search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'online' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index online:


whereas online:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1025

 

Artikolu 17

Talbiet biex data ssir disponibbli

1.   Meta jitolbu data skont l-Artikolu 14, korp tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom:

(a)

jispeċifikaw id-data meħtieġa, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data;

(b)

juru li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tal-ħtieġa eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 15 li għall-fini tagħha qed tintalab id-data huma ssodisfati;

(c)

jispjegaw l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, inkluż, fejn applikabbli, minn parti terza f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, it-tul ta' żmien ta' dak l-użu, u, fejn ikun rilevanti, kif l-ipproċessar ta' data personali ser jindirizza l-ħtieġa eċċezzjonali;

(d)

jispeċifikaw, jekk ikun possibbli, meta d-data tkun mistennija li titħassar mill-partijiet kollha li jkollhom aċċess għaliha;

(e)

jiġġustifikaw l-għażla tad-detentur tad-data li lilu tkun indirizzata t-talba;

(f)

jispeċifikaw kwalunkwe korp ieħor tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni u l-partijiet terzi li magħhom tkun mistennija tiġi kondiviża d-data mitluba;

(g)

meta tintalab data personali, jispeċifikaw kwalunkwe miżura teknika u organizzattiva neċessarja u proporzjonata għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji neċessarji, bħall-psewdonimizzazzjoni, u jekk tistax tiġi applikata anonimizzazzjoni mid-detentur tad-data qabel ma jagħmel id-data disponibbli;

(h)

jispeċifikaw id-dispożizzjoni legali li talloka lill-korp tas-settur pubbliku li jagħmel it-talba, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku rilevanti għat-talba tad-data;

(i)

jispeċifikaw l-iskadenza sa meta d-data trid issir disponibbli u l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(2) sa meta d-detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika tat-talba;

(j)

jagħmlu l-aħjar almu tagħhom biex jevitaw il-konformità mat-talba għad-data li tirriżulta fir-responsabbiltà tad-detenturi tad-data għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Talba għad-data magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)

issir bil-kitba u tkun ifformulata b'lingwaġġ ċar, konċiż u sempliċi li jista' jinftiehem mid-detentur tad-data;

(b)

tkun speċifika fir-rigward tat-tip ta' data mitluba u tikkorrispondi għal data li d-detentur tad-data jkollu kontroll fuqha fil-mument tat-talba;

(c)

tkun proporzjonata għall-ħtieġa eċċezzjonali u debitament ġustifikata, fir-rigward tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u l-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba;

(d)

tirrispetta l-għanijiet leġittimi tad-detentur tad-data, filwaqt li tintrabat li tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'konformità mal-Artikolu 19(3), u b'kont meħud tal-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;

(e)

tikkonċerna data mhux personali, u fil-każ biss li jintwera li dan mhux biżżejjed għar-rispons għall-ħtieġa eċċezzjonali li tintuża d-data, f'konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (a), tintalab data personali f'forma psewdonimizzata u tistabbilixxi l-miżuri tekniċi u organizzattivi li jridu jittieħdu biex tiġi protetta d-data;

(f)

tinforma lid-detentur tad-data dwar il-penali li jiġu imposti skont l-Artikolu 40 mill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-talba;

(g)

meta t-talba ssir minn korp tas-settur pubbliku, tiġi trażmessa lill-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 37 tal-Istat Membrufejn il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti jkun stabbilit, li għandu jagħmel it-talba disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed sakemm il-koordinatur tad-data ma jqisx li tali pubblikazzjoni toħloq riskju għas-sigurtà pubblika.

(h)

meta t-talba ssir mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni, issir disponibbli online mingħajr dewmien żejjed;

(i)

meta tintalab data personali, tiġi nnotifikata mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità superviżorja iresponsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp tas-settur pubbliku.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-talbiet tagħhom.

