazzjoni tal-Artikolu 33, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji koperti mill-obbligi stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-mod kif dan ir-Regolament jinteraġixxi ma' atti legali oħra, b'mod partikolari l-atti msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4).

2.   Sas-17 ta’ Novembru 2027 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament, u tirrapporta dwaru lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Dan ir-rapport għandu jindirizza b'mod partikolari:

(a)

l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, punti (a) u (b)

(b)

il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-approfondiment u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment transfruntier ta' servizzi diġitali;

(c)

l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16, 20, 21, 45 u 46;

(d)

il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi fuq l-intrapriżi żgħar u mikro;

(e)

l-effettività tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni u infurzar;

(f)

l-impatt fuq ir-rispett għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

3.   Fejn ikun xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament.

4.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa u tirrapporta dwar ir-rapporti annwali fuq l-attivitajiet tagħhom mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali pprovduti lill-Kummissjoni u lill-Bord skont l-Artikolu 55(1).

5.   Għall-fini tal-paragrafu 2, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtu l-informazzjoni meta jintalbu mill-Kummissjoni.

6.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra, u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-pożizzjoni tal-kompetituri l-ġodda.

7.   Sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-Bord u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43, u għandha tirrapportaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li tqis l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Abbażi tas-sejbiet u filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Bord, ma' dak ir-rapport għandha, meta xieraq, tinhemeż proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-istruttura tal-Bord.


whereas









keyboard_arrow_down