keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 15 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji
- 2 Artikolu 21 Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
- 2 Artikolu 23 Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin
- 1 Artikolu 33 Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
- 1 Artikolu 34 Valutazzjoni tar-riskju
- 1 Artikolu 35 Mitigazzjoni tar-riskji
- 2 Artikolu 36 Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
- 1 Artikolu 39 Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online
- 1 Artikolu 42 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
- 1 Artikolu 43 Tariffa superviżorja
- 1 Artikolu 45 Kodiċijiet ta' kondotta
- 1 Artikolu 48 Protokolli ta' kriżi
- 1 Artikolu 49 Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 1 Artikolu 56 Kompetenzi
- 1 Artikolu 58 Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 2 Artikolu 59 Riferiment lill-Kummissjoni
- 1 Artikolu 67 Talbiet għal informazzjoni
- 1 Artikolu 69 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
- 1 Artikolu 77 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali
- 1 Artikolu 79 Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl
- 1 Artikolu 82 Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
TAQSIMA 5
Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 2
Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 4
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
TAQSIMA 5
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- online 171
- ħafna 119
- skont 84
- tas-servizzi 81
- għandhom 74
- biex 73
- diġitali 71
- għandha 71
- tat-tiftix 69
- kbira 67
- tagħhom 63
- oħra 59
- msemmija 54
- kbar 52
- għal 51
- il-kummissjoni 47
- ta’ 44
- fl-artikolu 43
- għandu 42
- informazzjoni 41
- pjattaformi 41
- dawk 38
- meta 38
- tkun 36
- dwar 36
- l-artikolu 35
- fil-paragrafu 35
- tas-servizz 35
- l-artikolu 34
- l-informazzjoni 32
- tat-tilwim 32
- mill-qorti 32
- kull 30
- kwalunkwe 30
- ir-regolament 30
- barra 29
- inkluż 29
- partikolari 27
- minn 27
- tal-magna 27
- membru 27
- għas-soluzzjoni 26
- magni 26
- tista 26
- tal-pjattaforma 26
- il-kummissjoni 25
- konformità 25
- jkun 24
- jkunu 24
- tiegħu 23
Artikolu 67
Talbiet għal informazzjoni
1. Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.
2. Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.
3. Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
4. Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
5. Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.
6. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.
Artikolu 15
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji
1. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:
(a) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni; |
(b) | għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni; |
(c) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata; |
(d) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu; |
(e) | kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata. |
2. Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
Artikolu 21
Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
1. Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.
Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.
L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.
2. Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.
Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.
Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.
3. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi; |
(b) | ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima; |
(c) | il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura; |
(d) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online; |
(e) | ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
(f) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu. |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:
(a) | il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u |
(b) | il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu. |
4. Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.
Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:
(a) | jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena; |
(b) | tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim; |
(c) | jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi; |
(d) | jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament; |
(e) | jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq. |
Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.
5. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.
It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.
Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.
6. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.
7. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.
8. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.
9. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.
Artikolu 23
Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.
2. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.
3. Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) | l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari; |
(b) | il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari; |
(c) | il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu; |
(d) | meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur. |
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.
Artikolu 33
Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
1. Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online u magni tat-tiftix online li jilħqu għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, u li jkunu ddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont il-paragrafu 4.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex taġġusta l-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1, meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tiżdied jew tonqos b'mill-anqas 5 % fir-rigward tal-popolazzjoni tagħha fl-2020 jew, tal-popolazzjoni tagħha wara aġġustament b'att delegat fis-sena meta jkun ġie adottat l-aħħar att delegat. F'tali każ, din għandha taġġusta l-għadd biex ikun jikkorrispondi għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fis-sena meta tadotta l-att delegat, aġġustat 'il fuq jew 'l isfel biex l-għadd ikun jista' jiġi espress f'miljuni.
3. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87, wara konsultazzjoni mal-Bord, biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 24(2), filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.
4. Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat l-Istat Membru tal-istabbiliment jew wara li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 24(4), tadotta deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online li jkollha għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2), u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
In-nuqqas tal-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online li josserva l-Artikolu 24(2) jew li jirrispetta t-talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taħtar lil dak il-fornitur bħala fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont dan il-paragrafu.
Fejn il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew abbażi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat 10 ijiem tax-xogħol biex jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u dwar l-intenzjoni tieħu li jiddeżinja l-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-fehmiet sottomessi mill-fornitur ikkonċernat.