3.   Korp tas-settur pubbliku il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu d-data miksuba skont dan il-Kapitolu disponibbli għall-użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2022/868 jew l-Artikolu 2, il-punt 11, tad-Direttiva (UE) 2019/1024. Ir-Regolament (UE) 2022/868 u d-Direttiva (UE) 2019/1024 ma għandhomx japplikaw għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku miksuba skont dan il-Kapitolu.

4.   Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jipprekludix lil korp tas-settur pubbliku,lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni milli jiskambjaw data miksuba skont dan il-Kapitolu ma' korp ieħor tas-settur pubbliku jew mal-Kummissjoni, mal-Bank Ċentrali Ewropew jew ma' korp tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkompletaw il-kompiti msemmija fl-Artikolu 15, kif speċifikat fit-talba f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (f), ta' dan l-Artikolu jew li jagħmlu d-data disponibbli għal parti terza meta dan ikun iddelega, permezz ta' ftehim disponibbli għall-pubbliku, spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra lil dik il-parti terza. L-obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku skont l-Artikolu 19, b'mod partikolari s-salvagwardji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, għandhom japplikaw ukoll għal dawn il-partijiet terzi. Meta korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont dan il-paragrafu, huma għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data mingħajr dewmien żejjed.

5.   Meta d-detentur tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu skont dan il-Kapitolu jkunu nkisru bit-trażmissjoni jew bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudell għat-talbiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Obbligu ta' informazzjoni tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data

Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi lill-klijent:

(a)

b'informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-qlib u t-trasferiment għas-servizz tal-ipproċessar tad-data, inkluż informazzjoni dwar il-metodi u l-formati disponibbli tal-qlib u tat-trasferiment kif ukoll ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tekniċi li huma magħrufa mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(b)

b'referenza għal reġistru online aġġornat ospitat mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, bid-dettalji tal-istrutturi tad-data u l-formati tad-data kollha kif ukoll l-istandards rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà, li fihom tkun disponibbli d-data li tista' tiġi esportata msemmija fl-Artikolu 25 (1a), punt (e).

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 37

Awtoritajiet kompetenti u koordinaturi tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar ta' dan ir-Regolament (awtoritajiet kompetenti). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar jew jiddependu fuq awtoritajiet eżistenti.

2.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jaħtar koordinatur tad-data minn fosthom biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u biex jassisti lill-entitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom skont il-paragrafu 5, jikkooperaw ma' xulxin.

3.   L-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn jikkonċerna l-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni. Meta rilevanti, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika mutatis mutandis.

Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

għal kwistjonijiet speċifiċi ta' aċċess u użu tad-data settorjali relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kompetenza tal-awtoritajiet settorjali għandha tiġi rispettata;

(b)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u 35 għandu jkollha esperjenza fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti jkunu definiti b'mod ċar u jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni tal-litteriżmu fid-data fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament;

(b)

it-trattament ta' lmenti relatati ma' allegat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward ta' sigrieti kummerċjali, u investigazzjoni, sa fejn ikun xieraq, tas-suġġett tal-ilmenti u l-infurmar regolari lill-ilmentaturi, fejn rilevanti f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun neċessarja aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(c)

it-twettiq ta' investigazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni rċevuta minn awtorità superviżorja jew minn awtorità pubblika oħra;

(d)

l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b'effett retroattiv, jew il-bidu ta' proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta' multi;

(e)

il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjalment rilevanti ta' rilevanza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u għall-użu tad-data;

(f)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni jew mal-EDIB, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effiċjenti ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed, inkluż fir-rigward tal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu;

(g)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' atti legali oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjoni elettronika, mal-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-awtoritajiet settorjali biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi infurzat b'mod konsistenti ma' liġijiet oħra tal-Unjoni u nazzjonali;

(h)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jiġi żgurat li l-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u l-Artikolu 35 jiġu infurzati b'mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-awtoregolamentazzjoni applikabbli għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(i)

l-iżgurar li l-imposti għall-qlib jiġu rtirati f'konformità mal-Artikolu 29;

(j)

l-eżami tat-talbiet għad-data magħmula skont il-Kapitolu V.

