search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'l-investigazzjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index l-investigazzjoni:


whereas l-investigazzjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 689

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati, fost-l-oħrajn, dwar:

(a)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta' prodotti u ta' servizzi relatati għall-utent tal-prodott konness jew servizz relatat;

(b)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għar-riċevituri tad-data;

(c)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għall-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku;

(d)

l-iffaċilitar tal-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(e)

l-introduzzjoni ta' salvagwardji kontra l-aċċess illegali ta' partijiet terzi għal data mhux personali;, u

(f)

l-iżvilupp ta' standards ta' interoperabbiltà għad-data li trid tiġi aċċessata, trasferita u użata.

2.   Dan ir-Regolament ikopri data personali u mhux personali, inkluż it-tipi ta' data li ġejjin, fil-kuntesti li ġejjin:

(a)

il-Kapitolu II japplika għad-data, bl-eċċezzjoni tal-kontenut, li tikkonċerna l-prestazzjoni, l-użu u l-ambjent ta' prodotti konnessi u servizzi relatati;

(b)

il-Kapitolu III japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat li hija soġġetta għal obbligi statutorji ta' kondiviżjoni tad-data;

(c)

il-Kapitolu IV japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat aċċessata u użata abbażi ta' kuntratti bejn intrapriżi;

(d)

il-Kapitolu V japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat b'enfasi fuq data mhux personali;

(e)

il-Kapitolu VI japplika għal kwalunkwe data u servizzi pproċessati mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)

il-Kapitolu VII japplika għal kwalunkwe data mhux personali miżmuma fl-Unjoni mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

manifatturi ta' prodotti konnessi mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u l-fornituri ta' servizzi relatati, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment ta' dawk il-manifatturi u l-fornituri;

(b)

utenti fl-Unjoni ta' prodotti konnessi jew servizzi relatati kif imsemmija fil-punt (a);

(c)

detenturi tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni;

(d)

riċevituri tad-data fl-Unjoni li għalihom tkun disponibbli d-data;

(e)

korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni li jitolbu lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli meta jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku u d-detenturi tad-data li jipprovdu dik id-data bi tweġiba għal talba bħal din;

(f)

fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jipprovdu tali servizzi lill-klijenti fl-Unjoni;

(g)

parteċipanti fi spazji tad-data u bejjiegħa ta' applikazzjonijiet li jużaw kuntratti intelliġenti u persuni li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim.

4.   Meta dan ir-Regolament jirreferi għal prodotti konnessi jew għal servizzi relatati, tali referenzi għandhom jinftiehmu wkoll li jinkludu assistenti virtwali sa fejn li dawn jinteraġixxu ma' prodott konness jew servizz relatat.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-integrità tat-tagħmir terminali, li għandu japplika għad-data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u mal-obbligi stabbiliti fih, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE, inklużi s-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Sa fejn l-utenti jkunu suġġetti tad-data, id-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament għandhom jikkomplementaw id-drittijiet ta' aċċess mis-suġġetti tad-data u d-drittijiet tal-portabbiltà tad-data skont l-Artikoli 15 u 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali jew tal-privatezza, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal, jew ma jħeġġiġx bil-quddiem, arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data bejn entitajiet privati u pubbliċi, b'mod partikolari arranġamenti volontarji għall-kondiviżjoni tad-data.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-atti legali tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal skopijiet doganali u ta’ tassazzjoni, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2021/784, (UE) 2022/2065 u (UE) 2023/1543 u d-Direttiva (UE) 2023/1544 jew il-kooperazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ġbir jew il-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal jew l-użu ta’ data skont ir-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849. Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi, jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa jew is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini.

7.   Dan ir-Regolament jikkumplimenta l-approċċ awtoregolatorju tar-Regolament (UE) 2018/1807 billi jżid obbligi applikabbli b'mod ġenerali dwar il-qlib tal-cloud.

8.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, b'mod partikolari d-Direttivi 2001/29/KE, 2004/48/KE u (UE) 2019/790.

9.   Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE, 2005/29/KE u 2011/83/UE.

10.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix il-konklużjoni ta' kuntratti volontarji legali għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż kuntratti konklużi fuq bażi reċiproka, li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Ir-relazzjoni ma’ obbligi oħra biex id-data ssir disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-korpi tal-Unjoni

1.   Dan il-Kapitolu ma għandux jaffettwa l-obbligi stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għall-finijiet tar-rapportar, il-konformità mat-talbiet għal aċċess għal informazzjoni jew il-wiri jew il-verifika tal-konformità ma' obbligi legali.

2.   Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għall-korpi tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għall-individwazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni. Dan il-Kapitolu ma jaffettwax il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali jew amministrattivi, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni.

