search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'limitat' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index limitat:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI
  • 1 Artikolu 2 Definizzjonijiet

  • KAPITOLU III
    OBBLIGI GĦAD-DETENTURI TAD-DATA OBBLIGATI LI JAGĦMLU D-DATA DISPONIBBLI SKONT IL-LIĠI TAL-UNJONI

    KAPITOLU IV
    TERMINI KUNTRATTWALI INĠUSTI RELATATI MAL-AĊĊESS GĦAD-DATA U L-UŻU BEJN L-INTRAPRIŻI

    KAPITOLU V
    IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI
  • 1 Artikolu 15 Ħtieġa eċċezzjonali li tintuża data

  • KAPITOLU VI
    QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA
  • 1 Artikolu 30 Aspetti tekniċi tal-qlib

  • KAPITOLU VII
    AĊĊESS U TRASFERIMENT GOVERNATTIV INTERNAZZJONALI ILLEGALI TA' DATA MHUX PERSONALI
  • 1 Artikolu 31 Reġim speċifiku għal ċerti servizzi tal-ipproċessar tad-data

  • KAPITOLU VIII
    INTEROPERABBILTÀ

    KAPITOLU IX
    IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

    KAPITOLU X
    DRITT SUI GENERIS SKONT ID-DIRETTIVA 96/9/KE

    KAPITOLU XI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas limitat:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 817

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"data" tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta' atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta' dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta' reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

" metadata" tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut jew tal-użu tad-data li tiffaċilita s-sejbien jew l-użu ta' dik id-data;

(3)

"data personali" tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

"data mhux personali" tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

"prodott konness" tfisser oġġett li jikseb, jiġġenera jew jiġbor data dwar l-użu jew l-ambjent tiegħu u li jkun jista' jikkomunika data ta' prodott permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, u li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin, l-ipproċessar jew it-trażmissjoni tad-data f'isem kwalunkwe parti għajr l-utent;

(6)

"servizz relatat" tfisser servizz diġitali, għajr servizz tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż software, li jkun konness mal-prodott fil-mument tax-xiri, kiri jew lokazzjoni b'tali mod li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott konness milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, jew li sussegwentement ikun konness mal-prodott mill-manifattur jew parti terza biex iżid, jaġġorna jew jadatta l-funzjonijiet tal-prodott konness;

(7)

"ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data jew fuq settijiet ta' data, sew jekk b'mezzi awtomatizzati, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz ta' trażmissjoni, id-disseminazzjoni, jew mezzi oħra biex isiru disponibbli, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(8)

"servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali li jkun ipprovdut lil klijent u li jippermetti aċċess minn kullimkien u fuq talba għan-network għal grupp kondiviż ta' riżorsi tal-informatika konfigurabbli, skalabbli u elastiċi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna li jista' jiġi fornut malajr u rilaxxat bi sforz minimu ta' ġestjoni jew interazzjoni mal-fornitur tas-servizz;

(9)

"l-istess tip ta' servizz" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jaqsmu l-istess objettiv primarju, mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u funzjonalitajiet prinċipali;

(10)

"servizz ta' intermedjazzjoni tad-data" tfisser servizz ta' intermedjazzjoni tad-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2022/868;

(11)

"suġġett tad-data" tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12)

"utent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta' prodott konness jew li lilha jkunu ġew ittrasferiti kuntrattwalment drittijiet temporanji għall-użu ta' dak il-prodott konness, jew li tirċievi servizzi relatati;

(13)

"detentur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha d-dritt jew l-obbligu, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni applikabbli jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tuża u tagħmel disponibbli data, inkluż, fejn miftiehem kuntrattwalment, data ta' prodott jew data ta' servizz relatat li tkun irkuprat jew iġġenerat matul il-forniment ta' servizz relatat;

(14)

"riċevitur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna, minbarra l-utent ta' prodott konness jew servizz relatat, li d-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli lilha, inkluż parti terza wara talba mill-utent lid-detentur tad-data jew f'konformità ma' obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(15)

"data ta' prodott" tfisser data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness li l-manifattur iddiżinja biex ikun tista' tiġi rkuprata, permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, minn utent, detentur tad-data jew parti terza, inkluż, fejn rilevanti, il-manifattur;

(16)