Meta jinħatar, il-koordinatur tad-data għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni msemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu u għandu jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

6.   Il-koordinatur tad-data, fejn tkun inħatret tali awtorità kompetenti, għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet biex id-data ssir disponibbli magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku fil-każ ta' ħtieġa eċċezzjonali skont il-Kapitolu V u jippromwovi l-ftehimiet volontarji dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn il-korpi tas-settur pubbliku u d-detenturi tad-data;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar ir-rifjuti nnotifikati skont l-Artikolu 4(2) u (8) u l-Artikolu 5(11).

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kompiti u s-setgħat tagħhom u, fejn applikabbli, l-isem tal-koordinatur tad-data. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku ta' dawk l-awtoritajiet.

8.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibqgħu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet għal każijiet individwali minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra jew minn kwalunkwe parti privata.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw ir-riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti u l-għarfien espert biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

10.   Entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-kompetenza tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità. Meta l-entità tkun stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tiġi kkunsidrata li tkun taħt il-kompetenza tal-Istat Membru li fih ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha, jiġifieri, fejn l-entità jkollha l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha minn fejn jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

11.   Kwalunkwe entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, u li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri.

12.   Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, rappreżentant legali għandu jingħata mandat minn entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni li għandhom jiġu indirizzati flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma' dik l-entità. Dak ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u jurihom b'mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

13.   Entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, għandha titqies li taqa' taħt il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali tagħha. Il-ħatra ta' rappreżentant legali minn tali entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’, u kwalunkwe azzjoni legali li tista' tinbeda kontra, tali entità. Sakemm entità taħtar rappreżentant legali f'konformità ma' dan l-Artikolu, hija għandha tkun taħt il-kompetenza tal-Istati Membri kollha, fejn applikabbli, għall-finijiet tal-iżgurar tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe awtorità kompetenti tista' teżerċita l-kompetenza tagħha, inkluż billi timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, dment li l-entità ma tkunx soġġetta għal proċedimenti ta' infurzar skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-istess fatti minn awtorità kompetenti oħra.

14.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand l-utenti, id-detenturi tad-data, jew ir-riċevituri tad-data, jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi vverifikata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu sottostanti u għandha tkun motivata.

15.   Meta awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed titlob assistenza jew miżuri ta' infurzar minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. Malli tirċievi talba bħal din, awtorità kompetenti għandha tipprovdi tweġiba, bid-dettalji dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li huma maħsuba li jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed.

16.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u kummerċjali u għandhom jipproteġu d-data personali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest ta' talba għal assistenza u mogħtija skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Settembru 2025.

L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) għandu japplika għall-prodotti konnessi u s-servizzi relatati magħhom imqiegħda fis-suq wara t-12 ta’ Settembru 2026.

Il-Kapitolu III għandu japplika biss fir-rigward tal-obbligi li d-data tkun magħmula disponibbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tidħol fis-seħħ wara t-12 ta’ Settembru 2025.

Il-Kapitolu IV għandu japplika għall-kuntratti konklużi wara t-12 ta’ Settembru 2025.

Il-Kapitolu IV għandu japplika mit-12 ta’ Settembru 2027 għall-kuntratti konklużi fi jew qabel it-12 ta’ Settembru 2025 dment li jkunu:

(a)

ta' durata ta' żmien indefinit; jew

(b)

ser jiskadu mill-inqas 10 snin mll-11 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 402, 19.10.2022, p. 5.

(2)   ĠU C 365, 23.9.2022, p. 18.

(3)   ĠU C 375, 30.9.2022, p. 112.

(4)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023.

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(10)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(11)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).

(13)  Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-19 ta' Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(14)  Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2023 dwar Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 118).

(15)  Direttiva (UE) 2023/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2023 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminal (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 181).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(19)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni. (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(20)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE. (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(24)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

(25)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku') (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(27)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(29)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(30)  Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa. (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).

(31)  Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).

(33)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(35)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(37)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(38)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(39)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)



whereas









keyboard_arrow_down