In-nuqqas t tal-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat li jissottometti l-fehmiet tiegħu skont it-tielet subparagrafu ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tiddeżinja dik il-pjattaforma online jew dik il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna, rispettivament, abbażi ta' informazzjoni oħra li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.
5. Il-Kummissjoni għandha ttemm id-deżinjazzjoni jekk, f'perjodu ta' sena mingħajr interruzzjoni, il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online ma jkollhiex għadd ta' riċevituri tas-servizz attivi medji fix-xahar ekwivalenti jew superjuri għall-għadd imsemmi fil-paragrafu 1.
6. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjonijiet tagħha skont il-paragrafi 4 u 5, mingħajr dewmien żejjed, lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew ta’ magna tat-tiftix online kkonċernat, lill-Bord u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-pjattaformi online kbar ħafna deżinjati tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandha żżommha aġġornata. L-obbligi stipulati f'din it-Taqsima għandhom japplikaw, jew jieqfu japplikaw, għall-pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati fi żmien erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 34
Valutazzjoni tar-riskju
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.
Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:
(a) | id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom; |
(b) | kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta; |
(c) | kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika; |
(d) | kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna. |
2. Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:
(a) | id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra; |
(b) | is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom; |
(c) | it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom; |
(d) | is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami; |
(e) | il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data. |
Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.
Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.
3. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.
Artikolu 35
Mitigazzjoni tar-riskji
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:
(a) | l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom; |
(b) | l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom; |
(c) | l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut; |
(d) | l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom; |
(e) | l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu; |
(f) | it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku; |
(g) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21; |
(h) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament; |
(i) | it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni; |
(j) | it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ; |
(k) | garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din. |
2. Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:
(a) | l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42; |
(b) | l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati. |
Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.
3. Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.
Artikolu 36
Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
1. Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a) | jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha; |
(b) | jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu; |
(c) | jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni. |
Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.
2. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.
3. Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) | l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta; |
(b) | id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati; |
(c) | l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. |
4. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:
(a) | tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni; |
(b) | tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u |
(c) | tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni. |
5. L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).
7. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.
8. Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:
(a) | tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu; |
(b) | testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur; |
(c) | tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta. |
9. Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.
10. Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.
11. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.
Artikolu 39
Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f'taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta' għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b'diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta' ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.
2. Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) | il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam; |
(b) | il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam; |
(c) | il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b); |
(d) | il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam; |
(e) | jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta' riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta' wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari; |
(f) | il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u identifikati skont l-Artikolu 26(2); |
(g) | l-għadd totali ta' riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta' riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam. |
3. Fir-rigward tal-paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jkun neħħa jew iddiżattiva l-aċċess għal reklam speċifiku abbażi tal-allegata illegalità jew inkompatibbiltà mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, ir-repożitorju ma għandux jinkludi l-informazzjoni msemmija f'dawk il-punti. F'dak il-każ, ir-repożitorju għandu jinkludi, għar-reklam speċifiku kkonċernat, l-informazzjoni msemmija, fl-Artikolu 17(3), punti (a) sa (e), jew fl-Artikolu 9(2), punt (a)(i), kif applikabbli.
Il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, ir-riċerkaturi verifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 40 u l-pubbliku, toħroġ linji gwida dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tar-repożitorji msemmija f'dan l-Artikolu.
Artikolu 42
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.
2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:
(a) | ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20; |
(b) | il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal; |
(c) | l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri. |
Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.
3. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):
(a) | rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34; |
(b) | il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1); |
(c) | ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4); |
(d) | ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6); |
(e) | fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju. |
5. Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.
Artikolu 43
Tariffa superviżorja
1. Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.
2. L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.
3. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:
(a) | id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2; |
(b) | id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c); |
(c) | id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u |
(d) | l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti. |
Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
5. L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:
(a) | l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti; |
(b) | it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33; |
(c) | l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti. |
6. It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).
7. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
Artikolu 45
Kodiċijiet ta' kondotta
1. Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.
2. Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.
3. Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.
4. Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.
Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.
Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.
Artikolu 48
Protokolli ta' kriżi
1. Il-Bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.
2. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:
(a) | il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra; |
(b) | l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41; |
(c) | meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi. |
3. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.
4. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:
(a) | il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi; |
(b) | ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(c) | proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi; |
(d) | proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati; |
(e) | salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni; |
(f) | proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi. |
5. Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
Artikolu 49
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar b’responsabbiltà għas-superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-infurzar ta' dan ir-Regolament ("awtoritajiet kompetenti").
2. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-superviżjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament f'dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.
Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skambji regolari tal-fehmiet bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.
Meta Stat Membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b'mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b'mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali sas-17 ta’ Frar 2024.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta' kuntatt tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom.
4. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-Artikoli 50, 51 u 56 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 56
Kompetenzi
1. L-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.
3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.
4. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.
5. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.
6. Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.
7. Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.
Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.
Artikolu 58
Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.
3. Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:
(a) | il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11; |
(b) | deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat; |
(c) | kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim. |
4. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.
5. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.
Artikolu 59
Riferiment lill-Kummissjoni
1. Fin-nuqqas ta' komunikazzjoni fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 58(5), fil-każ ta' nuqqas ta' qbil tal-Bord mal-valutazzjoni jew il-miżuri meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5), jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(3), il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas it-talba jew ir-rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, il-valutazzjoni minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tappoġġa r-riferiment.
2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwistjoni fi żmien xahrejn mir-riferiment tal-kwistjoni skont il-paragrafu 1, wara konsultazzjoni mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.
3. Meta, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni jew il-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5) jkunu insuffiċjenti biex jiżguraw l-infurzar effettiv jew inkompatibbli b'mod ieħor ma' dan ir-Regolament, din għandha tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord u titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jirrieżamina l-kwistjoni.
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu l-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-fehmiet u t-talba għal rieżami mill-Kummissjoni. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti jew lill-Bord li jkun ħa azzjoni skont l-Artikolu 58(1) jew (2), dwar il-miżuri meħuda fi żmien xahrejn minn dik it-talba għal rieżami.
Artikolu 67
Talbiet għal informazzjoni
1. Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.
2. Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.
3. Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
4. Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
5. Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.
6. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.
Artikolu 69
Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).
2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:
(a) | jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata; |
(b) | jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna; |
(c) | jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra; |
(d) | jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija; |
(e) | jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni; |
(f) | jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet; |
(g) | jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet. |
3. L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.
4. Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.
5. Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.
6. Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.
7. L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.
8. Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.
9. Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.
10. Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.
Artikolu 77
Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali
1. Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 74 u 76 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.
2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta' ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.
3. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta' ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. L-azzjonijiet li jinterrompu l-perjodu ta' limitazzjoni għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:
(a) | talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali; |
(b) | l-ispezzjoni; |
(c) | il-ftuħ ta' proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1). |
4. Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu. Iżda l-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta' preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta' penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta' preskrizzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.
5. Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 79
Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl
1. Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), l-Artikolu 74 jew 76, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) biex jinstemgħu dwar:
(a) | sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u |
(b) | miżuri li l-Kummissjoni jista' jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a). |
2. Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.
3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.
4. Id-drittijiet ta' difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta' divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna oħra kkonċernata mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jistipulaw tali termini ta' divulgazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, tal-Bord, tal-Koordinaturi tas-Servizz Diġitali, ta' awtoritajiet kompetenti jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-dritt ta' aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.
5. L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 67, 68 u 69 għandha tintuża biss għall-fini ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 82
Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali
1. Meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat kollha skont din it-Taqsima biex jitwaqqaf ksur ta' dan ir-Regolament, u l-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jaġixxi skont l-Artikolu 51(3).
Qabel ma tagħmel din it-talba lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien li ma għandux ikun inqas minn erbatax-il jum ta' xogħol, u jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom.
2. Meta l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament tkun teżiġi dan, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi b'inizjattiva tagħha stess, tista' tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti msemmija fl-Artikolu 51(3). Bil-permess tal-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni, din tista' tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.
Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħha biss, il-Kummissjoni tista' titlob lil dik l-awtorità ġudizzjarja biex tittrażmettilha jew tiżgura t-trażmissjoni lilha ta' kull dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.
3. Meta qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar kwistjoni li hija diġà s-suġġett ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, dik il-qorti nazzjonali ma għandha tieħu l-ebda deċiżjoni li tmur kontra dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f'kunflitt ma deċiżjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, qorti nazzjonali tista' tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE.
whereas