"data ta' servizz relatat" tfisser data li tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-utent jew tal-avvenimenti relatati mal-prodott konness, irreġistrata intenzjonalment mill-utent jew iġġenerata bħala prodott sekondarju tal-azzjoni tal-utent matul il-forniment ta' servizz relatat mill-fornitur;

(17)

"data faċilment disponibbli" tfisser data ta' prodott u data ta' servizz relatat li detentur tad-data jikseb legalment jew jista' jikseb legalment mill-prodott konness jew servizz relatat, mingħajr sforz sproporzjonat li jmur lil hinn minn operazzjoni sempliċi;

(18)

"sigriet kummerċjali" tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(19)

"detentur ta' sigriet kummerċjali" tfisser detentur ta' sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(20)

“tfassil tal-profil” tfisser tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(21)

"tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq" tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott konness għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew bi ħlas u anki mingħajru;

(22)

"tqegħid fis-suq" tfisser li prodott konness jitqiegħed għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(23)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jkunux fl-ambitu tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni ta' dik il-persuna;

(24)

"intrapriża" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward ta' kuntratti u prattiki koperti minn dan ir-Regolament, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

(25)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definit fl-Artikolu 2(1) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(26)

"mikrointrapriża" tfisser mikrointrapriża kif definit fl-Artikolu 2(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(27)

"korpi tal-Unjoni" tfisser il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti skont atti adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-TFUE jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;

(28)

"korp tas-settur pubbliku" tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u korpi regolati mil-liġi pubblika tal-Istati Membri, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar;

(29)

"emerġenza pubblika" tfisser sitwazzjoni eċċezzjonali, limitata fiż-żmien, bħal emerġenza tas-saħħa pubblika, emerġenza li tirriżulta minn diżastri naturali, diżastru kbir ħafna kkaġunat mill-bniedem, inkluż inċident maġġuri ta' ċibersigurtà, li taffettwa b'mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru sħiħ jew parti minnu, b'riskju ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema għall-kundizzjonijiet tal-għajxien jew l-istabbiltà ekonomika, l-istabbiltà finanzjarja, jew id-degradazzjoni sostanzjali u immedjata tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat Membru rilevanti u li hija determinata jew iddikjarata uffiċjalment f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(30)

"klijent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun daħlet f'relazzjoni kuntrattwali ma' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bl-objettiv li tuża servizz wieħed jew aktar tal-ipproċessar tad-data;

(31)

"assistenti virtwali" tfisser software li jista' jipproċessa d-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, inkluż dawk abbażi ta' awdjo, input bil-miktub, ġesti jew movimenti, u li, abbażi ta' dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla l-funzjonijiet tal-prodotti konnessi;

(32)

"assi diġitali" tfisser elementi f'forma diġitali, inkluż applikazzjonijiet, li għalihom il-klijent għandu d-dritt tal-użu, indipendentement mir-relazzjoni kuntrattwali mas-servizz tal-ipproċessar tad-data li biħsiebu jaqleb minnu;

(33)

“infrastruttura tal-ICT fuq il-post" tfisser infrastruttura tal-ICT u riżorsi tal-informatika li jkunu proprjetà tal klijent jew mikrija jew mogħtija b'lokazzjoni mill-klijent, li tinsab fiċ-ċentru tad-data tal-klijent innifsu u operata mill-klijent jew minn parti terza;

(34)

"qlib" tfisser il-proċess li jinvolvi fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u fornitur ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, fejn il-klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data jibdel mill-użu ta' servizz tal-ipproċessar tad-data wieħed għall-użu ta' servizz ieħor tal-ipproċessar tad-data tal-istess tip ta' servizz, jew servizz ieħor, offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż permezz tal-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-uploading tad-data;

(35)

"imposti tal-ħruġ ta' data" tfisser tariffi tat-trasferiment tad-data imposti fuq il-klijenti għall-estrazzjoni tad-data tagħhom permezz tan-network mill-infrastruttura tal-ICT ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura ICT fuq il-post;

(36)

"imposti tal-qlib" tfisser imposti, għajr it-tariffi tas-servizz standard jew penali għal terminazzjoni bikrija, imposti minn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq klijent għall-azzjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament għall-qlib għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż imposti tal-ħruġ tad-data;

(37)

