search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'il-kunfidenzjalità' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index il-kunfidenzjalità:


whereas il-kunfidenzjalità:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 533

 

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 6

Obbligi ta' partijiet terzi li jirċievu data fuq talba tal-utent

1.   Parti terza għandha tipproċessa d-data li tkun saret disponibbli għaliha skont l-Artikolu 5 biss għall-finijiet u skont il-kundizzjonijiet miftiehma mal-utent u soġġett għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali inkluż id-drittijiet tas-suġġett tad-data sa fejn hija kkonċernata d-data personali. Il-parti terza għandha tħassar id-data meta din ma tibqax neċessarja għall-iskop miftiehem, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mal-utent fir-rigward tad-data mhux personali.

2.   Il-parti terza ma għandhiex:

(a)

tagħmel indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew tad-drittijiet skont l-Artikolu 5 u dan l-Artikolu mill-utent, inkluż billi toffri għażliet lill-utent b'mod mhux newtrali, jew billi iġġiegħel lill-utent, tqarraq bih jew timmanipulah, jew billi timmina jew tippreġudika l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent, inkluż permezz ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha;

(b)

minkejja l-Artikolu 22(2), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, tuża d-data li tirċievi għat-tfassil tal-profil, sakemm ma jkunx neċessarju li jiġi pprovdut is-servizz mitlub mill-utent;

(c)

tagħmel id-data li tirċievi disponibbli għal parti terza oħra, sakemm id-data ssir disponibbli abbażi ta’ kuntratt mal-utent, u dment li l-parti terza l-oħra tieħu l-miżuri kollha neċessarji miftiehma bejn id-detentur tad-data u l-parti terza biex tippreserva l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(d)

tagħmel id-data li tirċievi disponibbli għal impriża maħtura bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/1925;

(e)

tuża d-data li tirċievi biex tiżviluppa prodott li jikkompeti mal-prodott konness li minnu toriġina d-data aċċessata jew tikkondividi d-data ma' parti terza oħra għal dak il-għan; il-partijiet terzi ma għandhom ukoll jużaw l-ebda data mhux personali ta' prodott jew ta' servizz relatat magħmula disponibbli għalihom biex jiksbu għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tad-detentur tad-data jew l-użu minnu;

(f)

tuża d-data li tirċievi b'mod li jħalli impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-prodott konness jew tas-servizz relatat;

(g)

tinjora l-miżuri speċifiċi miftiehma ma’ detentur tad-data jew mad-detentur ta' sigriet kummerċjali skont l-Artikolu 5(9) u tikser il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(h)

tipprevjeni lill-utent li huwa konsumatur, inkluż abbażi ta' kuntratt, milli jagħmel id-data li jirċievi disponibbli għal partijiet oħrajn.

Artikolu 19

Obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi tal-Unjoni

1.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni li jirċievu data fuq talba magħmula skont l-Artikolu 14 għandhom:

(a)

ma jużawx id-data b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet;

(b)

ikunu implimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi li jippreservaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data mitluba u s-sigurtà tat-trasferimenti tad-data, b'mod partikolari d-data personali, u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

(c)

iħassru d-data hekk kif ma tibqax aktar neċessarja għall-għan iddikjarat u jinformaw lid-detentur tad-data u lill-individwi jew lill-organizzazzjonijiet li jkunu rċevew id-data skont l-Artikolu 21(1) mingħajr dewmien żejjed li d-data tkun tħassret, sakemm ma jkunx meħtieġ l-arkivjar tad-data f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-kuntest tal-obbligi ta' trasparenza.

2.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, korp tal-Unjoni jew parti terza li jirċievu data skont dan il-Kapitolu ma għandhomx:

(a)

jużaw id-data jew l-għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni jew ta' operat tad-detentur tad-data biex jiżviluppaw jew itejbu prodott konness jew servizz relatat li jikkompeti mal-prodott konness jew mas-servizz relatat tad-detentur tad-data;

(b)

jikkondividu d-data ma' parti terza oħra għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt (a).

3.   L-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali lil korp tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni għandu jkun meħtieġ biss sa fejn ikun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta' talba skont l-Artikolu 15. F'każ bħal dan, id-detentur tad-data jew, jekk ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li tkun protetta bħala sigriet kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti. Il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom, qabel l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji u xierqa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, inkluż, skont kif ikun xieraq, l-użu ta' mudelli ta' termini kuntrattwali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

4.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għas-sigurtà tad-data li jirċievu.


whereas









keyboard_arrow_down