search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'reġistru' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index reġistru:


whereas reġistru:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 919

 

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 26

Obbligu ta' informazzjoni tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data

Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi lill-klijent:

(a)

b'informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-qlib u t-trasferiment għas-servizz tal-ipproċessar tad-data, inkluż informazzjoni dwar il-metodi u l-formati disponibbli tal-qlib u tat-trasferiment kif ukoll ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tekniċi li huma magħrufa mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(b)

b'referenza għal reġistru online aġġornat ospitat mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, bid-dettalji tal-istrutturi tad-data u l-formati tad-data kollha kif ukoll l-istandards rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà, li fihom tkun disponibbli d-data li tista' tiġi esportata msemmija fl-Artikolu 25 (1a), punt (e).

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 37

Awtoritajiet kompetenti u koordinaturi tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar ta' dan ir-Regolament (awtoritajiet kompetenti). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar jew jiddependu fuq awtoritajiet eżistenti.

2.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jaħtar koordinatur tad-data minn fosthom biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u biex jassisti lill-entitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom skont il-paragrafu 5, jikkooperaw ma' xulxin.

3.   L-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn jikkonċerna l-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni. Meta rilevanti, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika mutatis mutandis.

Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

għal kwistjonijiet speċifiċi ta' aċċess u użu tad-data settorjali relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kompetenza tal-awtoritajiet settorjali għandha tiġi rispettata;

(b)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u 35 għandu jkollha esperjenza fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti jkunu definiti b'mod ċar u jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni tal-litteriżmu fid-data fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament;

(b)

it-trattament ta' lmenti relatati ma' allegat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward ta' sigrieti kummerċjali, u investigazzjoni, sa fejn ikun xieraq, tas-suġġett tal-ilmenti u l-infurmar regolari lill-ilmentaturi, fejn rilevanti f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun neċessarja aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(c)

it-twettiq ta' investigazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni rċevuta minn awtorità superviżorja jew minn awtorità pubblika oħra;

(d)

l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b'effett retroattiv, jew il-bidu ta' proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta' multi;

(e)

il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjalment rilevanti ta' rilevanza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u għall-użu tad-data;

(f)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni jew mal-EDIB, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effiċjenti ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed, inkluż fir-rigward tal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu;

(g)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' atti legali oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjoni elettronika, mal-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-awtoritajiet settorjali biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi infurzat b'mod konsistenti ma' liġijiet oħra tal-Unjoni u nazzjonali;

(h)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jiġi żgurat li l-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u l-Artikolu 35 jiġu infurzati b'mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-awtoregolamentazzjoni applikabbli għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(i)

l-iżgurar li l-imposti għall-qlib jiġu rtirati f'konformità mal-Artikolu 29;

(j)

l-eżami tat-talbiet għad-data magħmula skont il-Kapitolu V.

Meta jinħatar, il-koordinatur tad-data għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni msemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu u għandu jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

6.   Il-koordinatur tad-data, fejn tkun inħatret tali awtorità kompetenti, għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet biex id-data ssir disponibbli magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku fil-każ ta' ħtieġa eċċezzjonali skont il-Kapitolu V u jippromwovi l-ftehimiet volontarji dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn il-korpi tas-settur pubbliku u d-detenturi tad-data;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar ir-rifjuti nnotifikati skont l-Artikolu 4(2) u (8) u l-Artikolu 5(11).

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kompiti u s-setgħat tagħhom u, fejn applikabbli, l-isem tal-koordinatur tad-data. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku ta' dawk l-awtoritajiet.

8.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibqgħu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet għal każijiet individwali minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra jew minn kwalunkwe parti privata.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw ir-riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti u l-għarfien espert biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

10.   Entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-kompetenza tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità. Meta l-entità tkun stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tiġi kkunsidrata li tkun taħt il-kompetenza tal-Istat Membru li fih ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha, jiġifieri, fejn l-entità jkollha l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha minn fejn jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

11.   Kwalunkwe entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, u li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri.

12.   Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, rappreżentant legali għandu jingħata mandat minn entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni li għandhom jiġu indirizzati flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma' dik l-entità. Dak ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u jurihom b'mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

13.   Entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, għandha titqies li taqa' taħt il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali tagħha. Il-ħatra ta' rappreżentant legali minn tali entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’, u kwalunkwe azzjoni legali li tista' tinbeda kontra, tali entità. Sakemm entità taħtar rappreżentant legali f'konformità ma' dan l-Artikolu, hija għandha tkun taħt il-kompetenza tal-Istati Membri kollha, fejn applikabbli, għall-finijiet tal-iżgurar tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe awtorità kompetenti tista' teżerċita l-kompetenza tagħha, inkluż billi timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, dment li l-entità ma tkunx soġġetta għal proċedimenti ta' infurzar skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-istess fatti minn awtorità kompetenti oħra.

14.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand l-utenti, id-detenturi tad-data, jew ir-riċevituri tad-data, jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi vverifikata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu sottostanti u għandha tkun motivata.

15.   Meta awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed titlob assistenza jew miżuri ta' infurzar minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. Malli tirċievi talba bħal din, awtorità kompetenti għandha tipprovdi tweġiba, bid-dettalji dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li huma maħsuba li jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed.

16.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u kummerċjali u għandhom jipproteġu d-data personali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest ta' talba għal assistenza u mogħtija skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 40

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom, sat-12 ta’ Settembru 2025 jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u l-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment u żżomm reġistru pubbliku faċilment aċċessibbli ta' dawk il-miżuri.

3.   L-Istati Membri għandhom iqisu -rakkomandazzjonijiet tal-EDIB u l-kriterji mhux eżawrjenti li ġejjin għall-impożizzjoni ta' penali għall-ksur ta' dan ir-Regolament:

(a)

in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-parti li tkun wettqet il-ksur biex ittaffi jew tirrimedja għall-ħsara kkawżata mill-ksur;

(c)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-parti li tkun wettqet il-ksur;

(d)

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-parti li wettqet il-ksur minħabba l-ksur, sakemm tali benefiċċji jew telf jistgħu jiġu stabbiliti b'mod affidabbli;

(e)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ;

(f)

il-fatturat annwali tal-kontraventur fis-sena finanzjarja preċedenti fl-Unjoni.

4.   Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II, III u V ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, jimponu multi amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta' dak ir-Regolament.

5.   Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament, is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tista' timponi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, multi amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2018/1725 sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) ta' dak ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down