"ekwivalenza funzjonali" tfisser l-istabbiliment mill-ġdid, abbażi tad-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tal-klijent, ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid tal-istess tip ta' servizz wara l-proċess ta' qlib, fejn is-servizz ta' pproċessar ta' data tad-destinazzjoni jagħti eżitu materjalment komparabbli b'rispons għall-istess input għal karatteristiċi kondiviżi pprovduti lill-klijent skont il-kuntratt;

(38)

"data li tista' tiġi esportata", għall-fini tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 35, tfisser id-data tal-input u l-output, inkluż il- metadata , iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu mill-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, minbarra kwalunkwe assi jew data protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, tal-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data jew ta’ partijiet terzi;

(39)

"kuntratt intelliġenti" tfisser programm tal-kompjuter użat għall-eżekuzzjoni awtomatizzata ta' ftehim jew parti minnu, bl-użu ta' sekwenza ta' rekords elettroniċi tad-data u l-iżgurar tal-integrità tagħhom u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġika tagħhom;

(40)

"interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' żewġ spazji jew aktar tad-data jew networks ta' komunikazzjoni, sistemi, prodotti konnessi, applikazzjonijiet, servizzi tal-ipproċessar tad-data jew komponenti għall-iskambju u għall-użu tad-data sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(41)

"speċifikazzjoni miftuħa tal-interoperabbiltà" tfisser speċifikazzjoni teknika, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni,, li hija orjentata lejn il-prestazzjoni biex jiksbu l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(42)

"speċifikazzjonijiet komuni" tfisser dokument, għajr standard, li jkun fih soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu mezz għall-konformità ma' ċerti rekwiżiti u obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament;

(43)

"standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

KAPITOLU II

KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI

Artikolu 15

Ħtieġa eċċezzjonali li tintuża data

1.   Ħtieġa eċċezzjonali li tintuża ċerta data skont it-tifsira ta' dan il-Kapitolu għandha tkun limitata fiż-żmien u l-kamp ta' applikazzjoni u għandha titqies li teżisti biss fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn id-data mitluba tkun neċessarja għar-rispons għal emerġenza pubblika u l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiksbu dik id-data b'mezz alternattiv fil-ħin u b'mod effettiv b'kundizzjonijiet ekwivalenti;

(b)

f'ċirkostanzi mhux koperti mill-punt (a) u sa fejn hija kkonċernata biss data mhux personali, fejn:

(i)

korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jkunu qed jaġixxu abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u jkunu identifikaw data speċifika, li mingħajrha ma jkunux jistgħu jwettqu kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku, li jkun previst espliċitament mil-liġi, bħalma huma l-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali jew il-mitigazzjoni ta' emerġenza pubblika jew l-irkupru minnha; u

(ii)

il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni jkunu eżawrew il-mezzi l-oħra kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiksbu dik id-data, inkluż, ix-xiri tad-data fis-suq billi joffru rati tas-suq, jew billi jiddependu fuq l-obbligi eżistenti biex id-data ssir disponibbli jew l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi ġodda li jistgħu jiggarantixxu d-disponibbiltà tad-data fil-ħin.

2.   Il-paragrafu 1, il-punt (b), ma għandux japplika għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar.

3.   L-obbligu li jintwera li l-korp tas-settur pubbliku ma setgħax jikseb data mhux personali billi jixtriha fis-suq ma għandux japplika fejn il-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku jkun il-produzzjoni ta' statistika uffiċjali u fejn ix-xiri ta' din id-data ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 31

Reġim speċifiku għal ċerti servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 23, il-punt (d), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30(1) u (3) ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li l-maġġoranza tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom ikunu nbnew apposta biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' klijent individwali jew fejn il-komponenti kollha jkunu ġew żviluppati għall-finijiet ta' klijent individwali, u fejn dawk is-servizzi tal-ipproċessar tad-data ma jiġux offruti fuq skala kummerċjali wiesgħa permezz tal-katalogu tas-servizzi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-obbligi stabbiliti f'dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti bħala verżjoni mhux tal-produzzjoni għall-finijiet tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni u għal perjodu ta' żmien limitat.

3.   Qabel il-konklużjoni ta' kuntratt dwar il-forniment tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija f'dan l-Artikolu, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent prospettiv dwar l-obbligi ta' dan il-Kapitolu li ma japplikawx.

KAPITOLU VII

AĊĊESS U TRASFERIMENT GOVERNATTIV INTERNAZZJONALI ILLEGALI TA' DATA MHUX PERSONALI


whereas









keyboard_arrow_down