search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'ulterjuri' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index ulterjuri:


whereas ulterjuri:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 536

 

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 22

Assistenza reċiproka u kooperazzjoni transfruntiera

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku. il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin, biex jimplimentaw dan il-Kapitolu b'mod konsistenti.

2.   Kwalunkwe data skambjata fil-kuntest ta' assistenza mitluba u pprovduta skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tintuża b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet.

3.   Meta korp tas-settur pubbliku jkollu l-intenzjoni li jitlob data mingħand detentur tad-data stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 f’dak l-Istat Membru, b'dik l-intenzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal talbiet mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u minn korpi tal-Unjoni. It-talba għandha tiġi eżaminata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

4.   Wara li tkun eżaminat it-talba fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tittrażmetti t-talba lid-detentur tad-data u, jekk ikun applikabbli, tagħti parir lill-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni dwar il-ħtieġa, jekk ikun hemm, biex jikkooperaw mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq id-detentur tad-data biex jikkonforma mat-talba;

(b)

tirrifjuta t-talba għal raġunijiet debitament sostanzjati, f'konformità ma' dan il-Kapitolu.

Il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom iqisu l-parir u r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-ewwel subparagrafu qabel kwalunkwe azzjoni ulterjuri bħas-sottomisjoni tat-talba, jekk ikun applikabbli.

KAPITOLU VI

QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 44

Atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi dwar l-aċċess u l-użu tad-data

1.   L-obbligi speċifiċi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data bejn in-negozji, bejn in-negozji u l-konsumaturi, u fuq bażi eċċezzjonali bejn in-negozji u l-korpi pubbliċi, fl-atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fi jew qabel il-11 ta’ Jannar 2024, u l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni skonthom, għandhom jibqgħu mhux affettwati.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tispeċifika, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' settur, spazju komuni Ewropew tad-data, jew qasam ta' interess pubbliku, rekwiżiti ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

l-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data;

(b)

l-limiti fuq id-drittijiet tad-detenturi tad-data li jaċċessaw jew jużaw ċerta data pprovduta mill-utenti;

(c)

aspetti li jmorru lil hinn mill-aċċess u l-użu tad-data.

3.   Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu V, huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li tipprevedi l-aċċess għad-data u l-awtorizzazzjoni tal-użu tagħha għal finijiet ta' riċerka xjentifika.


whereas









keyboard_arrow_down