search


keyboard_tab Diritto d'autore 2019/0790 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0790 MT cercato: 'mill-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index mill-artikolu :

    TITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    TITOLU II
    MIŻURI LI JADATTAW L-EĊĊEZZJONIJIET U L-LIMITAZZJONIJIET GĦALL-AMBJENT DIĠITALI U TRANSFRUNTIER.

    TITOLU III
    MIŻURI BIEX JITTEJBU L-PRATTIKI TA' LIĊENZJAR U JIŻGURAW L-AĊĊESS USA' GĦALL-KONTENUT

    KAPITOLU 1
    Xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq

    KAPITOLU 2
    Miżuri li jiffaċilitaw il-liċenzjar kollettiv

    KAPITOLU 3
    L-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi tal-video-on-demand u d-disponibbiltà tagħhom

    KAPITOLU 4
    Xogħlijiet ta' arti viżiva fid-dominju pubbliku

    TITOLU IV
    MIŻURI BIEX JINKISEB SUQ GĦAD-DRITTIJIET TAL-AWTUR LI JAĦDEM SEW

    KAPITOLU 1
    Drittijiet fil-pubblikazzjonijiet

    KAPITOLU 2
    Ċerti użi ta' kontenut protett minn servizzi online

    KAPITOLU 3
    Emunerazzjoni ġusta fil-kuntratti ta' sfruttament ta' awturi u artisti

    TITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas mill-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 551

 

Artikolu 3

Estrazzjoni tat-test u tad-data għal skopijiet ta' riċerka xjentifika

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni għad-drittijiet previsti mill-artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva għar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta' riċerka u istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex iwettqu, għall-fini tar-riċerka xjentifika, estrazzjoni tat-test u tad-data ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalih għandhom aċċess legali.

2.   Kopji ta' xogħlijiet jew materjal ieħor magħmulin f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jinħażnu b'livell xieraq ta' sigurtà u jistgħu jinżammu għall-finijiet ta' riċerka xjentifika, inkluż għall-verifika tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jitħallew japplikaw miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u l-bażijiet tad-data fejn huma ospitati ix-xogħlijiet jew materjal ieħor. Dawn il-miżuri m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali biex jiddefinixxi l-aqwa prassi miftiehma dwar l-applikazzjoni tal-obbligu u tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament.

Artikolu 4

Eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-estrazzjoni tat-test u tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva preżenti għar-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet ta' xogħlijiet legali aċċessibbli u suġġett oħrajn għall-iskopijiet ta' estrazzjoni ta' test u ta' data.

2.   Ir-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 1 jistgħu jinżammu sakemm ikun neċessarju għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-test u tad-data.

3.   L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti mill-paragrafu 1 għandhom japplikaw bil-kundizzjoni li l-użu tax-xogħlijiet u suġġetti oħra msemmija f'dak il-paragrafu ma jkunux ġew espressament riżervati mid-detenturi tad-drittijiet tagħhom b'mod xieraq, bħal mezzi li jinqraw minn magna għall-kontenut fil-każ ta' kontenut li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 5

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali u transfruntier

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-artikolu 5(a), (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva sabiex jippermettu l-użu diġitali ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim, sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li tali l-użu:

(a)

isir fi taħt ir-responsabbiltà ta' stabbiliment edukattiv, fil-binjiet tiegħu jew f'postijiet oħra, jew permezz ta' netwerk elettroniku sigur, aċċessibbli biss mill-istabbilimenti edukattivi tal-istudenti u l-għalliema; u

(b)

ikun akkumpanjat bl-indikazzjoni tas-sors, inkluż l-isem tal-awtur, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli.

2.   Minkejja l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni adottata skont il-paragrafu 1 ma tapplikax jew ma tapplikax fir-rigward ta' użi jew tipi speċifiċi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, bħal materjal li huwa prinċipalment maħsub għas-suq tal-edukazzjoni jew partituri, sal-punt li liċenzji adegwati li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jkopru l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-istabbilimenti edukattivi ikunu disponibbli faċilment fis-suq.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-liċenzji li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huma disponibbli u viżibbli b'mod adatt għall-istabbilimenti edukattivi.

3.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim permezz ta' ambjenti elettroniċi sikuri li jkunu ttieħdu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-istabbiliment edukattiv.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor protetti tagħhom skont il-paragrafu 1.

Artikolu 8

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, f'konformità mal-mandati tagħha mid-detenturi tad-drittijiet, tista' tikkonkludi liċenzja mhux esklużiva għal skopijiet mhux kummerċjali ma' istituzzjoni tal-wirt kulturali għar-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-disponibbiltà tal-pubbliku ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor li jkunu permanentement fil-kollezzjoni tal-istituzzjoni, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha koperti mil-liċenzja ikunux taw mandat lill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv għandha, abbażi ta' mandati tagħha, li jirrappreżentaw b'mod suffiċjenti lid-detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja; u

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-artikolu 5(a) (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, bil-għan li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, jagħmlu, għal skopijiet mhux kummerċjali, xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq u li jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom disponibbli, bil-kundizzjoni li:

(a)

jiġi indikat l-isem tal-awtur jew kwalunkwe detentur tad-dritt identifikabbli ieħor, sakemm dan ma jinstabx li jkun impossibbli; u

(b)

dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor huma disponibbli fuq siti web mhux kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2 japplikaw biss għal tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom ma teżisti l-ebda organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet kollha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, b'mod faċli u effikaċi, jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit fil-paragrafu 1 jew mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2, jew b'mod ġenerali jew f'każijiet speċifiċi, fosthom wara l-konklużjoni ta' liċenzja jew wara l-bidu tal-użu kkonċernat.

