search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'fl-artikoli ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fl-artikoli :

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas fl-artikoli :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1380

 

Artikolu 7

Investigazzjonijiet volontarji fuq inizjattiva proprja u konformità legali

Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji ma għandhomx jitqiesu ineliġibbli għall-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà msemmija fl-artikoli 4, 5 u 6 unikament għax, in bona fide u b'mod diliġenti jwettqu investigazzjonijiet volontarji fuq inizjattiva proprja jew jieħdu miżuri oħra mmirati biex jiddetettaw, jidentifikaw u jneħħu kontenut illegali, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut illegali jew jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista' tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu faċli biex jintużaw, u għandhom jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi esklussivament b'mezzi elettroniċi.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq. Għal dak il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

spjegazzjoni sostanzjata biżżejjed tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tallega li l-informazzjoni inkwistjoni hija kontenut illegali;

(b)

indikazzjoni ċara tal-post elettroniku eżatt ta' dik l-informazzjoni, pereżempju l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kif adattat għat-tip ta' kontenut u għat-tip speċifiku ta' servizz ta' hosting;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

3.   Avviżi msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-Artikolu 6 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat meta jippermettu lil fornitur ta' servizzi ta' hosting diliġenti jidentifika l-illegalità tal-attività jew l-informazzjoni rilevanti mingħajr eżami legali dettaljat.

4.   Meta l-avviż ikun fih l-informazzjoni ta' kuntatt elettronika tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jibgħat, mingħajr dewmien żejjed, konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

5.   Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni relatata mal-avviżi, fil-ħin, b'mod diliġenti, mhux arbitrarju u oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 5.

Artikolu 23

Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

3.   Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari;

(b)

il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari;

(c)

il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu;

(d)

meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 30

Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

(b)

kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(c)

id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant;

(d)

meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e)

awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.

Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.

3.   Meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

7.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.

Artikolu 35

Mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)

l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

(b)

l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

(c)

l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

(d)

l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

(e)

l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(f)

it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

(g)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

(h)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-artikoli 45 u 48 rispettivament;

(i)

it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

(j)

it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

(k)

garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

2.   Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

(b)

l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 37

Awditu indipendenti

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi indipendenti biex jivvalutaw il-konformità ma' dawn li ġejjin:

(a)

l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III;

(b)

kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-artikoli 45 u 46 u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 48.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi skont dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jwettqu dawk l-awditi b'mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, inkluż billi jagħtuhom aċċess għad-data u l-bini rilevanti kollha u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Ma għandhomx ifixklu, jinfluwenzaw bla bżonn jew jimminaw it-twettiq tal-awditu.

Tali awditi għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u partijiet terzi fil-kuntest tal-awditi, inkluż wara l-għeluq tal-awditi. Madankollu, il-konformità ma' dak ir-rekwiżit ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv it-twettiq tal-awditi u dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar it-trasparenza, is-superviżjoni u l-infurzar. Fejn ikun meħtieġ għall-fini tar-rapportar dwar it-trasparenza skont l-Artikolu 42(4), ir-rapport tal-awditu u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu msemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu akkumpanjati minn verżjonijiet li ma jkun fihom l-ebda informazzjoni li tista' raġonevolment titqies kunfidenzjali.

3.   L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:

(a)

ikunu indipendenti mill-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernat u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess miegħu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur; b'mod partikolari:

(i)

ma jkunux ipprovdew servizzi mhux ta' awditjar iżda relatati mal-kwistjonijiet awditjati lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel jibda l-awditu u jkunu impenjaw ruħhom li ma jipprovduhomx b’dawn is-servizzi fil-perjodu ta' 12-il xahar wara li jitlesta l-awditu;

(ii)

ma jkunux ipprovdew servizzi ta' awditjar skont dan l-Artikolu lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur f'perjodu itwal minn 10 snin konsekuttivi;

(iii)

ma tkunx qed twettaq l-awditu bi ħlas li jkun kontinġenti fuq ir-riżultat tal-awditu;

(b)

ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet;

(c)

ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b'mod partikolari fuq l-aderenza ma' kodiċijiet ta' prattika jew standards xierqa.

4.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Dak ir-rapport għandu jkun sostanzjat, bil-miktub, u jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-twettiq tal-awditu;

(c)

dikjarazzjoni tal-interessi;

(d)

deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata;

(e)

deskrizzjoni u sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin misluta mill-awditu;

(f)

lista tal-partijiet terzi kkonsultati bħala parti mill-awditu;

(g)

opinjoni tal-awditu dwar jekk il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna soġġett għall-awditu kkonformax mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri opinjoni “pożittiva”, “pożittiva b'xi kummenti” jew “negattiva”;

(h)

meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità u dwar il-kalendarju rrikkmandat għall-kisba tagħha.

5.   Jekk l-organizzazzjoni li twettaq l-awditu ma tkunx setgħet tivverifika ċerti elementi speċifiċi jew tesprimi opinjoni dwar l-awditu abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, ir-rapport tal-awditu għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dawk l-elementi ma jkunux setgħu jiġu awditjati.

6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx “pożittiv” għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzati lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li jkunu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta' nuqqas ta' konformità identifikata.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twettiq tal-awditi skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli meħtieġa dwar il-passi proċedurali, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi mwettqa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu kwalunkwe standard tal-awditjar volontarju msemmi fl-Artikolu 44(1), punt (e).

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

(a)

ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

(b)

il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

(c)

l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

(a)

rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

(b)

il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

(c)

ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

(d)

ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

(e)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

5.   Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

Artikolu 44

Standards

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord, u għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards volontarji stabbiliti minn korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali rilevanti, tal-anqas fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi skont l-Artikolu 16;

(b)

mudelli, tfassil u standards ta' pproċessar għall-komunikazzjoni mar-riċevituri tas-servizz b'mod faċli għall-utent dwar restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-termini u l-kondizzjonijiet u l-bidliet fihom;

(c)

is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi minn sinjalaturi fdati skont l-Artikolu 22, inkluż minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet;

(d)

interfaċċi speċifiċi, inkluż interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jiffaċilitaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-artikoli 39 u 40;

(e)

l-awditjar tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna skont l-Artikolu 37;

(f)

l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 39(2);

(g)

it-trażmissjoni tad-data bejn l-intermedjarji tar-reklamar b'appoġġ għall-obbligi ta' trasparenza skont l-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d);

(h)

miżuri tekniċi li jippermettu l-konformità mal-obbligi relatati mar-reklamar previsti f'dan ir-Regolament, inklużi l-obbligi relatati ma' mmarkar prominenti għar-reklami u l-komunikazzjonijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 26;

(i)

l-interfaċċi tal-għażla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tat-tipi differenti ta' sistemi ta' rakkomandazzjoni, skont l-Artikoli 27 u 38;

(j)

standards għal miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-minuri online.

2.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aġġornament tal-istandards fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u l-kondotta tar-riċevituri tas-servizzi inkwistjoni. L-informazzjoni rilevanti dwar l-aġġornament tal-istandards għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment.

Artikolu 49

Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar b’responsabbiltà għas-superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-infurzar ta' dan ir-Regolament ("awtoritajiet kompetenti").

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-superviżjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament f'dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.

Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skambji regolari tal-fehmiet bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

Meta Stat Membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b'mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b'mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali sas-17 ta’ Frar 2024.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta' kuntatt tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom.

4.   Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-artikoli 50, 51 u 56 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 66

Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.

Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.

Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 69

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

(d)

jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(f)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

(g)

jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

8.   Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

10.   Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Artikolu 87

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal ħames snin mis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down