keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 2 Artikolu 9 Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali
- 1 Artikolu 10 Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni
- 1 Artikolu 11 Punti ta' kuntatt għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bord
- 1 Artikolu 17 Dikjarazzjoni tar-raġunijiet
- 1 Artikolu 21 Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
- 1 Artikolu 35 Mitigazzjoni tar-riskji
- 2 Artikolu 36 Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
- 2 Artikolu 38 Sistemi ta' rakkomandazzjoni
- 1 Artikolu 40 Aċċess u skrutinju tad-data
- 1 Artikolu 42 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
- 1 Artikolu 48 Protokolli ta' kriżi
- 3 Artikolu 49 Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 1 Artikolu 65 Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
- 1 Artikolu 66 Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet
- 1 Artikolu 75 Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
TAQSIMA 5
Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 2
Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 4
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
TAQSIMA 5
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- online 107
- ħafna 83
- tas-servizzi 76
- diġitali 61
- għandhom 59
- kbar 54
- biex 51
- dwar 51
- skont 49
- ta’ 48
- informazzjoni 47
- tat-tiftix 43
- tagħhom 43
- għandha 42
- meta 42
- kriżi 39
- għal 38
- tas-servizz 38
- għandu 38
- pjattaformi 35
- tat-tilwim 32
- msemmija 31
- barra 30
- kwalunkwe 30
- oħra 29
- mill-qorti 29
- magni 28
- kbira 28
- tkun 28
- fil-paragrafu 27
- fl-artikolu 27
- il-kummissjoni 26
- għas-soluzzjoni 26
- l-informazzjoni 26
- l-ordni 26
- dawk 26
- fejn 25
- applikabbli 25
- konformità 24
- rilevanti 24
- jkunu 23
- l-artikolu 23
- speċifiċi 22
- inkluż 22
- tista 22
- membri 22
- aktar 22
- tiegħu 21
- partikolari 21
- intermedjarji 21
Artikolu 48
Protokolli ta' kriżi
1. Il-Bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.
2. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:
(a) | il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra; |
(b) | l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41; |
(c) | meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi. |
3. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.
4. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:
(a) | il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi; |
(b) | ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(c) | proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(d) | proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati; |
(e) | salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni; |
(f) | proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi. |
5. Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
Artikolu 9
Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali
1. Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:
|
(b) | il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu; |
(c) | dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu. |
3. L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.
4. Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.
5. Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.
6. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.
Artikolu 10
Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni
1. Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:
|
(b) | dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu; |
(c) | dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu. |
3. L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.
4. Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.
5. Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.
6. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
Artikolu 11
Punti ta' kuntatt għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bord
1. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt li jippermettilhom jikkomunikaw direttament, b'mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord imsemmi fl-Artikolu 61 għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, u għandha tinżamm aġġornata.
3. Fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jispeċifikaw, il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li, flimkien ma' lingwa mifhuma b'mod wiesa' mill-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-Unjoni, jistgħu jintużaw biex jikkomunikaw mal-punt ta' kuntatt tagħhom, u li għandhom jinkludu mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jkollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu.
Artikolu 17
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet
1. Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ċara u speċifika tar-raġunijiet lil kwalunkwe riċevitur tas-servizz affettwat minn xi waħda mir-restrizzjonijiet li ġejjin imposti għal raġuni li l-informazzjoni provduta mir-riċevitur tas-servizz tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom:
(a) | kwalunkwe restrizzjoni tal-viżibbiltà ta' punti ta' informazzjoni speċifiċi pprovduti mir-riċevitur tas-servizz, inkluż it-tneħħija tal-kontenut, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih jew id-dimozzjoni tiegħu; |
(b) | is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew restrizzjonijiet oħra f'termini ta' pagamenti monetarji; |
(c) | is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-forniment tas-servizz kollu jew parti minnu; |
(d) | is-sospensjoni jew l-għeluq tal-kont tar-riċevitur tas-servizz. |
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta d-dettalji ta' kuntatt elettroniċi rilevanti jkunu magħrufa mill-fornitur. Għandu japplika mhux aktar tard mid-data meta tiġi imposta r-restrizzjoni, u irrispettivament mir-raġuni għaliha jew mill-mod kif tkun ġiet imposta.
Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-informazzjoni tkun ta' kontenut kummerċjali ta' volum għoli qarrieqi.
3. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) | informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tinvolvix it-tneħħija tal-informazzjoni, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, id-dimozzjoni tagħha jew ir-restrizzjoni tal-viżibbiltà tagħha jew inkella s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' pagamenti monetarji relatati ma' dik l-informazzjoni jew timponix miżuri oħra msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-informazzjoni u, meta rilevanti, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni u t-tul tagħha; |
(b) | il-fatti u ċ-ċirkostanzi invokati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż, meta rilevanti, informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tteħditx skont avviż sottomess f'konformità mal-Artikolu 16 jew abbażi ta' investigazzjoni volontarja fuq inizjattiva proprja u, fejn strettament neċessarju, l-identità tan-notifikant; |
(c) | meta applikabbli, informazzjoni dwar l-użu li sar minn mezzi awtomatizzati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni ttieħdet rigward kontenut detettat jew identifikat bl-użu ta' mezzi awtomatizzati; |
(d) | meta d-deċiżjoni tkun tikkonċerna kontenut allegatament illegali, referenza għall-bażi legali invokata u spjegazzjonijiet dwar għalfejn l-informazzjoni titqies bħala kontenut illegali fuq dik il-bażi; |
(e) | meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà tal-informazzjoni mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting, referenza għar-raġuni kuntrattwali invokata u spjegazzjonijiet għalfejn l-informazzjoni titqies inkompatibbli ma' dik ir-raġuni; |
(f) | informazzjoni ċara u faċli biex tintuża dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju disponibbli għar-riċevitur tas-servizz fir-rigward tal-azzjoni, b'mod partikolari, fejn applikabbli, bil-mekkaniżmi interni tat-trattament tal-ilmenti, b'soluzzjoni alternattiva għat-tilwim barra mill-qorti u b'rimedju ġudizzjarju. |
4. L-informazzjoni pprovduta mill-fornituri ta' servizzi ta' hosting f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tkun ċara u tinftiehem faċilment, u tkun preċiża u speċifika kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli fiċ-ċirkostanzi partikolari. L-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tkun tippermetti b'mod raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikkonċernat jeżerċita b'mod effettiv il-possibbiltajiet ta' rimedju msemmija fil-paragrafu 3, punt (f).
5. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 9.
Artikolu 21
Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
1. Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.
Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.
L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.
2. Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.
Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.
Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.
3. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi; |
(b) | ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima; |
(c) | il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura; |
(d) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online; |
(e) | ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
(f) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu. |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:
(a) | il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u |
(b) | il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu. |
4. Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.
Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:
(a) | jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena; |
(b) | tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim; |
(c) | jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi; |
(d) | jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament; |
(e) | jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq. |
Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.
5. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.
It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.
Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.
6. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.
7. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.
8. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.
9. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.
Artikolu 35
Mitigazzjoni tar-riskji
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:
(a) | l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom; |
(b) | l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom; |
(c) | l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut; |
(d) | l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom; |
(e) | l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu; |
(f) | it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku; |
(g) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21; |
(h) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament; |
(i) | it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni; |
(j) | it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ; |
(k) | garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din. |
2. Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:
(a) | l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42; |
(b) | l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati. |
Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.
3. Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.
Artikolu 36
Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
1. Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a) | jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha; |
(b) | jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu; |
(c) | jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni. |
Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.
2. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.
3. Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) | l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta; |
(b) | id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati; |
(c) | l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. |
4. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:
(a) | tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni; |
(b) | tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u |
(c) | tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni. |
5. L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).
7. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.
8. Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:
(a) | tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu; |
(b) | testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur; |
(c) | tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta. |
9. Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.
10. Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.
11. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.