5.   Xogħol jew materjal ieħor għandhom jitqiesu li mhumiex fis-suq meta ikun jista' jiġi preżunt in bona fede li x-xogħol jew materjal ieħor sħaħ ma jkunux disponibbli għall-pubbliku permezz tal-mezzi tas-soltu tal-kummerċ, wara li jkun sar sforz raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk huwiex disponibbli għall-pubbliku.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, bħad-data tal-iskadenza, biex jiddeterminaw jekk ix-xogħlijiet u materjal ieħor jistgħux jiġu lliċenzjati skont il-paragrafu 1 jew jekk jintużawx skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fil-paragrafu 2. Tali rekwiżiti m'għandhomx jestendu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u raġonevoli, u m'għandhomx jipprekludu li jkun jista' jiġi ddeterminat li sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor bħala entità sħiħa mhuwiex fis-suq, meta huwa raġonevoli li jiġi preżunt li x-xogħlijiet jew materjal ieħor mhumiex fis-suq.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-liċenzji imsemmija fil-paragrafu 1 jitfittxu minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li hija rappreżentattiva tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali.

7.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal settijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jekk, abbażi tal-isforz raġonevoli msemmi fil-paragrafu 5, ikun hemm evidenza li tali settijiet jikkonsistu l-aktar f':

(a)

xogħlijiet jew materjal ieħor, ħlief għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni, li xxandar għall-ewwel darba f'pajjiż terz;

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi, li l-produtturi tagħhom għandhom il-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż terz; jew

(c)

ix-xogħlijiet jew materjal ieħor ta' ċittadini ta' pajjiż terz, meta wara sforz raġonevoli l-ebda Stat Membru jew pajjiż terz ma setgħa jiġi determinat skont il-punti (a) u (b).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, dan l-Artikolu għandu japplika fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentattiva biżżejjed fis-sens tat-tifsira tal-punt (a) tal-paragrafu 1, tad-detenturi tad-dritt tal-pajjiż terz rilevanti.

Artikolu 10

Miżuri ta' pubbliċità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għall-iskopijiet ta' identifikazzjoni ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq koperti minn liċenzja mogħtija skont l-Artikolu 8(1), jew użati taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4), u, malli tkun disponibbli u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-partijiet għal-liċenzja, it-territorji koperti u l-użi, tkun permanentement, faċilment u effettivament disponibbli f'portal pubbliku online wieħed minn tal-anqas sitt xhur qabel ma x-xogħlijiet u materjal ieħor jiġu distribwiti, ikkomunikati lill-pubbliku jew magħmula disponibbli lill-pubbliku f'konformità mal-liċenzja jew taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni.

Il-portal għandu jiġi stabbilit u amministrat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, jekk meħtieġ għas-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-detenturi tad-drittijiet, jittieħdu miżuri ta' pubbliċità xierqa addizzjonali rigward il-kapaċità għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jilliċenzjaw xogħlijiet jew materjal ieħor skont l-Artikolu 8, il-liċenzji mogħtija, l-użi skont l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti mill-artikolu 8(2) u l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Il-miżuri ta' pubbliċità xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jittieħdu fl-Istat Membru fejn tintalab il-liċenzja skont l-Artikolu 8(1) jew, għal użi taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali. Jekk ikun hemm evidenza, bħall-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, li tissuġġerixxi li s-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista' ssir b'mod aktar effiċjenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, tali miżuri ta' pubbliċità għandhom ikopru wkoll lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Artikolu 15

Il-protezzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa fir-rigward tal-użi online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa stabbiliti fi Stat Membru bid-drittijiet previsti mill-artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-użu online tal-pubblikazzjonijiet stampati tagħhom min-naħa ta' fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw għall-użi privati jew mhux kummerċjali ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn utenti individwali.

Il-protezzjoni mogħtija taħt l-ewwel subparagrafu m'għandhiex tapplika għal atti ta' hyperlinking.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw fir-rigward tal-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjoni tal-istampa.

2.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom iħallu kif inhuma u m'għandhom bl-ebda mod jaffettwaw kwalunkwe dritt previst mil-liġi tal-Unjoni lill-awturi u lil detenturi oħra tad-drittijiet, fir-rigward ta' xogħolhom u materjal ieħor inklużi f'pubblikazzjoni tal-istampa. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati kontra dawn l-awturi u detenturi tad-drittijiet oħra u, b'mod partikolari, ma għandhomx jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jisfruttaw ix-xogħlijiet tagħhom u materjal ieħor indipendentement mill-pubblikazzjoni tal-istampa, li jkunu jinstabu fihom.

Meta xogħol jew materjal ieħor ikunu inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa fuq il-bażi ta' liċenzja mhux esklużiva, id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu min-naħa ta' utenti awtorizzati oħra. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li l-protezzjoni għalihom tkun skadiet.

3.   L-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2012/28/UE u d-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiskadu sentejn wara li l-pubblikazzjoni tal-istampa tkun ġiet ippubblikata. Dak it-terminu għandu jiġi kkalkulat mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-data li fiha ġiet ippubblikata dik il-pubblikazzjoni.

Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal pubblikazzjonijiet tal-istampa ppubblikati għall-ewwel darba qabel is-6 ta' Ġunju 2019..

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li awturi ta' xogħlijiet inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa jirċievu sehem xieraq mid-dħul li l-pubblikaturi tal-istampa jirċievu għall-użu tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.


whereas









keyboard_arrow_down