Artikolu 37

Awtoritajiet kompetenti u koordinaturi tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar ta' dan ir-Regolament (awtoritajiet kompetenti). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar jew jiddependu fuq awtoritajiet eżistenti.

2.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jaħtar koordinatur tad-data minn fosthom biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u biex jassisti lill-entitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom skont il-paragrafu 5, jikkooperaw ma' xulxin.

3.   L-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn jikkonċerna l-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni. Meta rilevanti, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika mutatis mutandis.

Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

għal kwistjonijiet speċifiċi ta' aċċess u użu tad-data settorjali relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kompetenza tal-awtoritajiet settorjali għandha tiġi rispettata;

(b)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u 35 għandu jkollha esperjenza fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti jkunu definiti b'mod ċar u jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni tal-litteriżmu fid-data fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament;

(b)

it-trattament ta' lmenti relatati ma' allegat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward ta' sigrieti kummerċjali, u investigazzjoni, sa fejn ikun xieraq, tas-suġġett tal-ilmenti u l-infurmar regolari lill-ilmentaturi, fejn rilevanti f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun neċessarja aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(c)

it-twettiq ta' investigazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni rċevuta minn awtorità superviżorja jew minn awtorità pubblika oħra;

(d)

l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b'effett retroattiv, jew il-bidu ta' proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta' multi;

(e)

il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjalment rilevanti ta' rilevanza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u għall-użu tad-data;

(f)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni jew mal-EDIB, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effiċjenti ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed, inkluż fir-rigward tal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu;

(g)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' atti legali oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjoni elettronika, mal-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-awtoritajiet settorjali biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi infurzat b'mod konsistenti ma' liġijiet oħra tal-Unjoni u nazzjonali;

(h)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jiġi żgurat li l-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u l-Artikolu 35 jiġu infurzati b'mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-awtoregolamentazzjoni applikabbli għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(i)

l-iżgurar li l-imposti għall-qlib jiġu rtirati f'konformità mal-Artikolu 29;

(j)

l-eżami tat-talbiet għad-data magħmula skont il-Kapitolu V.

Meta jinħatar, il-koordinatur tad-data għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni msemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu u għandu jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

6.   Il-koordinatur tad-data, fejn tkun inħatret tali awtorità kompetenti, għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet biex id-data ssir disponibbli magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku fil-każ ta' ħtieġa eċċezzjonali skont il-Kapitolu V u jippromwovi l-ftehimiet volontarji dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn il-korpi tas-settur pubbliku u d-detenturi tad-data;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar ir-rifjuti nnotifikati skont l-Artikolu 4(2) u (8) u l-Artikolu 5(11).

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kompiti u s-setgħat tagħhom u, fejn applikabbli, l-isem tal-koordinatur tad-data. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku ta' dawk l-awtoritajiet.

8.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibqgħu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet għal każijiet individwali minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra jew minn kwalunkwe parti privata.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw ir-riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti u l-għarfien espert biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

10.   Entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-kompetenza tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità. Meta l-entità tkun stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tiġi kkunsidrata li tkun taħt il-kompetenza tal-Istat Membru li fih ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha, jiġifieri, fejn l-entità jkollha l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha minn fejn jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

11.   Kwalunkwe entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, u li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri.

12.   Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, rappreżentant legali għandu jingħata mandat minn entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni li għandhom jiġu indirizzati flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma' dik l-entità. Dak ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u jurihom b'mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

13.   Entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, għandha titqies li taqa' taħt il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali tagħha. Il-ħatra ta' rappreżentant legali minn tali entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’, u kwalunkwe azzjoni legali li tista' tinbeda kontra, tali entità. Sakemm entità taħtar rappreżentant legali f'konformità ma' dan l-Artikolu, hija għandha tkun taħt il-kompetenza tal-Istati Membri kollha, fejn applikabbli, għall-finijiet tal-iżgurar tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe awtorità kompetenti tista' teżerċita l-kompetenza tagħha, inkluż billi timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, dment li l-entità ma tkunx soġġetta għal proċedimenti ta' infurzar skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-istess fatti minn awtorità kompetenti oħra.

14.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand l-utenti, id-detenturi tad-data, jew ir-riċevituri tad-data, jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi vverifikata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu sottostanti u għandha tkun motivata.

15.   Meta awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed titlob assistenza jew miżuri ta' infurzar minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. Malli tirċievi talba bħal din, awtorità kompetenti għandha tipprovdi tweġiba, bid-dettalji dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li huma maħsuba li jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed.

16.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u kummerċjali u għandhom jipproteġu d-data personali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest ta' talba għal assistenza u mogħtija skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.


whereas









keyboard_arrow_down