Artikolu 38
Sistemi ta' rakkomandazzjoni
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 27, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jipprovdu mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom li mhix ibbażata fuq it-tfassil ta' profili, kif definit fl-Artikolu 4, punt (4) tar-Regolament (UE) 2016/679.
Artikolu 40
Aċċess u skrutinju tad-data
1. Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.
4. Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.
5. Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:
(a) | ma jkollhomx aċċess għad-data; |
(b) | l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali. |
6. It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.
7. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.
8. Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790; |
(b) | ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali; |
(c) | l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka; |
(d) | ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan; |
(e) | l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4; |
(f) | l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4; |
(g) | ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. |
Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.
9. Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.
Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.
10. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.
11. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.
12. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).
13. Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.
Artikolu 42
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.
2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:
(a) | ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20; |
(b) | il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal; |
(c) | l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri. |
Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.
3. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):
(a) | rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34; |
(b) | il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1); |
(c) | ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4); |
(d) | ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6); |
(e) | fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju. |
5. Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.
Artikolu 48
Protokolli ta' kriżi
1. Il-Bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.
2. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:
(a) | il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra; |
(b) | l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41; |
(c) | meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi. |
3. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.
4. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:
(a) | il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi; |
(b) | ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(c) | proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(d) | proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati; |
(e) | salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni; |
(f) | proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi. |
5. Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
Artikolu 49
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar b’responsabbiltà għas-superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-infurzar ta' dan ir-Regolament ("awtoritajiet kompetenti").
2. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-superviżjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament f'dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.
Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skambji regolari tal-fehmiet bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.
Meta Stat Membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b'mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b'mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali sas-17 ta’ Frar 2024.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta' kuntatt tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom.
4. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-Artikoli 50, 51 u 56 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 65
Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
1. Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f'din it-Taqsima saħansitra qabel ma' tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista' teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
2. Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b'mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu, jista' jibgħat, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.
3. Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:
(a) | il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11; |
(b) | deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma' deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta' natura sistemika; |
(c) | kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess. |
Artikolu 66
Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet
1. Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.
2. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.
Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.
Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).
3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.
4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.
Artikolu 75
Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III
1. Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 73 relatata ma' ksur minn fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, hija għandha tuża s-sistema ta' superviżjoni msaħħa stipulata f'dan l-Artikolu. Meta tagħmel dan, hija għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe opinjoni tal-Bord skont dan l-Artikolu.
2. Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex ifassal pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa li huma biżżejjed biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur u jittrażmettih, f’perjodu raġonevoli speċifikat fid-deċiżjoni, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu impenn li jitwettaq awditu indipendenti skont l-Artikolu 37(3) u (4) dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri l-oħra, u għandhom jispeċifikaw l-identità tal-awdituri, kif ukoll il-metodoloġija, il-kalendarju u s-segwitu tal-awditu. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, impenn ta' parteċipazzjoni f'kodiċi ta' kondotta rilevanti, kif previst fl-Artikolu 45.
3. Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta' azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar wara li tirċievi dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, u għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-impenn possibbli ta' aderenza mal-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għandu jitqies f'dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Għal dak il-għan, il-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jittrażmetti r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jsir disponibbli, u għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-passi meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Meta jkun meħtieġ għal dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali infurmati dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u dwar il-monitoraġġ tiegħu.
4. Il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 76(1), punt (e) u l-Artikolu 82(1), fejn:
(a) | il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jonqos milli jipprovdi pjan ta' azzjoni, ir-rapport tal-awditjar, l-aġġornamenti meħtieġa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, fil-perjodu applikabbli; |
(b) | il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan ta' azzjoni propost minħabba li tqis li l-miżuri stabbiliti fih mhumiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur; jew |
(c) | il-Kummissjoni tqis abbażi tar-rapport tal-awditjar, kwalunkwe aġġornament jew informazzjoni addizzjonali pprovduta jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għaliha, li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mhijiex biżżejjed biex ittemm jew tirrimedja l-ksur. |
whereas