search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'it-termini' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index it-termini:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
  • 3 Artikolu 14 Termini u kondizzjonijiet

  • TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
  • 1 Artikolu 23 Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin
  • 1 Artikolu 27 Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni

  • TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
  • 1 Artikolu 34 Valutazzjoni tar-riskju

  • TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
  • 1 Artikolu 44 Standards

  • KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
  • 1 Artikolu 79 Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl

  • TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas it-termini:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 623

 

Artikolu 14

Termini u kondizzjonijiet

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b'rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritikmu tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Din għandha tiġi ppreżentata b'lingwaġġ ċar, sempliċi, li jinftiehem, faċli u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz bi kwalunkwe bidla sinifikanti fit-termini u l-kondizzjonijiet.

3.   Meta servizz intermedjarju jkun primarjament immirat lejn il-minorenni jew jintuża l-aktar minnhom, il-fornitur ta' dak is-servizz intermedjarju għandu jispjega l-kondizzjonijiet għal, u kwalunkwe restrizzjoniji fuq, l-użu tas-servizz b'mod li jinftiehem mill-minorenni.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b'mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif minqux fil-Karta.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinqara mill-magni tat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rimedji u l-mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli, b'lingwaġġ ċar u mhux ambigwu.

6.   Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 għandhom jippubblikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha fejn joffru s-servizzi tagħhom.

Artikolu 23

Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

3.   Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari;

(b)

il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari;

(c)

il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu;

(d)

meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 27

Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, b'mod ċar u li jinftiehem, il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, kif ukoll kull alternattiva għar-riċevituri tas-servizz biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri ewlenin.

2.   Il-parametri ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispjegaw għaliex ċerta informazzjoni hija ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz. Dawn għandhom jinkludu, mill-inqas:

(a)

il-kriterji li huma l-aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tal-informazzjoni ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz;

(b)

ir-raġunijiet għall-importanza relattiva ta' dawk il-parametri.

3.   Meta jkunu disponibbli diversi għażliet skont il-paragrafu 1 għas-sistemi ta' rakkomandazzjoni li jiddeterminaw l-ordni relattiva tal-informazzjoni ppreżentata lir-riċevituri tas-servizz, il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom ukoll jagħmlu disponibbli funzjonalità li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu u jimmodifikaw fi kwalunkwe mument l-għażla ppreferuta tagħhom. Dik il-funzjonalità għandha tkun aċċessibbli direttament u faċilment mit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online tal-pjattaforma fejn l-informazzjoni tkun qed tingħata prijorità –.

Artikolu 34

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)

id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)

kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

(c)

kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

(d)

kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

2.   Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

(b)

is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

(c)

it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

(d)

is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

(e)

il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Artikolu 44

Standards

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord, u għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards volontarji stabbiliti minn korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali rilevanti, tal-anqas fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi skont l-Artikolu 16;

(b)

mudelli, tfassil u standards ta' pproċessar għall-komunikazzjoni mar-riċevituri tas-servizz b'mod faċli għall-utent dwar restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-termini u l-kondizzjonijiet u l-bidliet fihom;

(c)

is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi minn sinjalaturi fdati skont l-Artikolu 22, inkluż minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet;

(d)

interfaċċi speċifiċi, inkluż interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jiffaċilitaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 40;

(e)

l-awditjar tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna skont l-Artikolu 37;

(f)

l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 39(2);

(g)

it-trażmissjoni tad-data bejn l-intermedjarji tar-reklamar b'appoġġ għall-obbligi ta' trasparenza skont l-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d);

(h)

miżuri tekniċi li jippermettu l-konformità mal-obbligi relatati mar-reklamar previsti f'dan ir-Regolament, inklużi l-obbligi relatati ma' mmarkar prominenti għar-reklami u l-komunikazzjonijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 26;

(i)

l-interfaċċi tal-għażla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tat-tipi differenti ta' sistemi ta' rakkomandazzjoni, skont l-Artikoli 27 u 38;

(j)

standards għal miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-minuri online.

2.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aġġornament tal-istandards fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u l-kondotta tar-riċevituri tas-servizzi inkwistjoni. L-informazzjoni rilevanti dwar l-aġġornament tal-istandards għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment.

Artikolu 79

Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), l-Artikolu 74 jew 76, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) biex jinstemgħu dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jista' jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

2.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

4.   Id-drittijiet ta' difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta' divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna oħra kkonċernata mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jistipulaw tali termini ta' divulgazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, tal-Bord, tal-Koordinaturi tas-Servizz Diġitali, ta' awtoritajiet kompetenti jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-dritt ta' aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

5.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 67, 68 u 69 għandha tintuża biss għall-fini ta' dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down